Nifs: Kaos u Poeżija #8

Merħba fl-infern

Franco “Bifo” Berardi (tr Karl Baldacchino)


Bijoritmu u algoritmu

Ritmu” jfisser is-singolarizzazzjoni kaosmika taż-żmien: ir-ritmu jiskanda ż-żmien bħala l-vibrazzjoni ta’ organiżmu singulari li jieħu n-nifs, li qed jipprova jintona mal-kaos ta’ madwaru. Għalkemm it-teorija żviluppata minn Wilhelm Fliess lejn l-aħħar tas-seklu dsatax dwar il-bijoritmi hija ġeneralment meqjusa bħala psewdoxjentifika, jien napprezza l-potenzjal metaforiku tal-kunċett tal-bijoritmu. L-organiżmi huma magħmula minn materja vibranti, u l-pulsazzjonijiet ta’ organiżmu individwali jidħlu f’relazzjoni ritmika mal-pulsazzjonijiet ta’ organiżmi individwali oħrajn tal-madwar. Din il-konġunzjoni bijoritmika ta’ organiżmi konxji u sensittivi hija relazzjoni li tivvibra: permezz tagħha, organiżmi individwali jfittxu ritmu komuni, pedament emozzjonali komuni ta’ fehim, u din it-tfittxija hija tip ta’ oxxillazzjoni li twassal għal sintonija possibbli (jew impossibbli). Fi ħdan l-isfera konġuntiva tal-bijoritmu, is-sinifikazzjoni u l-interpretazzjoni huma proċessi vibratorji. Meta l-proċess ta’ sinifikazzjoni jiġi ppenetrat minn magni konnettivi, jgħaddi minn riformattjar u jinbidel b’mod li jimplika riduzzjoni — riduzzjoni għal-loġika sintattika tal-algoritmu.

Il-kelma “algoritmu” ġejja minn isem il-matematiku Għarbi al-Kwariżmi — isem li litteralment ifisser “minn Kwarażm”, u li oriġinarjament ġie Latinizzat bħala Algorismus — li x-xogħlijiet tiegħu introduċew matematika sofistikata fil-Punent. Madankollu, jiena nippreferi etimoloġija differenti u tifsira differenti. “Algoritmu” għalija għandha x’taqsam mal-kelma Griega algos, li tfisser uġigħ. Barra minn hekk, il-kelma “algid” tirreferi għall-friġidità, kemm fiżika kif ukoll emozzjonali. Għalhekk nipproponi li l-kelma “algoritmu” għandha x’taqsam mal-friġidità u l-uġigħ. L-uġigħ algoritmiku jirriżulta mill-kostrinġiment tal-organiżmu, mit-twebbis tal-aġent vibratorju tal-enunzjazzjoni, u mit-tnaqqis tal-kontinwum tal-esperjenza għal-loġika diskreta tal-komputazzjoni.

Bħalissa, hekk kif il-konkatenazzjoni soċjali tagħna qed tiġi medjata minn magni konnettivi, l-aġenzija umana għaddejja minn proċess ta’ riformattjar. Fil-ktieb Vibrant Matter, Jane Bennet tikteb:

Ħadd ma jaf verament x’inhi l-aġenzija umana, jew x’qed jagħmlu l-bnedmin meta jingħad li qed jaġixxu bħala aġenti. Minkejja kull analiżi, l-aġenzija umana tibqa’ xi ħaġa misterjuża. Jekk ma nafux eżatt kif taħdem l-aġenzija umana, kif nistgħu nkunu tant ċerti li l-proċessi li bihom jagħmlu impatt in-nonumani huma kwalitattivament differenti?
Assemblaġġ jakkwista l-kapaċità aġenzjali tiegħu mill-vitalità tal-materjalitajiet li jikkostitwuh. Xi ħaġa simili għal din l-aġenzija kongregazzjonali tissejjaħ shi fit-tradizzjoni Ċiniża… Shi tfisser l-istil, l-enerġija, il-propensità, it-trajettorja jew l-ispinta inerenti għal arranġament speċifiku tal-affarijiet. Oriġinarjament kelma użata fl-istrateġija militari, shi ħarġet fid-deskrizzjoni ta’ ġeneral tajjeb li għandu jkun kapaċi jaqra u mbagħad jirkeb ix-shi ta’ konfigurazzjoni ta’ burdati, irjieħ, xejriet storiċi, u armamenti: shi tikkaratterizza l-forza dinamika li toħroġ minn konfigurazzjoni spazjo-temporali aktar milli minn xi element partikolari fiha.
Għal darb’oħra, ix-shi ta’ assemblaġġ huwa vibratorju.

