Nifs: Kaos u Poeżija #6

Purità

Franco “Bifo” Berardi (tr Karl Baldacchino)

it-terruri tat-teknokrazija, li fittxet li teħles lill-umanità mill-umanità tagħha permezz tal-effiċjenza tas-swieq u r-razzjonalità tal-magni. Din kienet il-vera fissazzjoni eterna tar-rivoluzzjoni illeġittima, dan in-nuqqas ta’ sabar bl-irrazzjonalità, din ix-xewqa li titnaddaf minnha darba għal dejjem.
Jonathan Franzen, Purity

Epidemiji

amilt l-ewwel snin tat-tmeninijiet Manhattan. Kien l-iktar żmien eċitanti. Jien mort hemm bħala kittieb għal rivista tal-mużika bbażata Milan. Kont qed nikteb dwar ix-xena postpunk No Wave ta’ New York, u dwar l-arti tat-triq, il-graffiti ta’ Keith Haring, u Rammellzee u Basquiat.

Fl-1977 il-belt ta’ New York kienet iddikjarat falliment finanzjarju, u bosta investituri industrijali kienu mbagħad ħarbu lejn bliet iktar b’saħħithom finanzjarjament. Meta wasalt New York, id-deterjorazzjoni urbana tagħha kienet impressjonanti: meded wesgħin tal-belt kienu jidhru qishom ċimiterji mitluqa, mimlija fabbriki abbandunati u ħwienet vojta. Iżda maġġur viżjonarju jismu Ed Koch ġietu idea brillanti: fetaħ il-belt għal artisti u żgħażagħ avventurużi, li ġew mistiedna jagħtu ħajja ġdida lill-kwartieri taċ-ċentru tal-belt, b’mod partikolari l-East Village u l-Lower East Side. Ġew offruti għotjiet speċjali u kirjiet baxxi għar-rinnovament urban. Eluf irħewlha lejn il-belt u l-lofts ġew abitati mill-ġdid, mibdula f’postijiet ta’ kreazzjoni, esperimentazzjoni teknika u eżistenzjali, u skambju kulturali. Mużiċisti, artisti u techies għamlu l-belt speċi ta’ laboratorju ta’ futuri possibbli. L-arti viżiva u l-mużika, u kull tip ta’ droga u pjaċir erotiku, ippervadew dawn il-kwartieri lejl u nhar.

Imbagħad ġiet l-AIDS. L-AIDS għamlet il-pjaċir perikoluż u pperikolat l-awtoperċezzjoni, xoljiet mill-komunità l-ħbiberija erotika u egalitarja li kienet ilha tiffjorixxi mad-dinja kollha għall-aħħar għoxrin sena. It-tranżizzjoni minn forom konġuntivi ta’ komunikazzjoni għall-purità diġitali tal-konnettività ġiet inawgurata mit-tixrid ta’ dan ir-retrovirus. Kif l-epidemija nisslet il-biżamill-kuntatt fiżiku u xoljiet il-possibbiltà stess li tiġi immaġinata l-kuntentizza, l-enerġiji soċjali emigraw mill-ispazju tal-kospirazzjoni tal-ġisem (nieħdu nifs flimkien) għall-ispazju ta’ komunikazzjoni diżimġissma.

Ma rridx nissuġġerixxi li l-involuzzjoni kulturali ġenerali li mmarkat is-snin tmenin u wittiet it-triq għall-privatizzazzjoni u l-prekarjetà tista’ tiġi ridotta għall-kriżi tal-AIDS, iżda l-fatt li l-kriżi identifikat il-pjaċir mal-mard bil-mod dawwar il-ħajja soċjali f’deżert. Temmew għexieren ta’ snin ta’ solidarjetà soċjali u mħabba ħielsa, u segwiet il-mutazzjoni diġitali, u meta t-teknoloġija diġitali ppervadiet l-isfera tal-komunikazzjoni tal-bniedem, din issostitwiet il-konġunzjoni bil-konnessjoni. Anki jekk trasmessa bil-kuntatt sesswali, l-AIDS kienet prinċipalment epidemija psikomedjatika. Kienet ibbażata fuq il-komunikazzjoni ta’ retrovirus, iżda rriżultat fil-komunikazzjoni tal-biża’. Meta l-kuntatt mal-ġisem tal-Ieħor beda jiġi pperċepit bħala periklu — u meta dan is-sens ta’ periklu rabba l-għeruq fl-inkonxju soċjali — il-lingwa trasmigrat mill-isfera konġuntiva għal dik konnettiva. F’dak il-punt, id-dwejjaq ħa postu fir-ruħ soċjali.

Id-dipressjoni tista’ tiġi deskritta bħala l-kundizzjoni li fiha, ladarba ma tibqax tinvesti deżiderju fl-esperjenza ta’ kuljum, l-organiżmu konxju jitlef il-ħila li jsib sinifikat fid-dinja ta’ madwaru. Fil-fatt, is-sinifikat ma jinsabx fl-affarijiet, jew fis-sinjali tal-lingwa. Huwa ġġenerat mill-bidla bla tarf minn interpretazzjoni għall-oħra, mill-iskambju inċert u ambigwu tal-ġesti. Id-deżiderju huwa l-enerġija li tippermetti din l-attività kontinwa ta’ interpretazzjoni. Is-sinifikat huwa l-effett ta’ komunikazzjoni affettiva fost l-aġenti tal-lingwa. Peress li s-sinifikat joħroġ fid-dimensjoni tal-konġunzjoni affettiva, il-possibbiltà ta’ skambju sinifikanti malajr ixolji meta l-komunità tal-iġsma tiddiżaggrega. Dan huwa l-punt tal-bidu tad-dipressjoni.


Purità u dipressjoni: Ir-ruħ bajda Amerikana

Purity (2015) mhuwiex l-aqwa rumanz ta’ Jonathan Franzen, fl-opinjoni tiegħi. Madankollu, dan il-ktieb jista’ jkun iċ-ċavetta biex nifhmu bis-sħiħ l-univers tal-awtur. Purity jitfa’ dawl ġdid fuq il-kotba preċedenti ta’ Franzen, u jiżvela l-pjan ġenerali tax-xogħol kolossali tiegħu, li huwa ddedikat għad-deskrizzjoni tat-tnawwir tar-Ruħ Amerikana u t-tidwib tal-moħħ Amerikan. Ir-rumanz joffri ħjiel għall-analiżi tas-sensibbiltà bajda Amerikana, il-psikożi razzista li qed terġa’ titfaċċa, u l-ħarba sussegwenti lejn l-isfera tal-astrazzjoni diġitali. Purity jitfa’ dawl fuq l-ossessjoni li tinsab wara l-pajsaġġ mentali dipressiv taż-żewġ rumanzi preċedenti ta’ Franzen, The Corrections (2001) u Freedom (2010).

