Daters Solitarji
L-espressjoni “ġenerazzjoni ta’ snowflakes” tirreferi għall-fraġilità psikoloġika ta’ dawk li trabbew fl-antroposfera diġitali: fl-universitajiet, issa huwa iktar probabbli li l-istudenti jirrappurtaw li għandhom problemi mentali, li huma mnikkta serjament mill-ideat li jmorru kontra l-fehmiet tagħhom dwar id-dinja u mill-avvenimenti u l-aħbarijiet li jiddubitaw l-aspettattivi artifiċjalment maħluqa mill-ambjent tar-reklamar. Il-kapaċità li jiddependu fuqhom infushom qed tiċkien hekk kif jagħmlu użu eċċessiv mis-servizzi tas-saħħa mentali.
Is-sajf tal-2016 immarka pass ġdid fil-ġirja lejn l-anniħilazzjoni. Sensiela ta’ atti terroristiċi suwiċida fi Franza u l-Ġermanja u l-gwerer frammentarji fil-Lvant Nofsani. Mewġa ta’ migrazzjoni mill-Baħar Mediterran u ċ-ċaħda bla heda minn gvernijiet Ewropej. Il-Brexit, u t-trasformazzjoni tat-Turkija f’dittatorjat nazzjonalista bi sfumaturi Iżlamiċi. Il-kolp ta’ stat bil-kwiet fil-Brażil. L-aħħar, iżda mhux l-inqas, ir-rebħa elettorali tal-qtugħ tan-nifs ta’ Trump fix-xena Amerikana.
Imbagħad, f’daqqa waħda, fl-eqqel ta’ dan is-sajf, il-gazzetti u l-istazzjonijiet televiżivi ffukaw fuq it-tnedija ta’ Pokémon GO. Il-hype madwar Pokémon GO jista’ jitqies bħala antiċipazzjoni tal-ħolqien fuq medda wiesgħa ta’ gated communities mentali: spazji riżervati għall-kondiviżjoni ta’ dinjiet simulati, proċess ta’ rtirar teknoloġiku mix-xena tal-istorja. It-teknoloġiji immersivi jistgħu jitqiesu għodod ta’ ċaħda massiva. Udjenza pprivileġġata tevita li tkun mentalment invaduta mill-katastrofi imminenti madwar il-pjaneta u toħloq ambjent virtwali ta’ esperjenzi navigabbli. Il-plejer tal-Pokémon GO joħroġ mill-gabuba tan-nerds tiegħu u jmur jiġri wara insetti jew għasafar virtwali. Hekk kif l-għasafar reali qed jisparixxu u l-ebda avventura reali ma tista’ sseħħ fil-kampanja reali, Nintendo qed tipprovdi simulazzjoni tal-avventura u l-ħajja.
Fil-film disturbanti ta’ Roman Polanski, Carnage, Kate Winslet tikkummenta dwar żewġha, avukat antipatku li bla waqfien jiċċekkja l-mobile, iħares lejh u jmissu, li għalih dak li hu mbiegħed huwa dejjem iktar importanti minn dak li hemm ħdejh. Wieħed ma setax jesprimi aħjar l-effett li pproduċiet il-konverġenza ċellulari diġitali fil-pajsaġġ urban. L-informazzjoni hija distanti, stimolu tan-nervituri li jaċċellera u jintensifika sal-punt li jagħmel dak li hu qrib ma jintlaħaqx. Għaddej speċi ta’ riformattjar tal-moħħ soċjali, u dan ir-riformattjar mhux qed jinvesti biss l-ispazju interattiv tal-iskambju semjotiku. Qed iseħħ iktar fil-fond, qed jinvesti l-isfera tal-konjizzjoni nnifisha: il-perċezzjoni, il-memorja, il-lingwa, l-orjentazzjoni fl-ispazju u ż-żmien. Il-kontinwu tal-esperjenza konġunta hija fl-istess waqt imfixkla mis-simultanjetà frattali tal-konnettività. L-isfera emozzjonali hija involuta f’dan il-proċess evoluzzjonarju ta’ awtomatizzazzjoni konjittiva: l-infostimoli jipproliferaw u s-sistema nervuża tidħol f’kundizzjoni ta’ eċitament u posponiment permanenti.