Meta l-algoritmu jidħol fir-renju tal-konkatenazzjoni soċjali, il-modi ta’ interazzjoni umani jiġu rriformattjati u l-loġika algoritmika taħfen il-konkatenazzjoni vibranti, timblokka l-oxxillazzjoni bijoritmika u tirriduċi l-firxa infinita ta’ varjazzjonijiet għall-binarju ta’ 0 u 1.

L-inserzjoni tal-algoritmu fil-proċess semjotiku jinterrompi l-kontinwum tas-semjożi u l-ħajja: l-algoritmu, unità semjotika nonħajja (nonvibrazzjonali), tkisser il-kontinwità ħajja tas-sinifikazzjoni. Fil-qasam konnettiv, l-interpretazzjoni hija ridotta għal rikonoxximent sintattiku ta’ stati diskreti. Is-sinjal vibrazzjonali jitwebbes sabiex jiġi traskritt fil-lingwa tal-eżattezza sintattika bbażata fuq il-loġika tad-diskontinwità diġitali. Il-ħila li l-ambigwità u l-ironija jiġu ddeċifrati u interpretati tintilef f’din it-traskrizzjoni. Id-differenza hija interpretata skont ir-regoli tar-ripetizzjoni, u t-tarf tal-indeterminazzjoni li tagħmel possibbli n-nuqqas ta’ ftehim poetiku (jew iperfehim, jew fehim eċċessiv) huwa offuskat, ikkanċellat.

Peress li s-semjosfera hija fformattjata mill-ġdid skont l-algoritmu, in-natura vibratorja tal-bijoritmu hija fgata. In-nifs huwa ddisturbat u l-poeżija hija ffriżata — il-poeżija, l-iżball li jwassal għall-iskoperta ta’ kontinenti ġodda ta’ tifsir, l-eċċess li fih hemm immaġinazzjonijiet ġodda u possibbiltajiet ġodda.


Intelliġenza u kuxjenza

FHomo Deus, Yuval Harari josserva: “Sal-lum, l-intelliġenza għolja dejjem marret id f’id ma’ kuxjenza żviluppata. Ħlejjaq konxji biss setgħu jwettqu ħidmiet li jeħtieġu ħafna intelliġenza, bħal-logħob taċ-ċess, is-sewqan tal-karozzi, id-djanjosi tal-mard jew l-identifikar tat-terroristi. Madankollu, issa qed niżviluppaw tip ġdid ta’ intelliġenza mhux konxja li tista’ twettaq kompiti bħal dawn ferm aħjar mill-bnedmin. Għax dawn il-kompiti huma kollha bbażati fuq ir-rikonoxximent tal-patterns, u l-algoritmi artifiċjali dalwaqt se jeċċellaw l-intelliġenza umana fl-għarfien tal-mudelli. Id-distinzjoni bejn l-intelliġenza u l-kuxjenza huwa l-punt interessanti hawnhekk. L-intelliġenza hija l-fakultà li tirrikonoxxi l-mudelli u li tagħżel bejn alternattivi li tista’ tittieħed deċiżjoni dwarhom. L-għażla bejn alternattivi li tista’ tittieħed deċiżjoni dwarhom hija kompitu li jista’ jiġi fformalizzat u għalhekk jista’ jitwettaq permezz tal-algoritmu. Il-kuxjenza, jekk nista’ nirriduċi l-kumplessità ta’ dan il-kunċett għal definizzjoni sempliċi u insuffiċjenti, hija l-abbiltà li tiddeċiedi bejn alternattivi li ma tistax tittieħed deċiżjoni dwarhom.

Wieħed jista’ jargumenta li r-raffinar u ċ-ċekkin fid-daqs tal-magna intelliġenti, li huma marbutin mal-introduzzjoni ta’ dinamika mċajpra fl-attività kwantika tal-AI, se jwasslu lill-androjdi biex iġibu ruħhom b’mod konxju, iżda dan mhuwiex raġunament sod. Huwa filosofikament falz, għaliex il-kuxjenza mhijiex imġiba, iżda awtoperċezzjoni u awtoġudizzju, awtotgawdija u awtostmerrija. Din hija l-karatteristika distintiva — etika u fl-aħħar mill-aħħar estetika — ta’ dak li jissejjaħ “kuxjenza”. Loġikament huwa impossibbli li tiġi simulata tali awtoperċezzjoni, għax din tippresupponi l-eżistenza ta’ personalità qabel l-att tal-ipprogrammar tal-magna intelliġenti. Harari jkompli r-riflessjoni tiegħu: “Sakemm [l-intelliġenza u l-kuxjenza] imxew id f’id, id-dibattitu dwar il-valur relattiv tagħhom kien biss passatemp għall-filosfi. Iżda fis-seklu wieħed u għoxrin, din qed issir kwistjoni politika u ekonomika urġenti. U ġġibek f’sensik meta tirrealizza li, għall-inqas għall-armati u l-korporazzjonijiet, it-tweġiba hija sempliċi: l-intelliġenza hija obbligatorja iżda l-kuxjenza hija fakultattiva.