Purity huwa rumanz dwar l-ossessjoni Protestanta bil-verità, l-integrità morali, u ċ-ċarezza perċettiva. Tiknes it-trab tal-indeterminazzjoni, tneħħi l-impreċiżjoni, tiċħad il-pluralità tal-possibbiltajiet: dawn huma l-kundizzjonijiet biex wieħed jidħol fl-isfera tal-ifformattjar diġitali. L-ossessjoni bil-purità hija mmirata biex tħassar l-ambigwità, iżda fl-istess ħin tneħħi l-kuxjenza intima li xejn mhu pur fid-dinja ħajja, u li l-verità ma teżistix. Sabiex jispjega l-univers tal-purità, Franzen jitkellem dwar it-tqegħid bil-mod u bl-uġigħ tal-modalità konnettiva fil-moħħ tal-bniedem u tal-qerda korollarja neoliberali tas-solidarjetà soċjali u l-paraliżi tal-empatija sesswali minħabba l-biżamill-kontaminazzjoni. Kif jikteb Franzen, “l-għan tal-Internet u tat-teknoloġiji assoċjati miegħu kien li ‘jillibera’ lill-umanità mill-kompiti — li joħolqu l-affarijiet, li jitgħallmu l-affarijiet, li jiftakru l-affarijiet — li qabel kienu jagħtu sens lill-ħajja u għalhekk kienu jikkostitwixxu l-ħajja. Issa bħal donnu li l-uniku kompitu li jfisser xi ħaġa kien l-ottimizzazzjoni tas-search engine… jekk — u biss jekk — kellek biżżejjed flus u/jew kapaċità teknoloġika, stajt tikkontrolla l-persona tal-Internet tiegħek, u għalhekk, id-destin tiegħek u l-ħajja virtwali ta’ wara l-mewt. Ottimizza jew mut. Oqtol jew inqatel.

Il-konnettività diġitali tinvolvi r-rikombinazzjoni kontinwa ta’ segmenti preformattjati ta’ enerġija nervuża: l-indeterminazzjoni tal-ħajja soċjali hija sostitwita mill-kodiċi tad-determinazzjoni, u fl-aħħar mill-aħħar l-individwaliżmu neoliberali jwassal għal frattalizzazzjoni awtomatizzata. Din hija l-“libertà” mnikkta li Franzen jitkellem dwarha fir-rumanz preċedenti tiegħu, Freedom. Il-jien diġitali huwa obbligat li jiġi ppurifikat mir-residwi tal-empatija, mill-kompassjoni, u s-solidarjetà umana tiegħu sabiex jaħrab l-abbissi ta’ miżerja u falliment u jissintonizza għad-dinamiki introdotti fl-era ta’ Margaret Thatcher u l-AIDS. Meta li nieħdu nifs flimkien sar perikoluż, kulħadd kien obbligat li jieħu nifs waħdu u r-ritmu tar-respirazzjoni individwali kien obbligat isegwi l-pass tal-kompetizzjoni ekonomika.

Li taqra x-xogħol ta’ Franzen huwa l-aħjar mod biex tikseb għarfien dwar dak li qed jiġri lill-moħħ Amerikan, u partikolarment lill-inkonxju Amerikan, matul ir-renju ta’ Trump. Ir-rumanzi ta’ Franzen jistgħu jinqraw bħala investigazzjonijiet metikolużi tad-dinamiki molekulari tad-dipressjoni kontemporanja — l-isfond suġġettiv tat-Trumpiżmu. Fix-xogħlijiet ta’ Franzen, kull wieħed vjaġġ fil-mini taħt il-ġilda tal-psikosfera kontemporanja, ix-xaqliba dipressiva tal-kultura tal-Punent kontemporanja hija rritraċċata u ddeċifrata permezz tas-sinjali tal-lingwa. Fi Purity, Franzen jikteb: “Fil-jien subatomiku tiegħu, l-ebda kronoloġija ma kienet stabbli. Il-jien subatomiku ġie ffrattalizzat, u tilef il-ħila li jingħaqad mal-Ieħor. F’żifna solitarja li fiha l-ħbiberija hija pprojbita, il-jien intern huwa obbligat li, minflok, jissinkronizza mal-astrazzjoni pura tal-ħin diġitali. F’The Corrections u Freedom, Franzen jiddeskrivi fenomenoloġija tad-dipressjoni Amerikana. Purity huwa inqas konvinċenti, mil-lat letterarju, bl-eċċess tiegħu ta’ kuxjenza filosofika u nuqqas ta’ narrattiva konvinċenti. Madankollu, dal-ktieb huwa l-aħjar daħla fl-univers fittizju ta’ Franzen, u jista’ jitqies bħala esej wiesa’ dwar il-ġenealoġija, kif ukoll dwar l-ontoloġija, tad-dipressjoni Amerikana. Dan huwa punt kruċjali: irridu nifhmu li d-dipressjoni mhix biss afflizzjoni mentali, iżda tista’ wkoll tiġi interpretata (u ttrattata) bħala mod kif wieħed jersaq lejn il-verità, bħala diskors dwar il-Kewn innifsu (bħala diskors dwar l-ontos, u għalhekk il-verità).

L-ewwel rumanz ta’ Franzen li ġibidli l-attenzjoni lejh kien The Corrections. Dan il-ktieb, metafora għat-tnawwir tal-moħħ Amerikan, jirrakkonta t-tħejjija, tul sena sħiħa, tal-ikla tal-Milied fil-familja Lambert. It-tliet ulied Lambert, kollha fuq it-tletin, jgħixu ħajjiet li joxxillaw bejn paniku u dipressjoni. Il-missier, eżempju perfett tal-Midwesterner dipress u apatetiku tal-klassi medja, bil-mod qed joqrob lejn is-senilità, u huwa dejjem iktar fraġli u perikolożament ma jiftakarx xi jkun għamel żewġ minuti qabel. L-omm, fl-aħħar, għadha kif skopriet il-balzmu tal-psikofarmakoloġija. Waqt li l-intelliġenza artifiċjali qed issir il-qasam ewlieni tar-riċerka u l-innovazzjoni f’Silicon Valley, il-moħħ ħaj tal-Amerka qed jitmermer, maqbud minn ansjetà u dipressjoni, furjożament ifittex il-bdabad tal-espjazzjoni u l-vendetta.