Skont stħarriġ li sar mill-Università tal-Istat ta’ San Diego, l-Università Atlantika ta’ Florida u l-Università ta’ Widener, dawk li twieldu bejn l-1990 u l-1994 għandhom l-iktar rata baxxa ta’ attività sesswali fl-aħħar mitt sena. F’Sex by Numbers (2015), David Spiegelhalter, professur fl-Università ta’ Cambridge, jippreżenta stħarriġ li jindika li fil-popolazzjoni medja dinjija, il-frekwenza ta’ kuntatt sesswali naqset minn ħames darbiet fix-xahar fis-snin disgħin, għal erba’ darbiet fix-xahar fl-elfejnijiet, għal tliet darbiet fix-xahar fid-deċennju ta’ wara. Skont informazzjoni rrappurtata minn Pornhub, fl-2015 l-utenti tagħhom qattgħu erba’ biljun siegħa jaraw films pornografiċi, u s-sit kellu 21 biljun żjara. Ma tantx jifdal ħin għal sess reali wara tant sigħat ta’ sess medjali. Il-ħin biex tgħid kelmtejn, it-tmellis u t-tbagħbis, huma neqsin.
Fid-dimensjoni prekarja, iż-żmien huwa l-iktar investit fl-insegwiment tas-salarju, mentri r-rikonoxximent u l-enerġija nervuża huma investiti b’mod permanenti fil-kompetizzjoni soċjali — u għalhekk, ftit huwa l-ħin li jista’ jitgawda f’koppja, fl-erotiċiżmu kajman, fil-pjaċir. Qed jissawru, fost il-millenjali madwar id-dinja kollha, kultura postsesswali u estetika postsesswali. Żagħżugħ jismu Ryan Hoover jikteb fi blogg:
Trabbejt bil-kompjuters u l-internet, li sawru l-mod tiegħi ta’ kif nara d-dinja u r-relazzjonijiet tiegħi. Jien meqjus bħala “indiġenu diġitali”.
It-teknoloġija ħafna drabi tgħaqqadna imma wkoll firdet ġenerazzjonijiet minn xulxin. Ipprova ċempel lil persuna millenjali fuq it-telefown. Dalwaqt, ġenerazzjonijiet futuri se jitwieldu f’dinja tal-IA. It-tfal se jiffurmaw relazzjonijiet reali u intimi ma’ ħlejjaq artifiċjali.
U f’ħafna każijiet dawn ir-replikanti se jkunu aħjar minn nies reali. Se jkunu iktar intelliġenti, iktar qalbhom tajba, iktar interessanti.
“L-indiġeni tal-IA” se jfittxu relazzjonijiet umani? Se jagħmlu sess?
F’dan it-test ironiku u inċiżiv, Hoover jara ż-żewġ uċuħ tal-evoluzzjoni attwali. Il-ġenerazzjoni l-ġdida tal-bnedmin qed ikollha relazzjonijiet intimi ma’ ħlejjaq artifiċjali, u għandha t-tendenza li tabbanduna r-relazzjonijiet ambigwi, inkwetanti, u kultant brutali bejn in-nies. Is-sensibbiltà umana qed tidjieq hekk kif il-bnedmin huma iktar u iktar mgħaddsa f’kuntest artifiċjali. Hekk kif il-bnedmin jinteraġixxu mal-awtomati, qed jinsew il-finezza konġuntiva tagħhom u l-ħila tagħhom li jipperċepixxu sinjali ta’ ironija u ta’ seduzzjoni. Huma jissostitwixxu s-sensibbiltà vibrazzjonali bi preċiżjoni konnettiva. Iva tfisser iva, le tfisser le. Huwa ċiklu vizzjuż. Iktar ma l-bnedmin isiru solitarji u nervużi, iktar se jfittxu l-kumpanija ta’ androjdi b’inqas involviment emozzjonali; iktar ma jfittxu l-kumpanija ta’ androjdi b’inqas involviment emozzjonali, il-bnedmin iktar se jsiru solitarji u nervużi. Is-sess huwa parti mill-univers tal-impreċiżjoni, ta’ indeterminazzjoni, sfera li ma tikkonformax mal-perfezzjoni konnettiva.
