Pollakki ta’ Chelmno

Glorianne Micallef

Fl-2014 sibt ruħi bla xogħol. Kont ilni xi xhur naħdem xogħol tat-tisbit ta’ ras u qabżitli. Waqt dak il-ħin liberu ħelu li jġib miegħu l-qgħad volontarju mingħajr konsegwenzi serji, intfajt nara kemm Alla ħalaq films u dokumentarji, fosthom Shoah ta’ Claude Lanzmann. Illum ngħid bilfors qiegħda trid tkun biex tara dokumentarju ta’ kważi għaxar sigħat. Fost ix-xhieda li jkellem Lanzmann, l-iktar wieħed li bqajt niftakar kien dan il-barbier, b’xagħru miżbugħ aħmar, fattizzi gustużi kemxejn femminili, jitkellem Ingliż b’aċċent qawwi, ikarkar kull kelma. Jiġi intervistat fil-ħanut tiegħu fi New York, waqt li qed jaqta’ x-xagħar, u jirrakkonta fuq meta kien jaqta’ xagħar il-priġunieri fi Treblinka eżatt qabel ma jinqatlu (niftakar kif jgħid Treblinka, imkarkra, l-erre u l-elle qishom jirbumbjaw). Jibda jibki hu u jdur mal-klijent li għandu fuq is-siġġu, iqasqas ix-xagħar, irid jieqaf, Lanzmann iġiegħlu jkompli.

Kien hemm sopravissut ieħor, dan ma niftakarx kif jidher, li ġie intervistat fil-Polonja, fl-istess post fejn kien hemm il-kamp li kien priġunier fih, u naħseb kien irnexxielu jaħrab, forsi Treblinka wkoll. Waqt l-intervista jitfaċċa xi Pollakk, naħseb jipprova jindaħal fl-intervista, irid jidher fuq il-kamera. Ix-xhud speċi jaħtfu, jgħidlu, Intom kontu tafu x’inhu jiġri, qatt m’għamiltu xejn biex issalvawna. Ma niftakarx jekk irrispondiex il-Pollakk.

Nixtieq niċċekkja l-memorja hix korretta, imma fil-preżent m’iniex qiegħda u żgur m’għandix għaxar sigħat biex nerġa’ nara Shoah. Allura nistaqsi lil Gemini. Bejn wieħed u ieħor ftakart sew, għajr xi dettalji. Xagħar Abraham Bomba kien miżbugħ, imma mhux aħmar, u l-ħanut tax-xagħar kien f’Tel Aviv u mhux fi New York, għalkemm Bomba kien fil-fatt jgħix u jaħdem New York, imma Lanzmann iffilmjah band’oħra. Ix-xhud l-ieħor, Szymon Srebnik, ġie intervistat f’Chelmno mhux Treblinka, u ma kienx Pollakk wieħed li daħal fil-filmat imma ċorma żgħira, li ħarsu lejh qishom qed jaraw ħares, u li eventwalment ippruvaw jiġġustifikaw dak li ġara f’raħalhom. Ma kienx Srebnik innifsu li ħatafhom, imma Lanzmann. Srebnik baqa’ kwiet.

Niftakarni nara wkoll Waltz with Bashir, ta’ Ari Folman, fl-istess żmien, u nassumi li minn hemm sirt naf dwar il-massakru ta’ Sabra u Xatila. M’iniex intiża tal-films animati, imma dan kien vera għoġobni — viżwalment, l-għażla tal-mużika, mid-dwejjaq ferrieħi ta’ Enola Gay għad-dwejjaq imdejjaq ta’ Max Richter, u l-mod frammentat kif inhi rrakkuntata l-istorja. Fl-aħħar minuta tal-film ma jibqax animat imma jidher filmat arkivjali, ta’ waħda mis-sopravissuti tixher hi u miexja maġenb munzelli ta’ iġsma fi triq dejqa ta’ Xatila, titlob u tinkoraġġixxi l-ġurnalisti jiġbdu l-filmati tal-qerda. Sawru, sawru, tgħidilhom. Imma fejn kontu?