L-Illuminiżmu ddubitat, għal darb’oħra

FDialektik der Aufklärung, ktieb rapsodiku u frammentarju miktub fl-1942, Horkheimer u Adorno jispjegaw għaliex “l-umanità, minflok ma tidħol fi stat tassew uman, qed tegħreq f’tip ġdid ta’ barbariżmu”:

Iż-żieda fil-produttività ekonomika li toħloq il-kundizzjonijiet għal dinja aktar ġusta tagħti wkoll lill-apparat tekniku u lill-gruppi soċjali li jikkontrollawh vantaġġ sproporzjonat fuq il-bqija tal-popolazzjoni. L-individwu jiġi mxejjen kompletament quddiem il-potenzi ekonomiċi. Fil-proċess, dawn il-potenzi qed jieħdu d-dominazzjoni tas-soċjetà fuq in-natura għal livelli bla preċedent. Waqt li l-individwu bħala tali qed jisparixxi quddiem l-apparat li jopera, dan jiġi pprovdut minn dak l-apparat aħjar minn qatt qabel. F’dan l-istat inġust tas-soċjetà, l-impotenza u l-manipulabbiltà tal-mases jiżdiedu mal-kwantità ta’ oġġetti allokati lilhom.

Horkheimer u Adorno ddikjaraw b’mod ċar li l-Illuminiżmu jġorr fih innifsu ż-żerriegħa tal-qerda tiegħu stess: is-separazzjoni tar-raġuni mill-ġisem soċjali, operazzjoni li hija l-qalba tar-razzjonaliżmu Kantjan u tal-kulti tal-astrazzjoni u l-liġi. Permezz tal-valuri tal-Illuminiżmu, ir-raġuni universali tiġi separata mill-ġisem ħaj.

Ir-Romantiċiżmu ġie biex jerġa’ jikseb lura l-karattru organiku tal-ħajja spiritwali, bħala reazzjoni kontra s-separazzjoni tar-raġuni mill-istorja u miż-żmien tal-għajxien: ir-Romantiċi reġgħu ħadu lura l-ispazju u ż-żmien tal-avvenimenti kulturali, u sostnew li l-ħsieb ma setax jiġi diżassoċjat mill-proċess spiritwali tal-ħajja, li għandu temporalità u post. In-nazzjonaliżmu ħareġ mill-asserzjoni mill-ġdid tar-Romantiċi fir-rigward tal-appartenenza, u fl-aħħar il-politika tal-identità ħadet post il-ħsieb, kif jirrimarka Alain Finkielkraut fil-ktieb tiegħu La Défaite de la pensée. Il-kult Romantiku tal-identità nazzjonali kien reazzjoni għall-universalità tar-raġuni, tentattiv biex jinstab pedament territorjali għall-prinċipji universali deterritorjalizzati tar-razzjonalità.

Id-djalettika tal-appartenenza u l-universalità mifruxa sew fl-istorja tal-modernità tardiva — sakemm il-globalizzazzjoni issa ttraduċiet l-universalità tar-raġuni fl-uniformità tal-liġi ekonomika. L-universalità falza tal-akkumulazzjoni tal-kapital tasal biex tirriduċi d-diversità tal-ħajja kulturali għar-regola tal-valorizzazzjoni finanzjarja, waqt li tħassar is-sovranità politika tal-istati nazzjon. F’dan il-punt ifaqqa’ moviment reazzjonarju globali, ibbażat fuq ir-riklamazzjoni tas-sovranità nazzjonali u l-identità kulturali. L-identità (nazzjonali u oħrajn) terġa’ tfeġġ f’dan il-mument, wara r-ribelljoni impotenti ta’ ħafna popolazzjonijiet kontra s-sottomissjoni globali tar-raġuni għas-suq. Iżda din ir-reazzjoni identitarja hija bbażata fuq delużjoni doppja. L-ewwel nett, l-identità kulturali hija kostruzzjoni bbażata fuq il-kombinazzjoni barokka ta’ karatteristiċi globali li qed jitmermru. It-tieni nett, is-sovranità nazzjonali ma tistax tiġi rrestawrata mingħajr ma nkissru l-integrazzjoni tal-iskambju ekonomiku u nidħlu fi stat ta’ gwerra globali. Tabilħaqq, dan huwa dak li fil-fatt qed jiġri issa: il-gwerra qed tfaqqa’ kullimkien, u bil-mod il-mod il-mappa tad-dinja qed tinbidel f’xibka ta’ kunflitti diffiċli biex jiġu indirizzati.

