Kemm huma rilevanti
Din hija l-kitba ppubblikata dax-xahar:
-
- Frar 2024
Il-Mara
tas-Suldat Fil-bidu, jekk qatt kien hemm bidu, il-maħbubin kollha sejħu lilhom infushom amazzuni. Huma u jgħixu flimkien, jinħabbu, jiċċelebraw lilhom infushom, jilagħbu, fiż-żmien meta x-xogħol kien għadu logħba, il-maħbubin fil-ġnien tal-art baqgħu jsejħu lilhom infushom amazzuni tul Żmien id-Deheb kollu. Imbagħad, xħin twaqqfu l-ewwel bliet, bosta maħbubin kissru l-armonija oriġinali u sejħu lilhom infushom ommijiet. Minn dan iż-żmien ’l hemm, il-kelma amazzuna saret tfisser għalihom tifla, li qatt ma tikber, immatura, dik li qatt ma tħaddan id-destin tagħha. L-amazzuni tkeċċew mill-bliet tal-ommijiet. Kien f’dak il-mument li dawn saru vjolenti u bdew jiġġieldu biex jiddefendu l-armonija. Għalihom, l-isem antik amazzuni baqa’ bit-tifsira oriġinali. U minn issa beda jfisser xi ħaġa aktar: dawk li jħarsu l-armonija. Minn hemm ’il quddiem stajt issib amazzuni f’kull żmien, f’kull kontinent, gżira u xatt. Dħalna fiż-Żmien Glorjuż grazzi għall-amazzuni tal-lum. Ħafna drabi maħbuba tuża ġesti biex b’ġisimha ssir tixbah dak l-annimal jew dawk l-annimali li l-aktar li għandha affinità magħhom u b’hekk tagħti pjaċir lill-maħbuba tagħha. Dan isir aktar faċli meta tkun taħt ipnożi. Trid tinsa l-mossi ta’ kuljum u ssib dawk tal-annimali tagħha. Din mhix imitazzjoni tal-annimalesk: din hija mima. Hija ħaġa diffiċli biex taqbad u tagħmilha spirtu pront, anki jekk il-maħbuba ssaqsiha biex tagħmilhielha bl-ikbar ġentilezza. “Meta ssaqsini biex nagħmilha ta’ ġemel, niddejjaq, għax rari jirnexxili.” (Charlotte Plume, Iċ-Ċirku Tiegħi, Gallija, Żmien il-Konkos.)
-
- Djarju 08.01.2024
Marlboro Gold,
il-favoriti tiegħi, jgħidliWaqt li jien għadni fis-sodda, S qiegħed fil-kamra tal-banju jisma’ diska li kont inħobb nisma’ xi sentejn ilu, però ma nistax niftakar eżatt x’inhi. Inqum u nistaqsih. Jgħidli li hi “Andromeda” ta’ Weyes Blood. Inqum u nnaddaf il-kċina, niħħuverja, u naħsel l-art. Nieħu shower. Nirċievi telefonata m’għand tad-delivery biex jgħidli li għandi pakkett jistennieni isfel. Ninżel għalih. Huwa ktieb—il-memoir ta’ Lucia Berlin. Għall-ħabta tas-19h, hekk kif se nitlaq mill-appartament biex immur niltaqa’ ma’ C, R, I u M għall-ikel, u waqt li S qiegħed fil-banju jipprepara biex joħroġ, B jiġu lura d-dar ma’ E u l-kelb tiegħu, Bruno. Kienu l-gym aktar kmieni llum u nassumi li wara baqgħu barra. Nimxiha sar-restorant fejn qalu li se nieklu. It-temperatura -1°C, imma lbist ħafna layers u leggings tat-thermal u għandi wkoll balaklava madwar għonqi. Ma nistax nilbisha kif suppost għax fuq rasi għandi l-headphones. Meta nasal, nordnaw immedjatament, l-ikel jiġi mill-ewwel u nitilqu madwar għaxar minuti wara li kulħadd ikun lest. Waqt l-ikel, b’xi mod, nitkellmu dwar il-Green Goblin minn Spider Man, u villains oħra bħall-Penguin, minn Batman.