F’Ġunju tal-2016, ir-rivista Wired ippubblikat stħarriġ dwar l-online dating. Irrappurtat li:
Meta siti bħal Match.com daħlu għall-ewwel darba fix-xena, lura fl-1995, offrew lill-persuni single nisġa wiesgħa u stramba ta’ persuni oħrajn potenzjalment sinifikanti (u insinifikanti). Veru, inti kont tagħżel l-età, u r-rekwiżiti tat-tul, tajjeb ukoll, imma l-għażliet tiegħek espandew. Permezz tal-poter, li jinkludi kollox, tal-Internet, inti kont tkun qed tiskrollja qalb il-goths, it-trijatleti u l-electricians u l-bankiera tal-investiment u l-kokijiet, u f’daqqa waħda ma dehritx daqshekk ġennata li tibda tibgħat l-emails lil xi wħud li jissapportjaw it-tim sportiv żbaljat jew li saħansitra jgħixu n-naħa l-oħra tal-pajjiż. Dawn in-nies ma kinux imorru l-kulleġġ tiegħek, u ma kinux jafu lil sħabek (jew lil ommok). Iżda għoxrin sena wara, dik il-ġabra vasta ta’ daters potenzjali ma twessgħetx u ma saritx iktar profonda — kompliet tinqasam f’żoni stupidament speċifiċi.
Bħala eżempju, l-artiklu ddeskriva sit tad-dating imfassal għall-elite soċjali:
The League, għal min mhux midħla, huwa l-klabb esklussiv tat-tip tradizzjonali tal-aristokrazija l-qadima tad-dating apps għall-elite soċjali, iddisinjat għal nies li huma “wisq popolari, proprjament”. Hemm proċess ta’ screening rigoruż — “Aħna nagħmlu dak ix-xogħol tedjanti kollu għalik” — li jqis minn fejn ġejjin id-diplomi tiegħek, il-prestiġju tat-titli tiegħek, u, kruċjalment, l-influwenza tiegħek fuq il-midja soċjali. Xahrejn wara t-tnedija The League f’Novembru 2014, il-lista tal-istennija kienet twila 75 000 ruħ.
Din, ejja nkunu ċari, mhix xi ħaġa tajba — u mhux biss għax l-elitiżmu huwa patetiku. Apps bħal The League jmorru kontra l-wegħda aħħarija tal-eċitament tal-online dating. [ … ]
The League hija biss waħda minn qatta servizzi li jappellaw għas-sinjuruni; hemm ukoll Sparkology, Dating Lounge, u Luxy (“Tinder, mingħajr in-nies foqra” — bla ebda ċajt). L-iktar waħda selettiva fosthom kollha, Raya, hija bl-invit biss — inti bażikament trid tkun ċelebrità b’numru ta’ segwaċi mdaqqas fuq Instagram biex tiġi mistieden. Iżda l-ispeċjalizzazzjoni mhix biss għal ta’ mniħirhom imxammar. Issa jeżistu apps biex iqabblu n-nies abbażi tas-sinjal żodjaku tagħhom (Align), tal-affinità għall-fantaxjenza (Trek Passions), għad-drawwiet simili tal-ikel (Veggiemate), u għall-imħabba għall-ħaxixa (My420Mate). Li jkollok interessi komuni mhix xi ħaġa ħażina — speċjalment jekk, ngħidu aħna, l-identità reliġjuża hija importanti għalik — imma li tiżgura li kull taqbila potenzjali jkollha d-daqna (Bristlr) jew tkun twila mill-inqas 6’4” (Tall People Meet) ifisser interazzjoni biss ma’ dik il-faxxa tal-umanità li mingħalina se togħġobna. Dal-ħsieb huwa żbaljat u ineffettiv, għax il-verità hi, li ħafna minna pjuttost inkapaċi li nkunu nafu verament xi rridu, jew lil min.