Meta ltqajt ma’ Hammoudi qbadnieha fuq il-films. Qalli li l-film favorit tiegħu hu La Meglio Gioventù ta’ Marco Tullio Giordana, u ċerta li dak kien il-mument fejn iddeċidejt li hu l-imħabba ta’ ħajti. La Meglio Gioventù hu wieħed mill-films favoriti tiegħi wkoll, anki jekk sa ma semmihuli hu kont kważi nsejtu. Jirrakkonta storja ta’ grupp t’aħwa u sħabhom u l-familji u l-maħbubin tagħhom miż-żgħożija ’l hemm fil-kuntest tal-Italja mis-snin sittinijiet sad-disgħinijiet. L-attiviżmu, il-Brigate Rosse, il-mafja, id-diqa, l-isptarijiet psikjatriċi qabel il-liġi ta’ Franco Basaglia. Fuq kollox l-imħabba.

Forsi dak kien il-mument fejn ħassejt dik l-aħna u huma tisparixxi, bħal nida ma’ ħġieġa kif toħroġ ix-xemx. Mhux il-fatt li t-tnejn bnedmin, l-istess speċi eżatta, li kieku kellek tħares sew lejn id-DNA tagħna t-tnejn kienet tkun mad-disgħa u disgħin punt disgħa fil-mija l-istess, mhux il-fatt li twelidna maġenb l-istess baħar għalkemm elfejn kilometru ’l bogħod, taħt l-istess xemx u qamar, mhux għax it-tnejn nitkellmu ilsna simili, imma dak il-film Ewropew fuq nies bojod, il-fatt li mhux talli jaf li jeżisti imma jikkunsidrah bħala l-film favorit tiegħu. Hemmhekk Hammoudi sar ftit abjad, iktar bħali (speċi ta’ bajda, skont lil min inkun qed inkellem, imma ħdejh, u skontu, jien bajda). Iktar bniedem.

F’xi univers konna nibqgħu ta’ xulxin għal dejjem. Imma f’dan, għalih in-nida baqgħet hemm, qed jara tifla bla grazzja tipprova timsaħha b’idha imma iktar iċċallas. Kemm xtaqt insir iktar bniedma għalih. Imma anki meta spjegajtlu li l-Malti hu lingwa semitika u għalhekk jien semitika (bħalu!), li Malta qisha Beirut — kerha imma sabiħa ħafna — jien għalih bqajt tfajla bajda li ltaqa’ magħha għal ftit gost.

Hammoudi qalli li, meta ġew għalih is-suldati t’Assad, qallbulu u fittxewlu kullimkien, ħadulu hard disk mimlija mijiet ta’ films, u baqa’ ddispjaċut li din qatt ma ngħatatlu lura, lanqas wara li missieru ħallas lil xi qaddis u nħeles mill-ħabs wara jiem u ljieli ta’ torturi. Ma staqsejtux x’torturi kienu. Nistħi ngħid li l-ewwel ħsieb li għadda minn moħħi kien li qed jivvinta jew jesaġera, irid jimpressjona, qisha dik ħaġa li tagħmel jekk trid tgħabbi, tħarref li int vittma tat-tortura. Naħseb għalina l-bojod, anki jekk mhux minn dejjem konna bojod, tant huma inkonċepibbli ċerti sofferenzi u atroċitajiet, li istintivament naħsbu li gidba, esaġerazzjoni, u issa, IA.

Jiġu ljieli fejn, jien u nipprova norqod, moħħi mnejjek jibda jdawwar il-konverżazzjonijiet li kellna f’dak il-lejl u jum, jipprova jifhem fejn mort żmerċ, ngħid forsi jmissni staqsejt iktar, imissni ħallejtu jiftaħ qalbu, għax forsi dhert diżinteressata mit-trawmi tiegħu, forsi hemm li tliftu. Jew forsi jista’ jkun li approfittajt wisq mill-ospitalità tiegħu u domt wisq hemm. L-Għarab mhux se jgħidulek itlaqli ’l barra għax għandi x’nagħmel, u jien bqajtlu hemm, għal lejl u jum! Forsi għax kont ninten, kien is-sajf. Forsi għax kont qisni belha.