Wieħed jista’ jgħid li Franzen kemm qed javvanza l-investigazzjoni letterarja li Don DeLillo beda fis-snin tmenin — u dan huwa parzjalment minnu. Iżda bejn dakinhar u issa ġrat xi ħaġa ġdida. DeLillo huwa kontemporanju ta’ Jean Baudrillard, u x-xoljiment tar-razzjonalità moderna u l-espansjoni konkomitanti tan-nuqqas ta’ sens postmodern huma deskritti fil-kitbiet tiegħu bi speċi ta’ ironija eċitanti li tħallik bla nifs. Baudrillard u DeLillo bl-istess mod ibassru diżintegrazzjoni soċjali u x-xoljiment tal-psikoloġija soċjali. Fil-kitbiet ta’ DeLillo, bħal f’ta’ Baudrillard, l-iżvolġiment tal-apokalissi qed jiġi pperċepit mill-perspettiva ta’ immaġinazzjoni utopika falluta. Iżda Franzen jesprimi l-burdata tal-ġenerazzjoni ta’ wara: għalih, it-telf ta’ sinifikat kondiviż m’għadux skandlu jew afflizzjoni jew avventura eċitanti, iżda pjuttost il-kundizzjoni permanenti li s-soċjetà tal-Punent (u mhux hi biss) stabbiliet lilha nnifisha taħtha. Tletin sena wara Baudrillard, Franzen jirrakkonta d-distopja tat-teorist postmodern bħala norma insuperabbli, ċirku li jibqa’ jdur fuqu nnifsu mingħajr linji ta’ ħarba.

Fi Purity, niskopru li l-avventura ġrat żmien ilu, fi żmien li għad jista’ jitfakkar iżda li ma jistax jerġa’ jitqajjem. Din l-avventura fil-passat imbiegħed ħalliet traċċi fir-ruħ tal-karattri tar-rumanz li esperjenzawha (Andreas Wolf, Abigail, Tom Abernat), iżda bħalissa huma jgħixu b’kuxjenza muġugħa ta’ falsità, ta’ inawtentiċità. Il-ġenerazzjoni l-ġdida tar-rumanz twieldu wara l-Avveniment. (Mejju ’68? Il-movimenti kontrokulturali eżuberanti? Il-ħolma hippy? Il-waqgħa tal-Ħajt ta’ Berlin fid-’89? Il-twelid fertili tal-Internet fid-disgħinijiet? Iva, dawn kollha — u ħafna iktar.) Din il-ġenerazzjoni m’għandha l-ebda memorja tan-nisġa speċjali tal-esperjenza umana qabel u matul l-Avveniment — esperjenza fid-dimensjoni tal-impurità, ta’ sinifikat doppju, ta’ żegħil għażżien u konġunzjoni semjoerotika. Id-dinja antika, li setgħet tiġi esperjenzata qabel ir-rikonfigurazzjoni diġitali, kellha semjotika li fiha s-sinjali kienu jitħallew iġorru iktar minn sinifikat wieħed, li fih l-interpretazzjoni kienet kemm imċajpra kif ukoll arrikkita mill-ambigwità. Kienet dinja tax-xagħar: ix-xuxa twila, il-mustaċċi, is-suf ta’ taħt l-abtejn, los barbudos, l-Afro iswed, ix-xagħar twil salvaġġ. Fl-isfera diġitali, ix-xagħar huwa pprojbit, il-qtugħ tax-xagħar huwa obbligatorju, u l-ambigwità semjotika hija tabù. Kwalunkwe tiċpir ta’ indeterminazzjoni jew konfużjoni tkun inkonsistenti mal-loġika tal-isfera diġitali tal-magni tal-konnettività u l-imħuħ konnettivi.

Il-moħħ ta’ Pip Tyler (Purity Tyler, biex inkun preċiż) huwa s-suġġett ċentrali ta’ Purity. Pip, li għandha xi għoxrin, hija perfettament profiċjenti fl-użu tat-teknoloġija tal-informazzjoni u qed tfittex xogħol prekarju. Hija għandha sens vag u inċert tal-fatt li qabel żmienha kienet teżisti dinja impura, imma d-distanza tagħha minn dik id-dinja hija totali. Il-konfigurazzjoni estetika, etika u konjittiva ta’ moħħha ma tikkonformax mad-dinja impura tal-passat.

Fix-xogħlijiet ta’ DeLillo, il-ftuħ ta’ abbiss ta’ baħħ kien spettakolari; fi Franzen, m’hemmx iktar stagħġib għax aħna diġà mqegħdin f’baħħ li se jtawwal ferm. Ġol-moħħ diġitali l-avvenimenti ma jeżistux; l-istimoli infonewrali biss jirreġistraw. Jekk iseħħ avveniment, allura rridu nneħħuh mill-kuxjenza tagħna kemm jista’ jkun malajr. Fi Freedom, pereżempju, iż-żagħżugħ Joey jidher ħerqan li jħassar il-memorja ta’ dak li ġara fil-11 ta’ Settembru 2001, għax dik il-ġrajja tfixkel l-aspettattivi mdaħħlin f’moħħu: xejn ma ppreparah biex jinternalizza avveniment li jfixkel il-katina tal-prevedibbiltà, li tkisser l-ordni bla xkiel tal-ħajja kkodifikata. Joey jesperjenza 9/11 bħala “glitch” inkonċepibbli:

Iktar tard, kif l-inkwiet tiegħu beda jiżdied, bħallikieku jintebaħ li x-xorti tajba tiegħu, li tfulitu għallmitu jikkunsidra d-dritt tiegħu minn twelidu, kienet ġiet imxejna minn ħasda ta’ xorti ħażina fuq livell ogħla, tant żbaljata li lanqas mhi reali. Huwa baqa’ jistenna li jiġu esposti l-aspetti żbaljati u frodulenti tagħha, u li d-dinja terġa’ tikkalma, sabiex ikun jista’ jkollu l-esperjenza universitarja li kien jistenna. Meta dan ma seħħx, inħakem minn rabja li l-oġġett speċifiku tagħha rrifjuta li jiġi ffukat. Il-ħati, f’daqqa t’għajn, deher kważi qisu bin Laden, iżda mhux eżatt. Il-ħati kien xi ħaġa iktar profonda, xi ħaġa mhux politika, xi ħaġa strutturalment malizzjuża, bħat-tumbata fuq bankina li tgerbek u twaqqgħek għal wiċċek meta tkun miexi barra innoċentament.