Iktar milli jfittxu lill-Ieħor, daters online spiss qed ifittxu mera. In-narċisiżmu jiltaqa’ mar-rifjut ta’ dak li mhux familjari, ta’ dak li mhux mistenni.
Fi Freedom, Jonathan Franzen juri x-xbihat sesswali tal-ġenerazzjoni online bħala taħlita ta’ ipersesswalizzazzjoni b’nuqqas ta’ erotiċiżmu, ta’ iperstimulazzjoni pornografika bi friġidità: “Il-kiddies iħajruk dejjem u ma jissodisfawk qatt, bl-istess mod li l-coke tibqa’ ma tissodisfakx: kull meta ma kienx ikun qed joħodha, kien jiftakarha bħala meraviljuża u imbattibbli u jixxennaq għaliha, imma malli kien jerġa’ jibda jieħu jiftakar li ma kienet meraviljuża xejn, kienet sterili u vojta: newromekkanistika, togħma ta’ mewt. Illum il-ġurnata, speċjalment iż-żgħar, kienu iperattivi fil-ħaxi tagħhom, jgħaġġlu f’kull pożizzjoni magħrufa mill-ispeċi, jagħmlu din, dik u l-oħra, u l-paċċi tal-kiddies wisq bla riħa u mqaxxrin biex tirreġistrahom bħala partijiet tal-ġisem tal-bniedem.”
Il-mewt hija dritt
Fost atti bla għadd ta’ vjolenza u ta’ awtoanniħilazzjoni fis-sajf tal-2016, wieħed kien partikolarment tad-dwejjaq għalija: fl-aħħar ta’ Ġunju, fil-villaġġ ta’ Kiryat Arba, tifel Palestinjan ta’ sbatax-il sena, Muhammad Nasser Tarayrah, ta daqqiet ta’ sikkina u qatel lil tifla Lhudija ta’ tlettax-il sena waqt li kienet rieqda fis-sodda tagħha, biex imbagħad inqatel minn suldat Iżraeljan. L-avveniment ma kienx sorprendenti: Kiryat Arba huwa post li familji Lhud insedjaw illegalment wara li żgumbraw lill-familji Palestinjani minn djarhom, u Tarayrah kien trabba f’ambjent ta’ umiljazzjoni, miżerja u rabja impotenti. Nistgħu niddefinixxu l-att tiegħu bħala wieħed ta’ terroriżmu? Le. Huwa, pjuttost, att ta’ disprament.
Fl-intifada prekarja bla tmexxija politika li splodiet bl-addoċċ madwar Ġerusalemm, Palestinjani ta’ kull età jwettqu atti li ma jistgħux jiġu spjegati f’termini militari jew politiċi: joħorġu minn djarhom bis-skieken biex jippruvaw joqtlu ċittadini Iżraeljani, ġeneralment mingħajr suċċess. Dawn il-gwerrillieri armati bis-skieken jiksbu għan differenti: jinqatlu minn suldati Iżraeljani li huma armati sa snienhom. Din hija insurrezzjoni? Jien ma nsejħilhiex hekk. Insurrezzjoni hija azzjoni kollettiva, proċess li huwa bbażat fuq solidarjetà fit-tul u b’mod ġenerali tittama li tegħleb reġim. Fil-każ tal-intifada tas-sikkina għandna biss atturi individwali, ġellieda solitarji li l-armi tagħhom, ċarament, mhuma adatti biex iwettqu l-ebda għan militari. Huwa assolutament ċar li dawn iż-żgħażagħ Palestinjani, magħkusin u mnikkta mill-miżerja, l-umiljazzjoni u l-vjolenza sistematika tal-Istat razzista tal-Iżrael, qed joqtlu lilhom infushom: suwiċidju permezz tal-pulizija. Iż-żagħżugħ Tarayrah, fil-fatt, qabel mar joqtol tifla, kien spjega l-ġest tiegħu b’mod li ma setax ikun iktar ċar. Poġġa fuq il-profil tiegħu tal-Facebook sentenza tal-biża’: “Il-mewt hija dritt u jien nitlob id-dritt tiegħi.”