Is-suq globali huwa l-uniku valur universali li fadal wara d-diregolamentazzjoni neoliberali li wasslet għall-qerda ta’ kwalunkwe regola jew prinċipju morali. Iżda l-universalità tas-suq mhix tomoġenizza l-umanità bla xkiel; minflok, qed tfarrak id-differenzi ħajjin tagħna u toħnoq il-maġġoranza tagħna. Fl-aħħar għaxar snin saru ħafna tentattivi biex il-bnedmin jinħelsu mid-dittatorjat tas-suq, iżda ma setgħetx tinstab triq ’il barra mid-dominazzjoni finanzjarja u diġitali. Għalhekk, l-affermazzjoni mill-ġdid tal-fantażma qarrieqi tal-identità tidher li hija l-uniku mod biex jiġi sovvertit il-valur universali tas-suq, jew għall-inqas biex wieħed jaħrab mill-qabda tiegħu.

Ejjew nerġgħu lura għad-Dialektik ta’ Horkheimer u Adorno: “Jekk l-Illuminiżmu ma jassimilax ir-riflessjoni fuq dan il-mument rigressiv, jissiġilla d-destin tiegħu stess. Jekk iħalli l-kunsiderazzjoni tan-naħa distruttiva tal-progress f’idejn l-għedewwa tiegħu, il-ħsieb fil-ġirja bla rażan tiegħu lejn il-pragmatiżmu qed iċedi l-karattru ta’ sublazzjoni tiegħu, u għalhekk ir-relazzjoni tiegħu mal-verità. Fir-rieda misterjuża tal-mases edukati teknoloġikament sabiex jaqgħu taħt is-seħer ta’ kwalunkwe despotiżmu, fl-affinità awtodistruttiva tagħha għall-paranojja nazzjonalista, f’dan in-nuqqas ta’ sens kollu mhux mifhum, id-dgħufija tal-fehim teoretiku kontemporanju hija evidenti. Fl-era ta’ Trump, l-awtodistruttività tal-Illuminiżmu ddenunzjata minn Adorno u Horkheimer qed tilħaq il-quċċata tagħha: il-forzi illuminanti tax-xjenza u t-teknoloġija reġgħu żvelaw id-dupliċità tagħhom, u fl-aħħar qed jibilgħu d-demokrazija u l-awtodeterminazzjoni umanistika.

L-Illuminiżmu diġitali, abbinat mal-forzi tal-finanzi korporattivi, tant għamel ħsara profonda lis-sensittività tal-organiżmu ħaj li l-organiżmu qed jirrigressa għall-brutalità. Id-dawl tal-astrazzjoni jdawwal perfettament l-iskrins tal-awtomata, iżda madwarna kullimkien qed jidlam. L-Illuminiżmu Oskur huwa għarfien intellettwali tad-dlam li issa qed jaqa’ madwarna, bħala effett tal-espansjoni għammiexa tad-dawl. Kif osserva dal-aħħar James Bridle fi New Dark Age, “illum insibu ruħna konnessi ma’ repożitorji vasti ta’ għarfien, iżda għadna ma tgħallimniex naħsbu. Fil-fatt, l-oppost huwa minnu: dak li kien maħsub biex idawwal id-dinja, fil-prattika jdallamha.


Socialisme ou barbarie

Irrid nikkunsidra l-implikazzjonijiet morali tal-kunċett tal-antropoċen. Taħt l-għata imparzjali tax-xjenza, dan il-kunċett jikxef l-għarfien tagħna li issa tard wisq.

Oriġinarjament, it-terminu “antropoċen” kien maħsub biex jindika l-epoka ġeoloġika tagħna stess. Mill-perspettiva ġeoloġika, l-impatt tal-bniedem fuq l-ambjent tal-pjaneta issa huwa meqjus bħala irriversibbli. L-akkumulazzjoni ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet tossiċi biddlet b’mod irriversibbli l-kompożizzjoni kimika tal-atmosfera tad-dinja u konsegwentement l-ambjent ħaj tagħha. Iżda l-kunċett tal-antropoċen, li jmur lil hinn sew mill-ġeoloġija, jiddeskrivi metodoloġija bbażata fuq l-irriversibbiltà.

Kif nafu, il-kelma “irriversibbli” mhijiex kompatibbli mal-arti politika. L-effetti tar-rieda politika u l-azzjoni politika suppost huma riversibbli mid-definizzjoni tagħhom: att tal-lingwa jista’ jikkanċella att preċedenti tal-lingwa u jissovverti l-effetti tiegħu; att ta’ deċiżjoni jista’ jikkanċella att preċedenti ta’ deċiżjoni. Imma meta niġu għall-kompożizzjoni kimika tal-atmosfera — u, qabelxejn, meta niġu għall-kompożizzjoni psiko-kimika tal-moħħ soċjali — ir-rieda umana hija impotenti u s-sovversjoni ma tfisser xejn.