Libertà mingħajr ħbiberija

Il-“libertà” li Franzen jikteb dwarha hija libertà mingħajr ħbiberija — jiġifieri libertà mingħajr sinifikat. Id-djalogi maħdumin bizzilla tal-kotba tiegħu huma l-mera morra ta’ umanità li tilfet l-abbiltà tagħha li tikkondividi l-pjaċir tal-eżistenza. Dik li toffrilna l-possibbiltà li nsibu sinifikat u pjaċir fl-okkorrenzi ta’ din il-ħajja hija relazzjoni dijaloġika li tistabbilixxi spazju ta’ ftehim reċiproku. Is-sinifikat huwa interpretazzjoni interpersonali, il-mogħdija kondiviża tal-kuxjenza. L-eżistenza waħedha m’għandha l-ebda sinifikat: din hija l-verità li nitgħallmu meta naqsmu d-deżert tal-assenza tas-sinifikat. Iżda din il-verità mhix tal-biża’ sakemm nistgħu nsibu oasijiet fid-deżert: oasijiet ta’ ħbiberija, imħabba, kondiviżjoni intellettwali u erotika, kospirazzjoni u l-projezzjoni ta’ pajsaġġ komuni. Tali oasijiet huma l-prekundizzjoni għal kuxjenza sensibbli u għal immaġinazzjoni kondiviża.

Is-sinifikat huwa bbażat fuq il-ħbiberija, fuq id-djalogu fost il-ħbieb. Il-“libertà” ta’ Franzen hija nieqsa mill-wens tal-ħbiberija, u għalhekk nieqsa minn kull sinifikat perċepibbli. Il-karattru prinċipali tar-rumanz, Patty, tikkommetti adulterju fit-tfittxija tagħha għas-sinifikat u l-kondiviżjoni. It-tfittxija tagħha tfalli, għax f’din id-dinja ħadd mhu kapaċi jaqsam il-ferħ, u ċ-ċiniżmu jipprevala fuq il-ħbiberija. Patty, li ntalbet tikteb awtobijografija mit-terapista tagħha, tista’ tikkaratterizza l-esperjenza tagħha taż-żmien b’mod kliniku: “Iż-żmien għadda b’mod stramb u l-awtobijografa, bl-esperjenza tagħha issa pjuttost abbundanti ta’ nofstanhari sparpaljati, hija kapaċi tidentifikah bħala dipressiv (interminabbli u fl-istess ħin iqabbdek it-taqligħ tant jgħaddi ħarba; mimli daqs bajda minn sekonda għall-oħra, bla ebda kontenut minn siegħa għall-oħra). Freedom huwa dwar l-adulterju femminili, fejn it-tradiment jirreġistra x-xewqa għal-libertà. Bħal f’Madame Bovary, hawn insibu wkoll l-angoxxa tal-libertà femminili, imma Emma ta’ Flaubert batiet minn tip differenti ta’ malesseri — dwejjaq li rriżulta minn nuqqas ta’ stimoli, mill-vojt eżistenzjali tal-ħajja provinċjali Franċiża ta’ żmienha. Għall-kuntrarju, Patty tbati minn ansjetà dipressiva li ġejja minn eċċess ta’ stimoli, minn tagħbija żejda ta’ wegħdiet, minn orizzont bla limiti ta’ “opportunitajiet” li qatt mhu se jissarrfu f’avventura jew pjaċir kondiviżi.

Il-bijografiji personali tal-kittieba mhux dejjem ikunu relevanti, iżda l-bijografija ta’ Franzen hija interessanti. L-esperjenza personali tiegħu, irrakkuntata fil-ġabra ta’ esejs tiegħu Farther Away, toffri introduzzjoni revelatorja għad-dinja bla avvenimenti li l-karattri tiegħu jgħixu fiha. L-imħabba, il-kompetizzjoni u d-dipressjoni huma marbutin ma’ xulxin fl-istorja ta’ ħajtu daqskemm huma fl-imaġinazzjoni letterarja tiegħu. Hawnhekk nistgħu nsibu l-isfond soċjali tax-xogħlijiet letterarji tiegħu. F’esej bit-titlu “On Autobiographical Fiction”, Franzen jiftakar fit-tmiem taż-żwieġ tiegħu:

L-ewwel ħaġa li kelli nagħmel fil-bidu tad-disgħinijiet kien li noħroġ miż-żwieġ tiegħi. Li tikser il-ġurament u r-rabtiet emozzjonali tal-lealtà rari hija ħaġa faċli għal kwalunkwe persuna, u fil-każ tiegħi dan kien partikolarment ikkumplikat mill-fatt li kont iżżewwiġt kittieba bħali. Kont ftit konxju li konna żgħar wisq u bla esperjenza biex nagħmlu wegħda ta’ monogamija għal dejjem, imma l-ambizzjoni letterarja u l-idealiżmu romantiku tiegħi pprevalew. Iżżewwiġna fil-ħarifa tal-1982, meta kont għadni kemm għalaqt tlieta u għoxrin, u bdejna naħdmu bħala tim biex nipproduċu kapolavuri letterarji. Il-pjan tagħna kien li naħdmu wieħed ħdejn l-oħra ħajjitna kollha. Ma kienx jidher li hemm bżonn ta’ pjan alternattiv għal li jista’ jkun, għax marti kienet mara kapaċi u sofistikata minn New York li dehret li żgur se tirnexxi, probabbilment ħafna qabli, u kont naf li stajt dejjem nieħu ħsieb tiegħi nnifsi. U għalhekk it-tnejn qbadna niktbu r-rumanzi, u t-tnejn konna sorpriżi u ddiżappuntati meta marti m’għamlitx bejgħ b’tagħha. Meta tiegħi begħtu, fil-ħarifa tal-1987, ħassejtni eċitat u fl-istess ħin tassew ħati. […]

B’xorti tajba, qabel jien u marti spiċċajna noqtlu lilna nfusna jew lil xi ħadd ieħor, ir-realtà intervjeniet.

L-awtodeskrizzjoni bla ħniena ta’ Franzen hawn tiżvela r-relazzjoni patoġenika ta’ bejn il-kompetizzjoni u l-imħabba. Jiddeskrivi mħabba tassew Amerikana, imħabba kiesħa u krudili għax hija bbażata fuq doppjetta perikoluża: lealtà fil-kompetizzjoni, u kompetizzjoni fil-lealtà. Imħabba li hija pjuttost protestanta, puritana u bajda.