B’xi mod id-diskors dar fuq Waltz with Bashir. Forsi semmejthulu jien, imma naf li hu qal li rah, jew bdieh, żmien ilu, qabel Beirut, qabel il-ħabs u qabel it-torturi, kien fuq il-hard disk. Bilfors bil-kutrabandu kellu jarah. Jien għedtlu kemm għoġobni, hu deher urtat, qalli li dejqu għax jippreżenta l-massakru fi frammenti, irrakkontat bil-ħolm u l-memorji u għalhekk dubjuż, suġġett għall-idjosinkraziji tas-subkonxju u l-abbiltà tan-narratur u sħabu l-eks suldati li jiftakru x’ġara u x’ma ġarax f’dawk it-tliet jiem u ljieli fis-sajf tal-1982 f’Xatila. U naħseb inħsadt u ssummajt, għax dak iż-żmien kont naħseb li nuqqas ta’ qbil huwa bilfors konfrontazzjoni, u Waltz with Bashir kien verament għoġobni. Sa anki tajtu ħames stilel fuq Letterboxd.

Daż-żmien m’għadnix nuża Letterboxd u m’għadnix nara films. Xi darba jerġa’ jasal iż-żmien li jkolli ċ-ċans, imma għalissa nqalleb fuq Instagram, nara r-ritratti, il-videos qosra, dak li jitfagħli l-algoritmu — xi affarijiet li jippowstjaw ħbieb u nies li niffolowja, ħafna affarijiet relatati mal-gwerra, xi video ta’ xi aġenzija jew karità titlob il-flus biex titma’ u tlibbes ’in-nies f’Gaża u nitħawwad għax, mhux qed jgħidu li mhux qed iħalluha tidħol l-għajnuna? Hemm ruxxmata minn dawn u ma nafx liema huma imbrolju u liema le, allura nispiċċa ma nagħti lil ħadd. Ritratti ta’ tfal, kbar, mejtin, fuq stretcher improvizzat, imkeffnin f’garża jew keffija, inkella xi driegħ jittawwal minn taħt it-tiġrif, imkeffen bl-għabra. Kultant l-istess tip ta’ ritratti imma evidentament iġġenerati bl-IA, u nikkonfondi x’inhu l-punt meta jeżistu tant ritratti veri. Ġieli naqa’ fiċ-ċiklu tar-reels. Assurda kif titlagħli reel tad-daħq, reel ta’ tfal orfni jibku għax bil-ġuħ, reel tad-daħq, reel t’omm tokrob għax lit-tarbija jigdmuha l-firien billejl, reel tad-daħq, reel b’leħen iċ-ċkejkna Hind Rajab tibki għall-għajnuna waħidha ġo karozza mdawra minn qrabatha mejtin ftit qabel ma tinqatel hi wkoll. Daħħaqni reel ta’ Lebaniż jimita lil missieru, dan, il-missier, jitnejjek b’ibnu li qed jibża’ mill-gwerra, jgħidlu li hu għamel sbatax-il sena jikkutrabandja ċ-ċomb fit-toqba ta’ sormu, li dak żgur kien żmien ta’ biża’, imbagħad l-iben jikkoreġih li l-gwerra damet ħmistax-il sena, u l-misser iwieġeb li baqa’ jiġġieled sal-1992, għax ma ndunax li spiċċat.

Fil-kummenti kważi kulħadd jitħassarhom, kulħadd jisħet lill-Iżrael u ż-Żijonisti. In-nies bojod iħobbuhom lill-Palestinjani. Il-Palestinjani nies sew, ilhom ibatu. Ħlief tal-Ħamas, ovvjament. Dawk nies ħżiena. Il-Palestinjani nħobbuhom għax avolja qed jinqatlu, ma jintefgħux bil-gzuz fid-dgħajjes bit-tmun lejn l-Ewropa. Kieku kellhom jiġu bil-gzuz, bħalma għamlu s-Sirjani wara l-2011, nini nini konna nissimpatizzaw u nagħdruhom. X’jiġifieri ġew hawn? Għaliex ma baqgħux hemm, jiġġieldu sal-mewt għal arthom u nieshom? Mal-Ħamas.