Il-ħruġ mill-kapitaliżmu modern ma jistax ikun inqas minn traġedja, għaliex l-għoqod marbutin mill-vjolenza kolonjali ma jistgħux jinħallu mingħajr trawmi. Dan ilu magħruf sa mill-1914, meta t-tensjonijiet imperjalisti skatenaw gwerra dinjija fost nazzjonaliżmi kompetituri, u wittew it-triq għal rivoluzzjonijiet soċjali vjolenti. Iżda l-kobor tat-traġedja ma kienx prevedibbli mitt sena ilu, u mhuwiex kompletament prevedibbli issa. Mitt sena ilu, il-kapitaliżmu u l-modernità kienu kunċetti distinti, tant li ħruġ mill-kapitaliżmu kien konċepibbli fil-qafas antropoloġiku tal-modernità. Illum, ħruġ politiku mill-kapitaliżmu jidher li assolutament mhux possibbli, għaliex fil-qafas antropoloġiku l-ġdid id-deċiżjoni politika ġiet sostitwita minn governanza awtomatika. F’dan il-punt, it-tmiem tal-kapitaliżmu għandu t-tendenza jkun immaġinabbli biss bħala t-tmiem taċ-ċivilizzazzjoni nnifisha.

Fis-snin 80 tas-seklu li għadda, il-kliem “postmodern” u “postkolonjali” daħlu b’mod trijonfanti fil-lessiku kulturali, li jimplika li kien possibbli ħruġ paċifiku mill-forom imqarbin tal-modernità. Dan ma kienx il-każ, għax il-legat ta’ ħames mitt sena ta’ sfruttament globali u konċentrazzjoni tal-ġid jikkonsisti f’xejriet li jidhru li huma irriversibbli: id-devastazzjoni ambjentali, it-tfaqqir tal-ħajja soċjali, u l-aggressjoni sistematika kontra l-psikosfera. L-użu żejjed tal-prefiss “post” mis-snin 80 injora l-piż traġiku mitlub mill-mutazzjoni li ġiet mat-trasformazzjoni teknoloġika tal-produzzjoni u l-komunikazzjoni soċjali.

Fl-1968, xi ħadd qal,“Socialisme ou barbarie. Dan ma kienx logħob bil-kliem, kien tbassir ċar. Dik is-sena kienet il-quċċata tal-progress uman, il-quċċata tad-demokrazija bħala parteċipazzjoni kritika; ilna minn dakinhar ngħixu fi proċess kontinwu ta’ devoluzzjoni kulturali, rigressjoni politika, u tfaqqir soċjali. Għaliex? Fl-1968, l-umanità laħqet il-punt ta’ konverġenza massima bejn l-għarfien teknoloġiku u l-kuxjenza soċjali. Minn dakinhar, il-potenza teknoloġika kibret b’mod kostanti filwaqt li l-kuxjenza soċjali naqset relattivament. B’riżultat ta’ dan, it-teknoloġija issa għandha poter dejjem akbar fuq il-ħajja soċjali, filwaqt li s-soċjetà m’għadhiex kapaċi tiggverna lilha nnifisha. Fis-salib it-toroq storiku tas-sena 1968, il-kuxjenza soċjali kienet mistennija tieħu l-kontroll tal-bidla teknoloġika u tidderiġiha għall-ġid komuni. Iżda ġara l-oppost: il-partiti u t-trade unions tax-xellug qiesu t-teknoloġija bħala periklu aktar milli bħala opportunità li għandha tiġi kkontrollata u sottomessa għall-interess soċjali. Il-liberazzjoni mix-xogħol ġiet ittikkettata bħala “qgħad”, u x-xellug impenja ruħu fil-ġlieda kontra t-trasformazzjoni bla waqfien teknoloġika.

Hekk kif id-demokrazija wriet li ma setgħetx tiggverna l-bidla tekno-antropoloġika, id-diregolamentazzjoni tal-finanzi u t-teknoloġija kompliet iżżarma forom preeżistenti ta’ kuxjenza soċjali. Bħala effett tal-privatizzazzjoni neoliberali, is-sistema edukattiva ġiet sottomessa għall-ħtieġa tal-profitt, u l-ħsieb kritiku ġie separat mir-riċerka u l-iżvilupp. F’dak il-punt, id-divarikazzjoni bejn il-kuxjenza soċjali u l-innovazzjoni teknoloġika twessgħet u twessgħet. Nistgħu nikkonkludu li, jekk l-esperiment uman kien immirat lejn l-espansjoni tal-isfera tar-razzjonalità u t-tnaqqis tal-kaos, l-esperiment uman spiċċa. L-istess għodod li ppermettew l-espansjoni tar-razzjonalità u l-kontroll uman (ix-xjenza, it-teknoloġija, l-industrija u l-informazzjoni) issottomettew il-ħajja għall-astrazzjoni. U s-sħana ħajja tista’ tinstab biss barra l-ħitan tas-silġ taċ-ċittadella tar-raġuni.