Għandna bżonn xi ħaġa iktar sabiex nifhmu t-tifsira moħbija tal-hekk imsejjaħ terroriżmu li qed ikisser in-nisġa stess tal-ħajja ta’ kuljum fis-soċjetà kontemporanja? Is-suwiċidju bit-terrur huwa l-uniku ħarba mill-umiljazzjoni u l-infern tal-miżerja urbana, mill-infern tal-prekarjat.
Il-fertilità u l-gwerra aħħarija
Mussolini darba kiteb, “jekk il-bennieni huma vojta, in-nazzjon jixjieħ u jitmermer.” Il-faxxiżmu kien manifestazzjoni aggressiva tal-potenza taż-żgħażagħ li ħassewhom emarġinati mill-borgiżi tas-seklu li għadda, waqt li t-Trumpiżmu kontemporanju huwa espressjoni tad-disprament ta’ nies xjuħ, bojod u impotenti fi żmien il-globalizzazzjoni. L-espressjoni “Trumpiżmu” tesprimi ħafna mix-xewqa impotenti tal-moviment għas-supremazija: supremazija li l-injoranti jitolbu lura f’isem l-injoranza tagħhom stess, supremazija ta’ dawk li huma kompetittivi b’mod aggressiv iżda m’għandhomx il-mezzi intellettwali biex jiksbu li jridu.
Fis-seklu li għadda, il-faxxiżmu kien essenzjalment assalt vjolenti ta’ rġiel żgħażagħ esklużi mill-poter ekonomiku u politiku iżda obbligati jiġġieldu fi gwerer nazzjonali. Fil-Manifesto del Futurismo, il-potenza sesswali u l-aggressjoni politika kienu magħqudin fl-immaġinazzjoni faxxista. Il-faxxiżmu esprima sens ta’ appartenenza: is-sens ta’ komunità tiegħu kien ibbażat fuq mitoloġiji tad-demm u n-nazzjon, iżda l-ħajja tal-komunitajiet tiegħu kienet reali u intensa. L-injoranza u l-inkapaċità li wieħed jifhem it-tifsira universali tal-umaniżmu kienu l-effetti tal-kult tal-partikolarità li kien ibbażat fuq enerġija vera fi ħdan esperjenza ħajja ta’ appartenenza.
M’għadux hekk. Illum, il-karatteristiċi tal-aggressjoni reazzjonarja inkorporata mit- Trumpiżmu tiddetta pajsaġġ psikoloġiku differenti.
L-ewwel nett, id-demografija nbidlet: l-irġiel bojod dejjem jixjieħu tad-dinja tal-Punent qed jiddeġeneraw fi speċi ta’ pandemonju mentali bbażat fuq l-impotenza u l-awtostmerrija. In-nies qed jivvutaw għall-partiti nazzjonalisti mhux għax iħossu s-sentiment teneru ta’ appartenenza għal komunità, imma għax jixxennqu għal dak is-sentiment, li issa jappartjeni għall-passat. Huma kibru fi żmien ta’ individwaliżmu sfrenat; fdaw fil-wegħdiet tal-egoiżmu neoliberali u mbagħad skoprew li kienu telliefa; huma fdaw fil-wegħda neoliberali tas-suċċess individwali u kienu delużi. Issa tard wisq biex iħaddnu tama ġdida, immaġinazzjoni ġdida: l-unika ħaġa li huma jistgħu jaqsmu hija l-mibegħda tagħhom, ix-xewqa tagħhom għall-vendetta. L-aspettattivi mqarrqa u l-individwaliżmu ffrustrat mhumiex qed iwasslu biex is-solidarjetà terġa’ titfaċċa, imma biss għal xenqa ddisprata u xewqa fferuċjata għall-mewt.