Issa qed jitilgħuli posts tal-Haaretz, artiklu fuq irġiel u nisa Iżraeljani jirrakkuntaw it-trawma ta’ dak li raw iseħħ, dak li xehdu mingħajr oġġezzjoni, dak li kienu parteċipi fih, waqt li kienu skjerati mal-forzi Iżraeljani f’Gaża. Qtil, stupru, tortura, umiljazzjoni. Issa, lura fil-kumdità ultra hip tal-unika demokrazija fil-Lvant Nofsani, mhux jirnexxilhom jorqdu, it-turment ta’ dawn il-memorji mhux iħallihom jgħixu bħal qabel, qed ikissru l-mirja għax ma jifilħux iħarsu lejn wiċċhom, uċuħ koroh ta’ nies ħżiena. “Moral injury”, milli jidher, tissejjaħ.

Suppost qed nitħassruhom, għalhekk qed jgħiduhom dawn l-affarijiet? Jew suppost qed nammirawhom, għax fost is-skiet tal-bqija ta’ sħabhom, qed ikunu onesti dwar x’qed iseħħ? Imma m’għandniex bżonnha x-xhieda tagħhom għax nafu x’inhu jiġri. Din ix-xhieda tiegħek, dan il-kuraġġ falz li qed turi wara isem anonimu, mhix se teżonerak. Dak li sar rajnieh, u hemm se jibqa’. Il-moral injury tista’ ddaħħalha f’sormok u żżommha hemm, forsi 25 sena oħra, meta tkun għadek tiġri barra, u ma tkunx għadek tħossok daqshekk ħażin għajr waqt xi ħmar il-lejl ambigwu kull tant żmien, għalkemm il-biżatal-ħaqq kultant iġiegħlek iddawwar rasek int u miexi fit-triq, forsi mbagħad javviċinak xi tali, u jintervistak, sa dak iż-żmien forsi tkun għadek tiftakar xi biċċiet, forsi tiġi fid-dubju wkoll u jkollok tikkorroborahom ma’ sħabek, lil dik it-tifla fejn sparajtulha eżatt, u jsir dokumentarju ħelu fuq din il-memorja mmanifatturata li tagħmilkom vittmi iktar mill-vittmi, li forsi jirbaħ l-unuri u jaqla’ ħames stilel fuq Letterboxd minn nies bħali.

Imbagħad inħossni daqsxejn ħażin, u nistaqsi lil Gemini jekk l-Iżraeljani, fuq kollox, jistgħux joħorġu mil-lieva u r-riserva militari. Milli jidher iva, imma bħal ħafna affarijiet fil-ħajja, mhix faċli. Anki jekk imorru jgħixu barra jistgħu jgħajtulhom. Gemini jgħidli li l-ikbar ostaklu huwa soċjali oltre milli legali, li ħafna jsibuha bi tqila biex jiskartaw is-servizz militari, minħabba li tista’ tiġi interpretata bħala nuqqas ta’ lealtà lejn l-istat u lejn sħabhom tal-battaljun, il-perċezzjoni li qed jabbandunawhom f’ħin ta’ periklu, anki jekk mill-invażjoni ta’ Gaża tal-2023 ’l hawn għal kull suldat Iżraeljan maqtul inqatlu tmenin pajżan Palestinjan u għoxrin militant. Speċi ta’ FOMO, u minn mindu l-FOMO sar ġustifikazzjoni għar-reati kriminali? Qed infittex kelma għal dan kollu. Banali? Eh, bilħaqq. Ma tgħallimna xejn. Il-memorja qasira, fejn irridu.

Inħossni ħażin li ħassejtni ħażin għal min forsi kkunsidra joħroġ mil-lieva u ra x’għamel biex ma joħroġx.

Is-suldati tal-IDF mhux eżonerati. U jien, eżonerata?

Meta binti tikber xi naqra u forsi jkun jimpurtaha, se tkun qed taqra fuq il-ġenoċidju tal-Palestinjani f’Gaża u se tħares lejja. Se nlaqlaq. Binti, din ma bdietx fis-7 t’Ottubru tal-2023 biex niftiehmu, imma biex inkun perfettament ċara, fis-7 t’Ottubru tal-2023 int kellek inqas minn ħames xhur, kont għadek tqum mill-inqas ħames darbiet f’lejl tfittixni, u kont għadni kif erġajt bdejt naħdem erbgħin siegħa. Għalhekk ma niftakarx dettalji, ħlief sħaba sewda fuq qalbi. Għax kien ovvju x’se jiġri mill-għada.

