Il-lingwisti, speċjalment dawk li jħobbu jkunu politikament korretti, spiss jgħidu li m’hemmx lingwi “żgħar” u “kbar”. Probabbilment għandhom raġun. Anki meta l-lingwa tkun spiċċat b’kelliem wieħed, l-aħħar kelliem, tista’ tinkiteb poeżija tajba biha, u dil-possibiltà tagħmilha sapportabbli l-ħajja. Imma hawnhekk jispiċċa r-romantiċiżmu lingwistiku tal-ugwalità tal-ilsna. Għax jekk dal-kelliem irid jgħix mill-poeżiji tiegħu — u mhux qed ngħid biss jgħix għall-poeżija, imma wkoll jgħix minn xogħlu — l-affarijiet jikkumplikaw ruħhom. Il-lingwi f’daqqa waħda jsiru jew kbar u b’saħħithom (li normalment ifisser li huma potenzjalment profitabbli) jew żgħar, iżgħar mill-iżgħar kamra għolja infern f’xi belt Ewropea li fiha l-poeta ta’ dil-lingwa kważi minsija jipprova jikkomponi l-poeżija ta’ ħajtu.
Ilni iktar minn għaxar snin nikteb minn enklavi lingwistiku, waqt li lingwa maġġuri Ewropea, il-lingwa tal-poeti u l-ħassieba, dan il-Ġermaniż salvaġġ, awtentiku u meraviljuż jitrembel madwari, jipproduċi, jiddeċiedi, u jikkontrolla kollox. U jien tgħallimtu dan l-ilsien dominanti fil-komunità internazzjonali tal-belt ta’ Berlin, fejn huwa possibbli tgħix għal deċennji sħaħ, u fl-istess ħin tevita l-Ġermaniż, tinqeda bl-Ingliż, u tibqa’ mistieden perpetwu fil-lingwa.
Ilsieni kien darba jissejjaħ is-Serbo-Kroat. Fil-primarja kien jissejjaħ is-Serb. Illum, ma nafx eżatt fl-iskejjel tal-Montenegro, mnejn jien, x’jissejjaħ. Biex ingawdi l-lingwa tiegħi u niġġerra fiha bl-iktar mod liberu possibbli, dħaltilha bħala qarrej bid-djaletti, is-sottiljezzi u l-idjomi kollha tagħha. Kont ixxurtjat biżżejjed li l-iskola tgħallimt iż-żewġ alfabetti ta’ dil-lingwa, allura llum inqis ruħi lingwistikament sinjur. Sadattant, il-pajjiż fejn dil-lingwa (u tal-inqas tnejn oħra) kienet mitkellma u li fiha kienet tinħoloq il-letteratura, infired u nqerdet xi ħaġa li taħsibha b’saħħitha u malleabbli daqs il-lingwa. Issa, il-lingwa “tiegħi” suppost jisimha l-Montenegrin, waħda mill-erbgħa li ħarġu minn dak li kien is-Serbo-Kroat. Tidher biss stupidità nazzjonalistika jekk ċerti lingwi “ġodda” post-Jugoslavi mhumiex verament determinati li juru l-oriġinalità tagħhom u jeħilsu minn “kliem barrani” mill-vokabularju komuni li kien hemm qabel, biex minflok rikkezza lingwistika jagħżlu faqar lingwistiku.
U b’hekk wasal il-“kodiċi” li jirrappreżenta l-lingwi hekk imsejħa “tagħna” madwar l-Ewropa fid-dipartimenti tal-lingwi Slaviċi tan-Nofsinhar. Fil-Ġermanja dil-kodiċi hija BKMS (bosnisch-kroatisch-montenegrinisch-serbisch). Kelli l-opportunità li għal ftit nistudja l-kodiċi tal-lingwa tagħna fid-Dipartiment tal-Lingwi Slaviċi tan-Nofsinhar fl-Università Humboldt f’Berlin u nixhed il-konfużjoni fuq l-uċuħ ta’ dawk li kellhom jispjegaw jekk kinitx fil-fatt lingwa waħda jew erbgħa, liema kelma setgħet tintuża u liema le, u kif żewġ ittri ġodda Montenegrini kienu jitleħħnu. Il-qagħda hija tad-daħq daqskemm hi tal-biki.