Tnaqqis demografiku huwa minqux fl-evoluzzjoni psiko-sesswali tal-Punent, u l-iskumdità tal-ġisem soċjali huwa effett tal-ikel iperkaloriku u d-drogi li r-razza bajda qed tibla’ biex ittaffi l-ansjetà tagħha. Dan it-tnaqqis demografiku huwa wkoll parzjalment ir-riżultat tal-anoressja sesswali, u jidher li huwa wkoll ipprovokat minn tnaqqis fil-fertilità. Riċentement, is-CNN irrappurtat dwar studju li sab li l-għadd tal-isperma “nieżel sew” fl-irġiel tal-Punent:
L-għadd tal-isperma tal-irġiel fl-Amerika ta’ Fuq, l-Ewropa, l-Awstralja u n-New Zealand qed jonqos sew, skont analiżi ġdida… Fost dawn l-irġiel kien hemm 52% tnaqqis fil-konċentrazzjoni tal-isperma u 59% tnaqqis fl-għadd totali tal-isperma fuq medda ta’ kważi 40 sena sal-2011, skont l-analiżi ppubblikata fil-ġurnal Human Reproduction Update.
It-taħditiet dwar il-fertilità reġgħu tqajmu riċentement fl-Ewropa, peress li l-inkonxju tal-Punent huwa mkexkex minn biża’ ta’ infiltrazzjoni u kontaminazzjoni ġenetika. Fi Franza sekulari, il-fertilità tan-nisa ssaħħet mill-ġdid mill-finanzjament pubbliku tal-prokreazzjoni. Fil-Polonja Kattolika, il-partit fil-gvern jagħti somma żgħira ta’ flus lil koppji li jwelldu trabi ġodda Pollakki. L-istati nazzjonali Ewropej huma mħassba minn rati baxxi tat-twelid u tnaqqis fil-popolazzjoni, u qed jinvestu r-riżorsi biex jipperswadu lin-nies jipprokreaw.
X’inhu s-sors tat-twemmin li, li tipprokrea huwa aħjar milli ma tipprokreax? Din hija enigma għalija, imma naħseb li din il-fissazzjoni ma tistax tinftiehem sakemm ma nqisux il-qawmien mill-ġdid psikotiku tar-razziżmu. Għaliex għandna nibżgħu mit-tnaqqis fil-popolazzjoni? Wieħed jista’ jargumenta li t-tnaqqis fil-popolazzjoni jista’ jiġġenera problema ekonomika u fiskali, iżda jekk dan hu minnu, is-soluzzjoni tinsab hawn: aħna, l-Ewropej, għandna nistimulaw l-immigrazzjoni u norganizzaw l-akkoljenza u l-integrazzjoni ta’ iktar nies minn pajjiżi maħmukin mill-miżerja u l-gwerra. Din is-soluzzjoni hija eżattament l-oppost taċ-ċaħda paranojka li tagħmel il-Fortizza Ewropea fuq il-mewġa ta’ migrazzjoni li ġejja minn pajjiżi Afrikani, tal-Lvant Nofsani u Asjatiċi. Fl-Italja, l-immigranti qed iħallsu parti importanti mid-dħul tas-sigurtà soċjali tal-pajjiż. Għandna għalhekk nippromovu l-adozzjonijiet, niffaċilitaw il-proċeduri, nagħtu ċ-ċittadinanza Ewropea lil mijiet ta’ eluf ta’ trabi li bħalissa huma mitlufin f’kampijiet ta’ konċentrament Torok jew Libjani. Madankollu, il-mexxejja politiċi Ewropej u l-maġġoranza tal-pubbliku Ewropew jiċħdu b’vuċi waħda din is-soluzzjoni. Għaliex? It-tweġiba mhux imlissna hija li r-razza bajda tkun fil-periklu ta’ estinzjoni. X’għarukaża!