L-etika fiż-żminijiet apokalittiċi

Iċ-ċivilizzazzjoni mhix qed titfarrak, qed tissepara biss miċ-ċiviltà. Illum, iċ-ċiviltà qed tinħall waqt li ċ-ċivilizzazzjoni qed issaħħaħ il-ħakma mhux ċivilizzata tagħha. L-infrastruttura teknoloġika li tappoġġja ċ-ċivilizzazzjoni mhijiex se tiġġarraf, iżda qed taħrab mill-kontroll tar-raġuni u r-rieda umana. In-naħa l-oħra tal-munita hija li qed niġu ggwidati biex nimmaġinaw li l-bnedmin jistgħu jissopravvivu biss sakemm jiddivorzjaw lilhom infushom mill-umanità.

Il-modernità kienet kollha dwar l-emanċipazzjoni tal-bniedem mid-dominazzjoni tan-natura: il-liġi tal-ġungla kienet sospiża mir-razzjonalità tal-Levjatan. Issa, il-magna magħmula mill-bniedem tidher li qed tinbidel f’neċessità naturali oħra: iper-Levjatan li m’għadux taħt il-kontroll tar-raġuni umana, iżda taħt il-kontroll ta’ awtomatiżmu li jirreplika ruħu waħdu u li jiggverna lilu nnifsu. Huwa għalhekk li l-azzjoni politika tidher impotenti biex tbiddel ir-rotta tar-relazzjonijiet soċjali: il-kombinazzjoni tal-ekonomija korporattiva u t-teknoloġija diġitali telqet mill-orbita tar-rieda, u konsegwentement il-kultura umana abbandunat l-isfera tal-umaniżmu li kienet definita mil-libertà ontoloġika u mill-effettività tar-rieda politika. Il-proġett tal-modernità kien immirat lejn is-sospensjoni tal-liġi tan-natura, u l-politika kienet inkarigata bl-espansjoni tal-ispazju tal-konvenzjonijiet soċjali. Ir-relazzjonijiet soċjali jappartjenu għall-isfera tal-lingwa, mhux tan-natura, u l-konvenzjonijiet lingwistiċi mhumiex determinati mil-liġi naturali. Huwa għalhekk li, matul il-modernità, il-liġi tal-ġungla ġiet parzjalment ribattuta fi ħdan l-isfera soċjali, u kważi miżmuma sospiża. Madankollu, meta l-kapitaliżmu sar globali, l-ekonomija assorbiet it-teknoloġija billi ssottomettiet l-għarfien għar-regola tal-akkumulazzjoni tal-kapital. Minn dak il-punt ’il quddiem, it-tekno-ekonomija akkwistat il-potenza u l-inevitabbiltà ta’ naturalità oħra.

Paradossalment, l-istess forzi li ppermettew l-indipendenza tal-bniedem min-natura nbidlu f’tip ta’ natura artifiċjali, inflessibbli u bla ħniena daqskemm kienet il-liġi tal-ġungla darba. L-interfaċċi tal-magna komputazzjonali issa jippervadu kull ċellola tal-komunikazzjoni soċjali, u jissottomettu l-attività konjittiva għal format diġitali insensittiv. Meta l-kumplessità tal-magna magħmula mill-bniedem tisboq il-kapaċitajiet tal-moħħ tal-bniedem li jkejjel u jelabora b’mod kritiku, nidħlu f’dominju ta’ indeċidibbiltà u impossibbiltà ta’ kejl; l-umaniżmu modern jikkollassa. Fi tmiem is-snin sebgħin, meta l-aġenda neoliberali kienet qed tikseb suċċess, id-Darwiniżmu ltaqa’ mal-filosofija soċjali u l-liġi tal-ġungla ngħatat l-isem ta’ “diregolamentazzjoni”: il-kastell politiku żżarma sabiex jagħmel spazju għat-taqbida soċjobijoloġika għas-sopravivenza. Fl-ispazju diregolat tal-ekonomija, il-liġi konxja tal-bnedmin hija kkanċellata, iżda din il-kanċellazzjoni ma twassalx għal-libertà. L-awtomatiżmi tekno-lingwistiċi jissostitwixxu r-rieda konxja u l-leġiżlazzjoni razzjonali. L-awtomata huwa l-effett aħħari tad-diregolamentazzjoni perfetta: il-governanza awtomatizzata tal-ġungla.