Skont din il-fehma, ħlejjaq ħajjin oħra għandhom essenzjalment jitqiesu bħala suġġetti ekonomiċi, kompetituri. L-epidemija tal-“like” u r-ruxxmata “I love you” li jinstemgħu fil-konverżazzjonijiet ta’ kuljum huma n-naħa l-oħra ta’ stitikezza affettiva u brutalità soċjali fundamentali. Fl-esej “Pain Won’t Kill You” (diskors tal-bidu tas-sena skolastika mogħti f’Kenyon College), Franzen imiss fuq xi ħaġa simili: “Ħalluni… nindika kif il-kelma sexy tintuża ubikwament biex tiddeskrivi aġġeġġi tal-aħħar mudell; u kif l-affarijiet cool li nistgħu nagħmlu issa b’dawn l-aġġeġġi… in-nies ta’ mitt sena ilu kienu jarawhom bħala inkantazzjonijiet ta’ prestiġġatur, il-ġesti bl-idejn ta’ prestiġġatur; u kif, meta rridu niddeskrivu relazzjoni erotika li qed taħdem perfettament, nitkellmu, tabilħaqq, fuq il-maġija. Il-punt ta’ Franzen hu li, fl-Amerka, is-sentimentaliżmu huwa marbut mal-estetika tal-aġġeġġ, u jsir virus tal-lingwa li jirreplika lilu nnifsu. Ikompli: “Fenomenu relatat huwa t-trasformazzjoni li għaddejja, grazzi għal Facebook, tal-verb għoġob minn stat mentali għal azzjoni li inti twettaq bil-mouse tiegħek tal-kompjuter: minn sentiment għal affermazzjoni ta’ għażla tal-konsumatur. Li tagħmel “like”, b’mod ġenerali, huwa s-sostitut kummerċjali tal-kultura għall-imħabba. Il-ħaġa tal-iskantament dwar il-prodotti kollha tal-konsumatur — u xejn iktar minn apparati u applikazzjonijiet elettroniċi — hija li huma ddisinjati biex jintgħoġbu immensament. L-Amerka ta’ Franzen hija d-dinja li toħroġ mit-tisfija puritana, mit-tħassir tal-memorja emozzjonali tal-istorja. Hija dinja bbażata fuq nuqqas fundamentali ta’ ħbiberija, fejn is-solidarjetà ġiet sostitwita minn negozjar verbali u konvenzjoni.

Il-komunità Amerikana ilha mill-oriġini tagħha bbażata fuq il-kliem: l-ewwel, fuq il-kelma ta’ Alla; imbagħad, fuq il-kliem tar-raġuni kostituzzjonali fformulata fid-Dikjarazzjoni tal-Indipendenza, li inawgurat l-identità Amerikana bħala tabula rasa. Din il-magna purament verbali tal-identità Amerikana (deskritta tajjeb minn Samuel P. Huntington f’Who Are We?) hija kundizzjoni antropoloġika u epistemoloġika li finalment evolviet fil-forma perfetta tagħha — dik diġitali. Hawnhekk jemerġi n-neouman, hekk kif il-mutazzjoni konnettiva tikkanċella l-abbiltà li tħoss is-sħana konġuntiva tal-oħrajn, li tirċievi l-Ieħor bħala sorpriża li ma tistax tiġi ridotta għas-sentimentaliżmu. Fi Freedom, Franzen josserva li “l-esperiment Amerikan tal-awtogovernanza [kien] statistikament distort mill-bidu, għaliex ma kinux in-nies b’ġeni soċjevoli li ħarbu d-Dinja l-Qadima għall-kontinent il-ġdid; dawn kienu n-nies li ma jmorrux tajjeb mal-oħrajn. Dan il-kliem ifakkarni fir-rumanzi ta’ Cormac McCarthy, kittieb li jiddeskrivi b’mod inqas sofistikat imma iktar dirett il-vjolenza moqżieża li tista’ tiffjorixxi fid-deżert antiaffettiv u brutali li huwa l-bażi antropoloġika tas-soċjetà Amerikana bajda. Franzen imur lil hinn minn McCarthy, għax juri r-rabta bejn il-brutalità bla ruħ u l-kultura diġitali. Il-mutazzjoni diġitali tiġi bħala l-qofol ta’ storja li bdiet bl-iktar ġenoċidju perfett fl-istorja tal-bniedem — l-eliminazzjoni tal-popli indiġeni li kienu jgħixu fil-kontinent tal-Amerka ta’ Fuq, u r-rimpjazzament tagħhom permezz tal-kelma pura u qerrieda ta’ Alla — u li spiċċat b’pajsaġġ bijotikament deżolat.

Il-kultura neoumana, il-kultura ta’ wara l-esperiment Amerikan li ġiet esportata mad-dinja kollha, hija bbażata fuq iċ-ċaħda u l-obliterazzjoni tas-psikoġenesi singulari tal-kuxjenza. Il-kuxjenza tista’ tiġi uniformizzata u sostitwita minn proċeduri konnettivi, iżda l-inkonxju ma jistax ikun obliterat. L-ikkanċellar puritaniku tal-istorja u l-memorja mgħixa ma tneħħix il-memorja tal-vjolenza li ġiet inflitta fuq il-popolazzjoni indiġena Amerikana, lanqas fuq il-miljuni ta’ skjavi suwed importati tagħha, u lanqas fuq l-ambjent fiżiku tagħha u fuq dak tal-pjaneta nnifisha. Allura l-inkonxju Amerikan brutalizzat jisplodi bla ebda medjazzjoni razzjonali jew politika.

F’esej ieħor, Franzen ifakkar li ra l-mutazzjoni diġitali tiżvolġi fil-ġesti ta’ kuljum:

Kienet qed isseħħ, wara kollox, fi New York fl-aħħar tad-disgħinijiet, tranżizzjoni bla xkiel mal-belt kollha mill-kultura tan-nikotina għall-kultura ċellulari. Ilbieraħ fil-but tal-qmis kellek imdeffes pakkett Marlboro, l-għada kellek Motorola. Ilbieraħ it-tfajla gustuża vulnerabbilment mhux akkumpanjata kienet qed tokkupa jdejha u ħalqha u l-attenzjoni b’sigarett, illum tokkupahom b’konverżazzjoni importanti ħafna ma’ persuna li mhix int… Lura fl-1998, mhux wisq wara li qtajt is-sigaretti, kont inpoġġi fis-subway u nara l-passiġġieri l-oħra jiftħu u jagħlqu l-mobile b’mod nervuż, jew igerrmu l-antenni bħall-bżieżel li kellhom il-mobiles kollha dak iż-żmien, jew sempliċiment iżommu l-aġġeġġi f’idejhom bil-kwiet, bħallikieku id ommhom, u jien kont inħoss għalihom xi ħaġa bħal dispjaċir.