Fl-2024 ktibt lil Roberta Metsola, użajt dak li ħsibt li naf fuq kif jaħsbu u jaġixxu l-politikanti, stħajjiltni xi manipulatriċi prima. Kienet għadha kif ġiet rieletta fil-Parlament Ewropew u kkonfermata bħala l-President. Semmejtilha lilek, li għadek tarbija, fuq kif irrid li Metsola tkun ta’ mudell għalik ’il quddiem, bħala mara Maltija li laħqet fi rwol influwenti u influwenzat fis-sewwa. Fuq kif twaħħaxt nara, fuq X, ritratti ta’ trabi maqtulin, maħruqin, maħlulin, inkella ta’ trabi ħajjin imma b’partijiet minn ġisimhom nieqsa, jew ta’ ommijiet ħajjin, imma jixhru ’l uliedhom mejtin. Metsola weġbitni, hi jew probabbli xi ħadd mit-team tagħha. “I will always keep doing everything in my power to make you and your daughter proud.

Eventwalment ħassart X.

Fl-2026, qabel l-elezzjoni ġenerali, bdejt intella’ u nniżżel nerġax niktbilha. Issa naf, u ma niddejjaqx ngħid, li ma nafx kif jaħdem moħħ dan-nies. Ma kontx naf x’għandi ngħidilha, jekk għandix ngħajjarha purċinella, inkella noħodhiex bil-ħlewwa u ngħidilha li mhux tard wisq biex tagħmel dak li hu sewwa. Insibha bi tqila, anki biex nibgħat email li mhi ħa ssarraf f’xejn, ħlief forsi ġġegħelni nħossni ftit aħjar. Anka jekk b’xi mod titqanqal, u tieħu pożizzjoni, x’se tagħmel, naħsbuha li l-Unjoni Ewropea miexja fuqha, imma fil-fatt hija l-ekwivalenti ta’ Anġlu Farrugia b’paga aħjar, ħwejjeġ isbaħ, u ħbiberija daqsxejn konvivjali żżejjed ma’ Zelensky. Sa Jannar tal-2025 il-mejta fil-Gaża qabżu l-75,000 u Metsola mhix se tirxuxtahom. U dan qed nitkellmu biss fuq nies li nqatlu direttament mill-bombi u d-drones u l-armi li ma nafx kif jidhru u x’jisimhom u nispera li nibqa’ ma nafx, mingħajr ma nikkunsidraw il-mejta bil-ġuħ, b’mard li konna kważi nsejna li jeżisti, minħabba nuqqas ta’ aċċess għal sptarijiet, mediċini, ilma nadif, kenn u dieta sura.

Nipprova nagħmel il-parti tiegħi. Il-Wellbees nevitah għax ibigħu l-Carrefour. Burger King, Pizza Hut, McDonald’s, Coca-Cola, Zara ma nixtrix, għalkemm mhux li kont nagħtihom wisq kummerċ qabel. Nixtieq inneħħi Disney+ imma f’ġieħ Alla meta jkolli bżonn mument kwiet nippreferih mill-imbarazz ta’ fuq YouTube, li fl-aħħar mill-aħħar huwa proprjetà tal-Google, li wkoll qiegħed fil-lista uffiċjali tal-BDS. X’suppost nagħmel, nuża Bing? Imma mbilli nuża l-Google m’iniex l-istess bħas-suldati tal-IDF, hux? Hux vera m’iniex? Meta nfittex “healthy muffin toddler recipe” fuq Google u meta nurik A Bug’s Life fuq Disney+ biex forsi torqod, mhux l-istess bħal li titfa’ bomba fuq sptar? Għidli li le.