Hemm mod kif noħorġu mill-ġungla? Din il-mistoqsija jeħtieġ li tiġi inkwadrata mill-ġdid: Hemm possibbiltà għal ħajja etika fl-era tal-ġungla awtomatizzata? Xi wħud jissuġġerixxu li m’għandniex “nidħlu bil-kwiet għal dak il-lejl twajjeb” [“do not go gentle into that good night”], li għandna nirribellaw u nirreżistu fl-ispirtu tar-ritornell ta’ Dylan Thomas u “ifferoċja, ifferoċja kontra t-tmewwit tad-dawl” [“Rage, rage against the dying of the light”]. Inħoss tip ta’ frustrazzjoni b’din l-attitudni ribelluża kontra l-umiljazzjoni u l-impotenza. L-umiljazzjoni hija l-enerġija li qed issostni ’t-Trumpiżmu madwar id-dinja. Il-potenza kienet il-karattru l-aktar profond tal-kultura borgiża tal-progress industrijali, iżda l-potenza ttrasmigrat mid-dimensjoni soċjali għall-istruttura teknoloġika, u l-organiżmu ħaj bil-mod il-mod qed jogħdos fl-impotenza. Hekk kif id-dominaturi bojod tad-dinja qed jiġu mġiegħla jħossuhom impotenti, qed jiġu umiljati u qed jifferuċjaw kontra l-impotenza tagħhom stess, u jivvutaw għal xi ħadd arroganti li jwiegħed li se jagħmel l-Amerka (jew l-Italja, jew ikun fejn ikun) “l-aqwa mill-ġdid”.

Meta l-umiljazzjoni tasal biex toħnoq id-dinjità u l-awtorispett fil-maġġoranza tan-nies, probabbilment neħtieġu l-antidotu li jissejjaħ “umiltà” — anke jekk din hija lezzjoni diffiċli biex wieħed jitgħallem, għal xi ħadd li ma jemminx. L-umiltà hija mistmerra fil-moħħ modern. L-ispirtu tal-konkwista, il-kulti tal-innovazzjoni u l-intrapriża jiċħdu l-umiltà, bħalma għamlu l-movimenti rivoluzzjonarji tal-aħħar żewġ sekli li pproklamaw il-kburija aggressiva tal-awtoassertività. Sadanittant, l-umiltà ġiet ippritkata minn fanatiċi konservattivi bħala ċerta sottomissjoni għar-rieda ta’ Alla li ħafna drabi tfisser sottomissjoni għall-inġustizzja umana. Allura x’tista’ tfisser “l-umiltà” għal xi ħadd li ma jemminx f’Alla u jirrifjuta li jaċċetta l-inġustizzja umana? Fi kliem sempliċi, “l-umiltà” tista’ tfisser rikonoxximent tal-limiti intrinsiċi tal-potenza umana, kif ukoll għarfien tal-impermanenza tal-atti tagħna, ta’ ġisimna, u tal-kuxjenza tagħna stess. L-umiltà tista’ titqies bħala l-mod kif nittrattaw l-eżawriment tal-potenza moderna, li essenzjalment dejjem kienet l-illużjoni li niggvernaw il-kaos.

Ir-razzjonaliżmu modern qatt ma rażżan il-kaos; il-moderni sempliċement irnexxielhom jipposponu l-isplużjoni tal-kaos. Issa li l-kaos finalment wasal, m’għandniex ninsew dak li jgħidu Deleuze u Guattari dwar il-kaos u l-moħħ fl-aħħar ktieb tagħhom. Jekk irridu nittrattaw il-kaos, jissuġġerixxu li rridu nissinkronizzaw ruħna mar-ritmu tal-kosmos; jekk irridu nieħdu n-nifs (nikkonspiraw) fi ħdan l-aċċelerazzjoni ritmika kaotika, għandna nikkunsidraw il-kaos mhux biss bħala għadu, iżda wkoll, primarjament, bħala alleat.

L-umiltà għandha x’taqsam mal-kompassjoni. Fil-fatt, il-kompassjoni tfisser li nikkondividu l-inkapaċità komuni tagħna li nissottomettu l-kaos għar-rieda: li nikkondividu l-passjoni, nikkondividu l-passività. Naħseb li b’xi mod il-bażi aħħarija tal-awtonomija soċjali ma tinsabx fl-attiviżmu, iżda fil-passiviżmu.

Bħal Bartleby ta’ Melville, “Nippreferi le. Din il-passività għandha x’taqsam ma’ dak li l-Insara jsejħu “Grazzja”. Il-grazzja hija kundizzjoni ta’ koinċidenza, ta’ armonija mal-atman singulari u l-prana kosmika. Meta r-ritmu tad-deżiderju jikkoinċidi mar-ritmu tar-rieda t’Alla, l-għerf Nisrani jitkellem dwar “il-grazzja. F’termini materjalistiċi, nazzarda ngħid li l-grazzja hija l-kundizzjoni li wieħed isib reżonanza fit-tiswir singulari tiegħu mal-logħba kosmika.