Franzen jirrakkonta li ħabibtu Elisabeth taħseb li l-epidemija tal-“I love you” li tiddomina d-diskors ta’ kuljum mhix daqshekk gravi: tolqotha bħala reazzjoni b’saħħitha għall-Protestantiżmu fundamentali tal-kultura bajda Amerikana. Nirrispetta l-fehma ta’ Elisabeth imma naħseb li m’hemmx mod iktar superfiċjali minn hekk biex tispjegaha. L-epidemija tal-“I love you” hija l-iktar manifestazzjoni estrema, għalkemm l-iktar innokwa, ta’ defiċit bażiku ta’ fehim emozzjonali, tip ta’ imitazzjoni ta’ affett, falsifikazzjoni uniformi tat-tenerezza li darba kienet karatteristika tan-natura umana, qabel ma tfaċċat l-Amerka biex titfiha.

Purity jiddeskrivi l-proċess kollu wġigħ tal-ifformattjar mill-ġdid konnettiv tal-moħħ li ppermetta d-diżintegrazzjoni neoliberali tas-solidarjetà soċjali. Meta l-bnedmin soċjali jiġu identifikati bħala kompetituri, meta l-empatija sesswali tiġi sostitwita minn biża’ ta’ kontaminazzjoni, hemmhekk tista’ titwettaq il-mutazzjoni konnettiva. Il-purità ċinika u l-friġidità intima huma karatteristiċi psikoloġiċi li jispjegaw u jiddefinixxu l-era diġitali. Il-mutazzjoni diġitali hija daqstant mifruxa għax mhix ibbażata fuq l-ideoloġija jew il-politika. Mhijiex għażla imma awtomatiżmu; ma tirreferix għal liġijiet jew prinċipji morali, iżda għal kostituzzjoni newrofiżika tal-lingwa u l-kewn. Fi Purity, Franzen jikteb: “Tista’ tikkopera mas-sistema jew tista’ topponiha, imma l-unika ħaġa li qatt ma stajt tagħmel, sew jekk kont qed tgawdi ħajja sigura u pjaċevoli u sew jekk bilqiegħda f’ħabs, kien li ma tkunx f’relazzjoni magħha. Jekk tbiddel networks ma’ soċjaliżmu, għandek l-Internet.

Id-diskors neoliberali huwa akkużat b’retorika tal-individwu, iżda l-prattika neoliberali fil-fatt teqred il-libertà individwali. Il-kompetizzjoni u l-konformiżmu huma żewġ uċuħ tal-istess munita fl-isfera tas-suq. L-individwi llum m’għadhomx isegwu proġetti awtonomi tal-ħajja. Minflok, huma frammenti ta’ żmien prekarju, frattali rikombinati bla waqfien, unitajiet konnettivi li għandhom jinterfaċċaw perfettament jekk iridu jkunu effettivi skont ir-regola tar-rendibbiltà ekonomika. Maż-żmien, il-kult tal-individwaliżmu żvela n-natura falza tiegħu: X’inhu s-sinifikat tal-individwalità jekk l-uniku kriterju valutattiv tas-suċċess individwali huwa l-konformità mal-kompetizzjoni?

L-indeterminazzjoni tiġi sostitwita bil-mod mid-determinazzjoni tal-kodiċi, u l-jien diġitali għandu jkun ippurifikat mit-traċċi residwi tiegħu tal-empatija, il-kompassjoni, u s-solidarjetà umana sabiex jaħrab l-irwiefen tal-falliment. Iżda l-falliment tal-individwu narċisist huwa fatt.


Impass

FLiberty, Franzen jikteb: “In-nies ġew f’dal-pajjiż jew għall-flus jew għal-libertà. Jekk m’għandekx flus, tiggranfa mal-libertajiet tiegħek b’iktar rabja. Anki jekk it-tipjip joqtlok, anki jekk ma tistax taffordja li titma’ lit-tfal tiegħek, anki jekk it-tfal tiegħek qed jinqatlu minn manijaċi bl-assault rifles. Tista’ tkun fqir, iżda l-unika ħaġa li ħadd ma jista’ joħodlok hija l-libertà li taħxi ħajtek bil-mod li tixtieq int. Dan hu li fehem Bill Clinton — li ma nistgħux nirbħu l-elezzjonijiet billi noħorġu kontra l-libertajiet personali. Speċjalment mhux kontra l-armi tan-nar, infatti.

L-Istati Uniti tal-Amerka spiss titqies is-sors tal-enerġija rinvigoranti tat-teknoloġija, pajjiż li kapaċi jirrettifika l-inġustizzja bil-forza tad-demokrazija. Għall-ewwel, ir-rebħa ta’ Obama kkonfermat din l-illużjoni. Imma l-ewwel President iswed Amerikan qajjem il-bestja: l-inkonxju abjad tal-pajjiż irribella kontra s-suċċess inkomprensibbli tiegħu, u issa din il-bestja qed tibla’ mhux biss il-ħolma Amerikana fażulla, iżda wkoll il-possibbiltà tal-paċi ċivili. L-enerġija rinvigoranti tat-teknoloġija tista’ tiġi ssifunata fir-riefnu niħilist tal-Punent, fid-dipressjoni suwiċidali li tirriżulta mit-tnaqqis tas-setgħa f’idejn il-bojod u l-inkapaċità li dal-fatt jiġi affrontat. Ir-ruħ mudlama Amerikana li Cormac McCarthy jiddeskrivi fil-kotba tiegħu ilha f’dagħdigħa ta’ paniku minn 9/11: matul il-gwerer kontroproduttivi ta’ George Bush, matul il-kollass finanzjarju u r-riċessjoni tal-2008, u matul il-mewġa razzista vjolenti tal-pulizija lejliet li Trump tela’ fil-poter.

Il-gwerra hija viżibbli fl-isfond ta’ Freedom, imma hija gwerra fil-bogħod: il-qerda sistematika tal-Iraq u l-effetti katastrofiċi l-oħra tal-gwerra li Cheney wiegħed li se sseħħ bla sforz ta’ xejn huma biss eku mill-bogħod. “Sadattant, il-pajjiż kien fi gwerra, jikteb Franzen, “imma kienet gwerra kemxejn stramba li fiha ħlief għal għadd negliġibbli, l-uniċi vittmi kienu fuq in-naħa l-oħra. Ħafna Amerikani (tabilħaqq, il-maġġoranza tagħhom) ferħu bid-devastazzjoni tal-Iraq u l-qerda ta’ miljuni ta’ ħajjiet innoċenti, għax il-gwerra kienet kastig oblikwu għall-umiljazzjoni ta’ 9/11. Ħafna rrimarkaw li Saddam Ħussejn ma kellu x’jaqsam xejn mal-al-Qajda, iżda dis-sottiljezza ma kienet tfisser xejn għal nies bħal Cheney u Bush. Halliburton u Blackwater u n-nekrointrapriżi simili kienu l-uniċi rebbieħa ta’ dil-gwerra. Il-privatizzazzjoni tal-gwerra rriżultat li kienet il-quċċata tar-riforma neoliberali, il-bidu tat-tmiem taċ-ċiviltà tal-Punent li issa hija kompletament viżibbli fl-era ta’ Trump.