Fit-toroq jew fil-bars jien malajr drajt li n-nies m’għandhomx idea x’qed ngħid meta ngħidilhom li jien nikteb bil-Montenegrin. Mhux ħaġa tal-iskantament, għax li kelli ngħidilhom mnejn jien, ħafna nies għal xi raġuni jpoġġu l-Montenegro xi mkien fis-salvaġġ tal-Amerka t’Isfel fuq il-mappa mentali, personali tagħhom. Dejjem deherli li ħaġa tad-daħq din. Peress li kbirt b’edizzjonijiet u traduzzjonijiet Jugoslavi tal-letteratura tal-Amerka t’Isfel, għal raġunijiet personali ħafna, spiss inpoġġi lill-Montenegro fuq il-mappa letterarja tal-Amerka Latina.
In-nies fit-triq u fil-bars, il-ġenerazzjoni sħiħa ta’ hipsters li magħhom ilni nipprova nissopravivi f’dil-belt għal dawn l-aħħar għaxar snin, spiss staqsewni għaliex ma niktibx bl-Ingliż. Jew issa, wara li għadda biżżejjed żmien, għax mhux bil-Ġermaniż. Fortunatament, dil-lingwa kbira li nikteb biha wkoll għandha kittieb kbir disponibbli kważi fil-lingwi “maġġuri” kollha, allura repetutament nirrikkmanda lil Danilo Kiš u l-esej tiegħu “Varjazzjonijiet tal-Ewropa Ċentrali” lil min hu verament interessat f’dan is-suġġett. Inħallihom jaraw sa fejn bi lsieni nista’ nsib varjazzjonijiet sottili għal “lejl mudlam” u “kelb”, mingħajr ma naħseb la fuq il-kelb u lanqas fuq il-lejl mudlam, imma sempliċiment inċedi għal-lingwa bħala mezz ta’ taqbida u bħala mezz kif insib ftit paċi temporanju. (Qisek tkun mitluq fuq wiċċ l-oċean, tisma’ t-tkarwit ta’ qiegħ il-baħar f’widnejk, waqt li fuqek, bħal fl-1 ta’ Mejju 1999, disat ijiem qabel għeluq id-disa’ sena tiegħi, jets tan-NATO jtiru mid-direzzjoni tal-baħar bħal għasafar tal-passa sejrin lejn l-art. Il-fatt li ftakart dil-immaġni li kont ilni li nsejt waqt li qed nikteb dwar il-lingwa bħala mezz ta’ paċi u taqbid probabbli jgħid xi ħaġa dwari. Psikoloġikament ma jimpurtanix x’jgħid dwari. Lingwistikament juri li, meta nikteb, għandi bżonn nimxi fil-lingwa b’mod assoċjattiv, mingħajr ma nħossni li qed naħrab minn xi ħaġa jew li għandi nagħti prova ta’ xi ħaġa lil xi ħadd.)
U li tagħti prova lil xi ħadd fil-lingwa u l-letteratura hija kważi n-norma fil-lingwi ż-“żgħar”. Filwaqt li faċli taqbel man-nies fil-bar u fit-triq dwar liema lingwa hija “tagħna” u dwar x’jistgħu jfittxu fit-traduzzjonijiet, hija ħaġa ħafna iktar diffiċli fis-suq letterarju u tat-traduzzjoni. Hemm, l-ilsna ż-żgħar jikkjuwjaw fil-bibien tal-ilsna l-kbar, jittamaw li jirbħu xi premjijiet burokratiċi li kapaċi jitfgħuhom fl-urna tal-fondi, u minn hemm jittellgħu mit-tradutturi u l-pubblikaturi bħall-boċċi.
Jien stess ukoll inħabbat dat-tanbur u allura nista’ nikkonferma l-banalità tas-sitwazzjoni mill-perspettiva tiegħi stess. Fil-każ tiegħi, l-affarijiet qegħdin hekk: fl-għaxar snin li ilni ngħix u nikteb Berlin, irnexxieli nippubblika ktieb wieħed bil-Ġermaniż u jkolli żewġ kotba tradotti. L-ewwel traduzzjoni hija r-riżultat ta’ sforz ta’ “proġett” klassiku. Pubblikatur mis-Serbja mar bilġri għall-fond ewlieni jismu Creative Europe, sab pubblikatur mill-ispazju lingwistiku Ġermaniż biex jilħaq il-bżonnijiet tal-proġett, sab ukoll traduttur, u pproduċa ġabra bilingwi ta’ poeżiji. “Proġett Ewropew” tipiku fejn kulħadd jieħu ftit flus. Kulħadd ħlief l-awtur. Għall-inqas fil-każ tiegħi. Bħala kittieb, forsi għandi nkun grat li l-ktieb tiegħi qed jiġi ppubblikat bil-Ġermaniż. F’dal-każ kont naive u grat, u l-ktieb ġie ppubblikat.