Meta kelli l-ewwel kriżi tal-ażma tiegħi, għal xi żmien ħassejtni f’xifer il-paniku u għaġġilt biex nibla’ kemm nista’ arja. Imbagħad oħti, li hija aktar għaqlija minni, qaltli, “M’għandekx bżonn tieħu daqshekk nifs; ipprova kkalma u ħu n-nifs bil-mod u ftit ftit. U hekk għamilt, u stajt nieħu n-nifs.

Matul is-summit tal-G20 f’Hamburg f’Lulju 2017, elf artist immarċjaw ta’ zombies, b’wiċċhom u ġisimhom miżbugħin griż u abjad. L-għada fit-toroq tal-belt, eluf ta’ nisa u rġiel żgħażagħ immarċjaw wara strixxun li kien jgħid “Merħba fl-Infern. Fl-aħħar għoxrin sena, il-moviment globali, minn Seattle sa Genova sa Occupy, ipprova jwaqqaf l-infernifikazzjoni tad-dinja. Immarċjajna, għajjatna, għedna kliem u esprimejna kunċetti u pproklamajna tbassirijiet li ġew ikkonfermati minn kull skjerament tal-kriżi globali. Bi tpattija, ħafna minna ġejna msawtin, repressi, mitfugħin il-ħabs, u maqtula. Fl-aħħar, issa kulħadd jinsab fl-infern.

L-aktar mistoqsija urġenti għall-ġenerazzjoni li jmiss hija, kif nistgħu nkunu kuntenti f’dan l-infern? Kif nistgħu noħolqu spazji awtonomi ta’ sopravivenza kuntenta f’dan l-infern? Il-mistoqsija li jmiss hija, kif nistgħu nsalvaw u nittrażmettu l-messaġġ tal-ugwaljanza u l-ħbiberija, hekk kif qed isseħħ l-agħar tempesta fl-istorja.

Vibrant Matter: A Political Ecology of Things ta’ Jane Bennett huwa pubblikazzjoni Duke University Press 2010. ההיסטוריה של המחר ta’ Yuval Noah Harari ħareġ fl-2015 ma’ Dvir Publishing. Berardi uża t-traduzzjoni għall-Ingliż tal-awtur stess, Homo Deus: A Brief History of Tomorrow, pubblikazzjoni HarperCollins, 2017. Philosophische Fragmente ta’ Max Horkheimer u Theodor Adorno kien ippubblikat fi New York fl-1944 mill-Institute for Social Research. Tliet snin wara ġie ppubblikat ġewwa Amsterdam minn Querido Verlag bit-titlu iktar familjari ta’ Dialektik der Aufklärung fl-1947. Berardi uża Dialectic of Enlightenment: Philosophical Fragments, editjat minn Guzelin Schmid Noerr u maqlub għall-Ingliż minn Edmund Jephcott, pubblikazzjoni Stanford University Press, 2002. Il-ktieb huwa disponibbli online. La Défaite de la pensée ta’ Alain Finkielkraut huwa pubblikazzjoni Gallimard 1989. The Defeat of the Mind, l-edizzjoni li uża Berardi, huwa traduzzjoni ta’ Judith Friedlander u pubblikazzjoni Columbia University Press 1995. New Dark Age: Technology and the End of the Future ta’ James Bridle huwa pubblikazzjoni Verso 2018. Berardi uża l-poeżija “Do not go gentle into that good night” ta’ Dylan Thomas, kif tidher ġewwa The Poems of Dylan Thomas, editjat minn John Goodby, pubblikazzjoni New Directions 2017. Il-poeżija hija disponibbli online. Qu’est-ce que la philosophie? kien l-aħħar ktieb ta’ Gilles Deleuze u Félix Guattari flimkien, maħruġ minn Les éditions de Minuit fl-1991. Berardi uża t-traduzzjoni ta’ Hugh Tomlinson u Graham Burchell, What Is Philosophy?, Columbia University Press 1994. Berardi kkonsulta “Bartleby, the Scrivener: A Story of Wall-Street” kif tidher fi Great Short Works of Herman Melville editjat minn Warner Berthoff, pubblikazzjoni Perennial Classics 2004. L-istorja hija disponibbli online. “Socialisme ou barbarie” hija wkoll referenza għall-moviment u l-ġurnal li waqqfu Cornelius Castoriadis u Claude Lefort fl-1948 u xolt fl-1967. Din id-dikotomija kienet ifformulata b’dal-mod minn Rosa Luxemburg fl-1916, meta kienet qalet li “s-soċjetà borġiża tinsab f’salib it-toroq, jew titranżizzjona lejn is-soċjaliżmu jew tmur lura lejn il-barbariżmu. Kienet attribwiet dan il-kliem lill-Friedrich Engels, iżda x’aktarx kellha f’moħħha dak li kien qal Karl Kautsky.

Dekorazzjoni art-nouveau