Fi Freedom Franzen jitkellem dwar l-ispekulaturi tal-gwerra li m’għandhom l-ebda fehim tas-sinifikat tal-Gwerra tal-Iraq u lanqas tal-kundizzjonijiet konkreti li fihom qed titwettaq: “In-nazzjon kien qed jiġġieled gwerer koroh fuq l-art f’żewġ pajjiżi, il-pjaneta kienet qed tisħon bħal forn tax-xiwi, u hawn fin-9:30 [Club], madwaru, kien hawn mijiet ta’ żgħażagħ kollha fil-forma ta’ Sarah li taħmi l-ħobż tal-banana, bix-xewqat ħelwin tagħhom, bis-sens innoċenti tagħhom ta’ intitolament — għal xiex? Għal qima safja ta’ band superspeċjali. Għal li jitħallew għal rashom biex f’forma ta’ rit, għal siegħa sagħtejn is-Sibt billejl, jirrifjutaw iċ-ċiniżmu u r-rabja tal-kbarat tagħhom. L-injoranza u ċ-ċiniżmu huma marbutin mill-qrib, u l-moħħ abjad medju Amerikan huwa teatru permanenti tat-tnejn. Joey ta’ Freedom donnu jepitomizza l-ġenerazzjoni l-ġdida ta’ intraprendituri Amerikani:

Joey kien ferħan jara li t-teħid tal-Iraq kien seħħ kollu kemm hu bla sforz ta’ xejn daqskemm kien qed jistenna… Ma kellux l-iċken idea ta’ kif tidher vetrina ta’ ħanut f’Basra; issuspetta, pereżempju, li vetrini bil-pjanċi tal-ħġieġ biex jesebixxu għaġejjen tal-friża stil Breadmasters ma jmorrux tajjeb f’belt mimlija karozzi-bomba u s-sħanat ta’ sjuf ta’ 130 grad. Iżda n-nejk tal-kummerċ modern kien lingwa li kien kuntent li sab ruħu fluwenti fiha, u Kenny assigurah li kien jimporta biss id-dehra ta’ attività tremenda u riżultati istantanji. “Agħmilha tidher tajjeb ilbieraħ, qal Kenny, “imbagħad aħna nagħmlu l-almu tagħna fil-post biex illaħħqu ma’ kif tidher. Jerry irid swieq ħielsa mil-lum għal għada, u dak li rridu ntuh. (“Jerry” kien Paul Bremer, il-kapo f’Bagdad, li Kenny forsi ltaqa’ miegħu jew forsi le.)

L-injoranza u ċ-ċiniżmu jitħalltu fil-pajsaġġ aggressiv tal-preżent, prinċipalment (iżda mhux esklussivament) fl-Istati Uniti.

It-tifsira tal-kelma “injoranza” għandha tkun eżaminata hawn: “injoranza” tirreferi għall-isfera ta’ dak li ma nafux, jew għax impossibbli (għalissa) inkunu nafuh jew għax m’aħniex kurjużi jew għaqlin biżżejjed biex inkunu nafuh. L-injoranza Amerikana, epitomizzata mill-moħħ “senili” ta’ Trump, huwa tat-tieni tip. Il-problema issa hija aggravata mill-fatt li, hekk kif l-isfera ta’ dak li nafu qed tespandi, il-veloċità tal-informazzjoni qed taċċellera u fl-istess ħin il-privatizzazzjoni tas-sistema tal-edukazzjoni u l-assalt tal-midja fuq l-intelliġenza umana qed inaqqsu l-kapaċità kritika tal-moħħ soċjali. Għalhekk, l-injoranza qed tikber f’livelli bla preċedent.

Imma x’inhi t-​tifsira tal-​kelma “ċiniżmu”? Fid-daħla tiegħu għall-Critique of Cynical Reason ta’ Peter Sloterdijk, Andreas Huyssen jikkaratterizza d-definizzjoni taċ-ċiniku ta’ Sloterdijk bħala “melankoniku marġinali li kapaċi jiddirezzjona l-fluss ta’ sintomi dipressivi u jkompli jiffunzjona fis-soċjetà minkejja d-dubji kostanti dwar l-impenji tiegħu. Ir-rappreżentazzjoni taċ-ċiniku ta’ Franzen hija ugwalment interessanti: Jenna, il-ħabiba ċinika ta’ Joey, tagħtih parir: “Id-dinja mhijiex ġusta u qatt mhi se tkun, dejjem se jkun hemm rebbieħa kbar u telliefa kbar, u hi personalment, fil-ħajja traġikament finita li kienet ingħatat, tippreferi tkun rebbieħa u ddawwar lilha nnifisha bir-rebbieħa. Il-kunċett ta’ “rebħ” ta’ Jenna jinsab fil-qalba taċ-ċiniżmu. “Kun rebbieħ” hija l-inġunzjoni fundamentali tal-kultura bajda — fejn “ir-rebħ” jimplika t-tneħħija ta’ kull ġudizzju morali u l-moralità hija meqjusa bħala kunsiderazzjoni purament funzjonali tal-aġir. Fi Critique, Sloterdijk jiddefinixxi ċ-ċiniżmu bħala “kuxjenza falza mdawla — kuxjenza mdejqa fil-forma modernizzata… kuxjenza li, taħt il-kompulsjonijiet tal-awtokonservazzjoni, tkompli tmexxi hi stess, għalkemm imkissra, f’ċaħda morali permanenti tagħha nnifisha… Tibda bħala ‘individwaliżmu’ plebew, pantomimiku, makakk, u spirtu pront. Il-persuna ċinika titgħawweġ lejn il-verità prevalenti — li mhix verità etika — u f’ċertu sens nistgħu ngħidu li ċ-ċiniżmu huwa ċ-ċediment tal-Arti għan-Natura, il-lingwa ċċedi l-kreattività tagħha u tarrendi għall-awtomazzjoni tal-funzjonalità lingwistika. L-ironija, sadanittant, toħroġ mill-kuxjenza li l-lingwa qed tiddiverġi min-natura, u li l-prinċipju etiku verament jikkonsisti fir-rispett tas-singularità.