Iż-żewġ traduzzjonijiet l-oħra se jsiru bħala parti minn proċess ieħor, xejn inqas burokratiku: il-Premju Letterarju tal-Unjoni Ewropea. Biex inkun spirituż: ftit snin ilu kont finalist għal dal-premju, u allura nfetħu l-bibien għal ċerti fondi, u minn dawk il-fondi ġew il-flus għat-traduzzjonijiet tar-rumanz finalista tiegħi. Għal din l-okkażjoni, dal-aħħar kont Brussell f’avveniment organizzat mill-Kummissjoni Ewropea. Hemmhekk, aħna, l-awturi ta’ ilsna żgħar u kbar, inġbarna biex il-Kummissjoni Ewropea tgħidilna li l-lingwi żgħar u kbar ma jeżistux, hemmhekk fejn il-burokratiċi ta’ Brussell b’xi mod dejjem itennu l-kwotazzjoni ta’ Umberto Eco (“La lingua dell’Europa è la traduzione”!) biex jirringrazzjawna talli għadna nipprovaw niktbu fil-lingwi (mhux) żgħar tagħna. Imbagħad pranzu, tpaċpiċ, u kulħadd imur lura lejn id-dar (lingwistika) tagħhom.
F’dal-avveniment eleganti ġo Brussell kien hemm ukoll post għal tikka politika u “żball tat-traduzzjoni” simboliku. Fuq il-palk tal-famuża sala Flagey, madwar għoxrin minna introduċew ruħhom fi gruppi ta’ erbgħa. Kull grupp kellu ħames minuti. Il-grupp li kont fih jien għażel li nippreżentaw lilna nfusna bis-slides, kull slide individwalment tintroduċi l-kwistjoni li aħna interessati fiha jew li tinkwetana. Allura l-Ġeorġjan tkellem dwar is-serq tal-elezzjonijiet, l-Armena għażlet it-tibdil fil-klima, il-Malti għażel il-mewt tal-emigranti fil-Mediterran, u jien għażilt iċ-ċensura tal-opinjonijiet pro-Palestinjani fil-Ġermanja. Is-slide tiegħi suppost kellha turi d-dulliegħ — turrun dulliegħ misjur, u fuqhom kwotazzjoni ta’ Danilo Kiš mill-esej “Ċensura/Awtoċensura”, imbagħad kwotazzjoni qasira mir-rumanz finalista tiegħi.
Meta kien imissni nippreżenta s-slide, id-dulliegħ kien għeb, il-kwotazzjoni ta’ Kiš u tiegħi kienu għadhom hemm fuq sfond abjad, mingħajr kuntest u mingħajr dulliegħ. Għal dawk li ma jafux, u jien ċert li l-burokrati ta’ Brussell jafu, id-dulliegħ huwa wieħed mis-simboli viżivi tar-reżistenza Palestinjana. Tassew kont ħsibt li ħadd mhu se jara l-preżentazzjonijiet tagħna fi Brussell għax dan kollu kien formalità burokratika. Imma xi ħadd, mid-dehra, qed jgħasses fuqna. Jew, kif spjegawli wara l-organizzaturi, jiskużaw ruħhom, xi ħadd fil-kamra teknika ħa żball, aċċidentalment.
Allura mort Brussell bid-dulliegħ u ġejt lura mingħajrhom. Jekk kienx ċensura jew żball tekniku, mill-qalba tal-Kummissjoni Ewropea bħallikieku riedu jgħiduli “Mur tnejjek int u d-dulliegħ l’għandek, int mhux qiegħed biex taħseb politikament, int qiegħed biex tikteb il-kotba, preferibbilment kotba eżotiċi, u forsi ntuk ftit flus darba kultant u l-kotba inkomprensibbli tiegħek jiġu tradotti, imbagħad kif jgħid Eco, jekk ma kontx taf, u probabbilment ma kontx, għax ħadd ma jitkellem it-Taljan minn dik il-fossa tad-dranaġġ li ġej minnha, la lingua dell’Europa è la traduzione!”
Għandhom raġun, it-traduzzjonijiet tar-rumanz finalista tiegħi se jiġu ppubblikati s-sena d-dieħla, anki waħda bil-Ġermaniż. “Grazzi lill-Kummissjoni Ewropea” se tkun miktuba fuq il-ktieb. U meta l-flus mill-parteċipazzjoni tiegħi fi Brussell fl-aħħar jaslu fil-kont tiegħi, inkun nista’ nħallas parti mid-dejn tiegħi tal-assigurazzjoni tas-saħħa. Fuq dal-pagament nikteb, b’Serb Tardiv pur: “Hvala kurcu!” U kif taqlibha dik, mil-lingwa ż-żgħira għal-lingwa l-kbira?
.