L-idjozija tal-protezzjoni tal-identità razzjali qed timmobilizza l-enerġiji tal-injorant mad-dinja kollha, u l-injoranza qed tistinka biex tirriproduċi lilha nnifisha.
L-identità hija nassa
Il-kunċett tal-identità huwa ingann, ibbażat fuq nuqqas ta’ fehim. L-identità hija l-projezzjoni ta’ xi wħud mill-karatteristiċi tal-passat fuq l-immaġinazzjoni tal-futur. L-identità ma teżistix, l-identifikazzjoni biss teżisti. L-identità hija l-fissazzjoni fuq proċess ta’ identifikazzjoni li ġeneralment tnaqqas il-kumplessità għal mudell prevedibbli ta’ mġiba, skont bżonnijiet psikoloġiċi jew intenzjonijiet politiċi. Il-kulturi jeżistu fi proċess perenni ta’ tiswir u l-evoluzzjoni kulturali ma tiddependix fuq l-ovarji jew l-isperma jew il-kulur tal-ġilda — tiddependi fuq l-iskejjel, fuq il-kotba, fuq il-ħbiberiji, fuq il-kondiviżjoni tar-riżorsi u t-teknoloġija. L-identità hija bbażata fuq sens immaġinarju ta’ appartenenza għal passat komuni, mentri t-tiswir kulturali jantiċipa l-futuri minquxin fil-preżent tal-ħajja soċjali.
L-identità hija kostrutt psiko-politiku li ġeneralment iżomm flimkien korp soċjali li tilef is-sens ta’ solidarjetà tiegħu. L-identità tasserixxi ruħha permezz tal-esklużjoni u l-aggressjoni. Meta l-ħaddiema jitilfu s-sens tal-interess komuni tagħhom, jibdew jaħsbu fihom infushom bħala Serbi u Kroati, bħala bojod u suwed, Musulmani u Nsara. Ladarba tilfu l-gwerra soċjali, iħejju għal gwerer ġodda abbażi tal-appartenenza tagħhom għal identitajiet immaġinarji. Għandhom bżonn missier għax tilfu s-sens ta’ fraternità. Is-singularità fraterna hija l-punt tat-tluq għall-bini tas-solidarjetà soċjali, forma ta’ ħbiberija li ma tappartjenix u m’għandhiex bżonn identità għax hija bbażata fuq il-libertà u d-deżiderju.
Mid-diżidentifikazzjoni biss tista’ toħroġ komunità mhux oppressiva. Soċjetà mhux awtoritarja ma tistax tkun ibbażata fuq il-komunità tal-kewn, imma biss fuq il-komunità tat-tiswir; mhux fuq il-komunità tal-memorja, imma biss fuq il-komunità ta’ esperjenza; mhux fuq il-komunità territorjali, iżda biss fuq il-komunità tan-nies nomadi li proviżorjament jiltaqgħu xi mkien, imbagħad jitferrxu u jerġgħu jiltaqgħu jekk u meta jixtiequ.
Bżonn ossessiv għal sens immaġinat ta’ appartenenza huwa r-rabta ewlenija bejn il-faxxiżmu tas-seklu li għadda u t-Trumpiżmu tal-lum, imma dan paradossalment huwa wkoll id-differenza ewlenija bejn it-tnejn. Fis-seklu għoxrin, il-mit tal-identità (nazzjonali, etnika, reliġjuża) kien ibbażat fuq l-esperjenza mgħixa tal-ħajja komuni, iżda l-qawmien mill-ġdid ta’ dan il-mit fis-seklu wieħed u għoxrin għandu sfond differenti: huwa effett tat-telfa tal-kultura internazzjonalista, imma m’għadux jibbaża fuq xi esperjenza reali ta’ komunalità jew territorju .