L-Amerikani għażlu lil Donald Trump għax huwa jinkorpora perfettament dak li huwa assolutament impenetrabbli mill-ironija, assolutament inaċċessibbli mill-kultura, mill-umanità, mill-kumpassjoni. L-istupidità ta’ Trump hija effett ta’ awtodisprezz li jirriżulta mill-iskonnettività bejn il-mitoloġija Amerikana ta’ potenza infinita u r-realtà esperjenzata tagħha ta’ impotenza suprema. Iċ-ċiniżmu tat-Trumpiżmu jikber mill-Imperu tal-Kaos neoliberali; huwa awtoaffermazzjoni aggressiva ta’ telliefa li jidentifikaw ma’ rebbieħ perċepit, ta’ nies umiljati li jidentifikaw ma’ kap umiljatur.


Verità postfattwali u għażla etika

Hemm relazzjoni bejn il-purità u l-verità, u l-preferenza speċjali tal-pubbliku Amerikan għal politiċi li jigdbu hija (jew kienet?) magħrufa sew.

Il-President Clinton għadda minn proċess ta’ impeachment talli gideb dwar suġġett intimu li ma kellu l-ebda rabta mar-rwol politiku tiegħu. Dan l-aħħar, is-suġġett tal-verità politika reġa’ ħa post ċentrali, wara l-pataflun gideb, aħbarijiet foloz, u manipulazzjonijiet redikoli li kellhom rwol kruċjali fil-kampanja ta’ Trump u l-ewwel sena fil-kariga. Permezz tal-multiplikazzjoni ta’ shitstorms fin-networks soċjali u fl-infosfera b’mod ġenerali, ir-reġim tal-verità ħa theżżiża, u wassal biex ġurnalisti u filosofi ewlenin jistaqsu jekk aħniex qed ngħammru f’dinja diskursiva postfattwali.

F’artiklu ppubblikat mir-rivista online Granta, Peter Pomerantsev jikteb, “Sa ma verifikatur tal-fatti jaqbad gidba, jilħqu jinħolqu eluf oħra, u l-volum enormi ta’ ‘kaskati ta’ diżinformazzjoni’ jagħmlu l-irrealtà insuperabbli. L-iktar ħaġa importanti hija li l-gidba hija klikkabbli, u dak li jiddetermina dan huwa kif talimenta l-preġudizzji eżistenti tan-nies. U jikkonkludi: “Meta l-kampanja tal-Brexit ħabbret ‘Ejja nagħtu lill-NHS tagħna t-350 miljun sterlina li l-UE tieħu kull ġimgħa’ u, meta ntrebaħ ir-referendum u r-rikjesta ġiet injurata u deskritta bħala ‘żball’ minn mexxej tal-Brexit, filwaqt li ieħor jispjegaha bħala ‘aspirazzjoni’, allura jidher ċar li qed ngħixu f’dinja ‘postfattwali’ jew ‘postveritiera’. Mhux biss dinja fejn il-politiċi u l-midja jigdbu — minn dejjem jigdbu — imma waħda fejn ma jimpurtahomx jekk tingħadx il-verità jew le. M’iniex ċert naqbilx ma’ dal-argument li l-fatti solidi ta’ dari qed jiġu injurati fl-isfera l-ġdida ħażina tad-diskors postveritier.

Xi nkunu qed ngħidu meta ngħidu “realtà” jew “fatt”? Il-fatti jsiru fl-isfera tal-konvenzjonijiet umani; it-terminu ġej mil-Latin facere, li tfisser “għamel”. Il-fatt huwa l-prodott tas-semjożi fattwali tal-individwi soċjali. U r-realtà hija l-punt psikodinamiku ta’ intersezzjoni ta’ għadd kbir ta’ projezzjonijiet ta’ flussi ta’ simulazzjoni li jipproċedu minn organiżmi umani u minn magni semjotiċi. Ir-realtà ma teżistix minn qabel l-att ta’ semjożi u ta’ komunikazzjoni; anzi, hija kostruzzjoni li temerġi minn suġġettivitajiet multipli. Dawk li jaħsbu li l-filosfi postmoderni qerdu l-pedamenti tal-ħajja etika u tad-demokrazija billi mminaw il-fidi fil-verità fattwali qed jitfixklu l-kawżi u l-effetti: il-filosfi ma qerdux il-bażi teoloġika tal-ħajja etika, huma sempliċiment ħabbru li l-ħajja etika m’għandha l-ebda bażi teoloġika, li l-ħajja etika hija għażla bbażata fuq interpretazzjoni u kondiviżjoni eżistenzjali.

Is-sekwenza loġika tal-kawża u l-effett hija mħawda, u l-pedament tal-verità minsi. Għalhekk, l-għażla etika ma tistax tkun ibbażata fuq xi ċertezza teoloġika jew xi sinifikat fattwali evidenti. Għażla etika hija bbażata fuq kunflitt ta’ sensibilitajiet, u fuq għarfien ironiku tar-relattività tas-simulazzjoni tagħna stess tad-dinja, tal-projezzjoni tagħna tar-realtà. Is-sors tal-għarfien etiku mhuwiex il-konformità ma’ valuri teoloġiċi jew storiċi assoluti, imma l-imħabba empatika għalina nfusna li ma tistax tkun diżassoċjata mill-benessri tal-oħrajn.

Il-verità ma tistax tkun il-motivazzjoni etika tal-għażliet tagħna, is-solidarjetà biss tista’ tkun. Il-problema hi li s-solidarjetà soċjali ġiet ipperikolata mill-prekarjetà tax-xogħol mifruxa sew u mill-kult omnikomprensiv tal-kompetizzjoni. Għalhekk l-azzjoni politika hija impotenti u ineffettiva. L-azzjoni politika kienet xi darba bbażata fuq il-possibbiltà li wieħed jagħżel, jiddeċiedi u jiggverna, iżda llum l-għażla hija sostitwita minn tbassir statistiku, id-deċiżjoni minn awtomatiżmi teknolingwistiċi, u l-iggvernar minn governanza awtomatika. Il-qafas puritaniku huwa miksur, u l-kaos barokk invada x-xena politika .

Purity, 2015, u Freedom, 2010, ta’ Jonathan Franzen huma t-tnejn pubblikazzjoni Farrar, Straus and Giroux. L-esejs tiegħu “On Autobiographical Fiction”, “Pain Won’t Kill You” u “I Just Called to Say I Love You” huma meħudin minn  Farther Away, 2012, mill-istess pubblikatur. Who Are We? ta’ Samuel Huntington, pubblikazzjoni Simon and Schuster, 2004. “The Return of Diogenes as Postmodern Intellectual” hija d-daħla ta’ Andreas Huyssen għal Critique of Cynical Reason ta’ Peter Sloterdijk, traduzzjoni ta’ Michael Eldred, pubblikazzjoni University of Minnesota Press, 1987. “Why We’re Post-Fact ta’ Peter Pomerantsev deher fuq is-sit ta’ Granta fl-2016.

Dekorazzjoni art-nouveau