-
- Frar 2024
- Indħil Barrani
Kollox Iperpolitiku
(tr Karl Baldacchino)
Ir-ritratti huma ta’ lwien jgħajtu, kważi fluworexxenti. It-tema li tgħaqqadhom hi “l-imħabba”. F’ritratt jismu Love (hands in hair), mara b’xagħar aħmar u għajnejha magħluqin hija miżmuma minn par idejn maskili li jilħquha minn barra l-bordura. F’ritratt ieħor raġel b’ġakketta tal-jeans qed jiżfen waħdu, kważi qed ilaħħaq għal id fil-qrib. F’Love (hands praying), mara b’għajnejha magħluqin torbot idejha f’nofs folla clubbers. Bħallikieku f’ritwal sekulari, timmedita fl-anonimità tad-diskoteka. In-nies fir-ritratt jiżfnu ma’ mużika maħluqa fuq il-bażi ta’ ħsejjes li jarmi l-makkinarju industrijali ta’ Detroit u Manchester, il-bliet tewmin li welldu t-tekno. Fl-1989, però—is-sena li fiha ttieħdu dawn ir-ritratti— il-magni m’għadhomx jaħdmu. Ħafna minnhom ċkienu jew ġew irrilokati lejn iċ-Ċina, filwaqt li l-bliet tewmin tat-tekno ġew deindustrijalizzati. Waqt li kienet qed tivvjaġġa ġo megabelt Ċiniża xi snin qabel, il-fotografa Ġermaniża Hilla Becher innotat l-assemblaġġ mill-ġdid ta’ kopja ta’ mitħna tal-azzar li darba ġibdet fl-Ewropa. Issa, iż-żgħażagħ fir-ritratti tal-ħajja ta’ billejl ta’ Wolfgang Tillmans jiżfnu biex jippruvaw ixejnu l-industrija, il-politika u l-istorja nfisha. Ta’ min jinnota ż-żmien u l-post tar-ritratti ta’ Tillmans. Jiddokumentaw Londra taħt Thatcher u Berlin waqt li l-Ħajt nieżel. Lejn il-Lvant, is-soċjaliżmu statali qed joqrob il-kollass. Il-kapitaliżmu globali huwa trijonfanti. Id-deindustrijalizzazzjoni tal-Punent qed taċċellera. Fl-istess sena li x-xjenzat politiku Amerikan Francis Fukuyama ppubblika l-esej leġġendarja tiegħu dwar “it-tmiem tal-istorja” fin-National Interest, il-kamera ta’ Tillmans issa ssir xhieda ta’ eżerċizzju ta’ amnesija kollettiva: tentattiv biex jitkeċċew l-ispettri ideoloġiċi tas-seklu li għadda u bil-kwiet nimxu lejn utopja privata. Żmien il-“postpolitika” infetaħ.
-
- Poddata 22.02.2024
Noti Editorjali #4
ma’
« Dan il-proġett tal-esejs għalija huwa proġett ta’ memorja li l-pandemija tefgħetni fih. Jiġifieri l-pandemija, forsi kif esperjenzaha wkoll ħaddieħor, jien esperjenzajtha b’ċertu żlugar. Żlugar mill-ordinarju. Għaliex? Għax kollox ġie żlugat. Il-ħajja tagħna, għal ħafna nies il-post fejn jgħixu, il-mod kif jgħixu, ix-xogħol, kollox ġie maqtugħ mill-ordinarju. Dak il-qtugħ ħafna nies esperjenzawh bħala trawma, ma nixtieqx inxejjen minn dan, kien hemm ħafna mewt fl-arja, u ħafna nies esperjenzawh b’uġigħ. Oħrajn esperjenzawh b’forma ta’ libertà stramba u libertà ġdida li f’daqqa waħda “għandi ħafna iktar ħin” jew “għandi ħafna iktar ħin id-dar”. Wieħed mill-ħsibijiet li kien ikolli fil-pandemija—naf inqum, saru l-għaxra, fejn is-soltu nkun l-uffiċċju jew xi mkien u qiegħed id-dar—u ngħid id-dawl tax-xemx fuq din il-mejda qatt ma rajtu b'dan il-mod, dak it-tip ta’ ħsibijiet, għax qatt ma nkun id-dar dak il-ħin. Jew qed inħoss il-kamra differenti, jew inkella anka qed immur mixja. Kont maqtugħ mir-rutina. Ġieli kien ikun stramb dan, u ġieli kien idejjaqni, ovvjament, għax kien hemm ħafna stress, ħafna ansjetà u inċertezza. Imma daqstant ieħor kelli bżonn dik il-qatgħa biex lili titfagħni f’ċerta żona fejn ċerti memorji reġgħu bdew ifuru. Jew ċerti emozzjonijiet minn ġo fija erġajt bdejt inħosshom b'ċerta intensità, b’ċerta luċidità. U ħassejt dak kien mument esejistiku għalija. Kien f’dan l-ispirtu li dort lejn l-esej għax xtaqt naqbad xi ħaġa minni nnifsi u mid-dinja li bdejt inħoss li ħa titlaq għal dejjem. »
Abbona