Sibt il-biċċa minn Shoah miġbuda f’Chelmno. Kienet il-festa tal-Marija Bambina, u x-xena nġibdet barra l-knisja, ftit wara l-quddiesa. Il-Pollakki kienu bilwieqfa qishom qed jippużaw għal ritratt, u f’nofshom Szimon Srebnik, li fil-maġġorparti tal-ħin kellu speċi ta’ tbissima sardonika fuq wiċċu, hu u jismagħhom jitkellmu. Tkellmu ħafna. Kont insejt li waħda mill-karatteristiċi ta’ Shoah, u parti mir-raġuni għala hu daqstant twil, hi li kulma jintqal irid jiġi interpretat għall-Franċiż, allura kollox jintqal darbtejn. U minħabba li f’dal-każ kien hemm ċorma nies, kulħadd irid jgħid tiegħu, niddubita li l-interpretu rnexxielha taqbad kollox. Jagħrfuh lil Srebnik, jiddeskrivuh bħala t-tifel skeletru li kien jagħmel il-qadi lis-suldati u jkanta fuq ix-xmara, wieħed mill-ftit li baqgħu jaraw. Lil Lanzmann jirrakkuntawlu li l-Lhud kienu jittieħdu ġewwa l-knisja ta’ warajhom, kienu jisimgħuhom jibku u jingħu bil-ġuħ, sakemm jiġu t-trakkijiet bil-bokka mal-bieb tal-knisja, jgħabbu n-nies, u sal-aħħar tal-vjaġġ qasir lejn il-foresta jkunu mejtin. Jgħidulu li ma setgħux ma jkunux jafu x’inhu jiġri. Isemmu li fil-bagalji kien ikollhom deheb u affarijiet prezzjużi, ġieli moħbijin f’borom b’qigħan foloz jew fil-ħwejjeġ, u kif jistaqsihom kif jafu, toħroġ il-purċissjoni tal-Marija Bambina, u l-folla żgħira tinqasam għal mument biex iħalluha tgħaddi. Srebnik kultant jidher qisu imbarazzat minflokhom. F’mumenti jikkontradixxu lilhom infushom, filli jgħidu li ma setgħux iħarsu lejn il-priġunieri għax jiġu fl-inkwiet, filli jgħidu li kienu jitfgħulhom l-ikel bil-moħbi. Għajnejn Srebnik iffissati fuq il-kamera, xi darba jew tnejn idur għax ikun kellmu xi wieħed mill-Pollakki, u tarah jgħid xi kelma. Fl-aħħar jgħid tiegħu l-organista tal-knisja, li jimplika li Srebnik u niesu huma l-ulied fil-famuża frażi “demmu fuqna u fuq uliedna”.

Forsi ħlief għall-waħdiet li lesti joħorġu għonqhom, bħal dawk tal-flotilla jew xi Aaron Bushnell, il-bqija, bħall-Pollakki ta’ Chelmno, aħna lkoll spettaturi kkastrati, diżinteressati fil-maġġorparti tal-ħin. Illum m’hemmx bżonn ta’ dokumentazzjoni wara l-att bħalma għamel Lanzmann u pprova jagħmel Folman, għax kollox imxandar. Ġieli mill-aggressuri stess, għalkemm issa saru joqogħdu iktar attenti, għax dik evidenza u hemm minnhom li sabu ż-żbiba fl-aħħar tal-mazzita waqt vaganza fl-Ewropa bejn skjerament u ieħor. Il-qtil qed isir quddiemna, u l-apatija u l-passività tagħna ssir quddiemhom, quddiem l-aggressuri, quddiem il-vittmi, u la jasal il-mument li jħarsu lejna, ma nafx x’se ngħidu. Nispera li għall-inqas ikollna d-diċenza li nżommu ż-żobb ta’ ħalqna magħluq, imma hemm aħna, ktibt dan l-esej .

L-istatistika dwar l-għadd ta’ mejtin f’Gaża hija meħuda minn “Violent and non-violent death tolls for the Gaza conflict: new primary evidence from a population-representative field survey” ta’ Michael Spagat, Jon Pedersen, Khalil Shikaki, Michael Robbins, Eran Bendavid, Håvard Hegre li deher f’The Lancet Global Health, Vol. 14, Ħarġa 4, e552-e559, April 2026; dik tas-suldati Iżraeljani hija meħuda minn sit tal-Gvern tal-Iżrael. Ir-ritratt użat għall-pubbliċità ta’ dan l-esej ittieħed mill-Palestinian News & Information Agency (Wafa) f’kuntratt ma’ APAimages u qed nużawh taħt liċenzja Creative Commons CC-BY-SA 3.0 Unported Aqsam bl-Istess Mod.

Dekorazzjoni art-nouveau