Nifs: Kaos u Poeżija #2

Vuċi ħoss storbju

Franco “Bifo” Berardi (tr Karl Baldacchino)


Il-kaos bħala spażmu

Chaosmose huwa t-titlu tal-ktieb finali ta’ Félix Guattari. Il-kunċett ta’ kaosmożi ħareġ mix-xogħol preċedenti ta’ Guattari, partikolarment mill-kunċett tar-ritournelle tiegħu u ta’ Gilles Deleuze. It-terminu “kaosmożi” jalludi għall-pożizzjoni ta’ awtorità tal-kaos, u l-prospett tal-evoluzzjoni ożmotika tal-kaos innifsu. Il-ħidma fundamentali tal-kaosmożi hija l-interazzjoni bla waqfien bejn ir-respirazzjoni kosmika u r-ritornelli tas-singularità.

L-ordni stabbilita — soċjali, politika, ekonomika u sesswali — għandha l-għan li tinforza konkatenazzjoni li twebbes u toħnoq l-oxxillazzjoni vibrazzjonali tas-singularitajiet. Dan it-twebbis ta’ iġsma vibranti jirriżulta f’dak li Guattari jirreferi għalih bħala “spażmi”. Guattari ma laħaqx elabora iktar il-kunċett tal-ispażmu kaosmiku, peress li miet ftit xhur wara l-pubblikazzjoni ta’ Chaosmose, iżda naħseb li dan il-kunċett huwa kruċjali biex nifhmu s-suġġettività fil-kundizzjonijiet infonewrali ta’ aċċelerazzjoni tal-lum.

L-ispażmu jipprovoka t-tbatija u l-qtugħ ta’ nifs fis-sistema nervuża u l-kuxjenza tal-organiżmu soċjali. Iżda l-ispażmu huwa “kaosmiku”, fi kliem Guattari, peress li jistieden lill-organiżmu jaġġusta mill-ġdid il-vibrazzjoni tiegħu u joħloq, ex nihilo, ordni armonika permezz ta’ risingularizzazzjoni. Il-mużika hija t-tfittxija vibrazzjonali għal possibbiltà ta’ kospirazzjoni li tmur lil hinn mil-limiti tal-istorbju tal-ambjent, u r-rikompożizzjoni ta’ frammenti ta’ storbju f’ħoss li jinkorpora intenzjoni vibrazzjonali konxja. Fl-ispażmu l-ħoss jikkollassa fl-istorbju, taħbila ta’ vuċijiet li ma jinstemgħux.

Jekk naħsbu bil-kaosmożi ta’ Guattari, nistgħu ninkwadraw mill-ġdid il-kunċetti tal-istorja u taż-żmien storiku. Meta nitkellmu dwar l-“istorja, meta naraw l-avvenimenti minn perspettiva storika, inkunu qed nimponu ċerta modulazzjoni tal-perċezzjoni u l-projezzjoni tagħna taż-żmien. Il-perċezzjoni storika hija l-effett ta’ organizzazzjoni mentali taż-żmien f’qafas teleoloġiku. Il-perċezzjoni storika ssawwar iż-żmien f’dimensjoni li tinkludi dak kollu li jġiegħel lill-individwi u lill-gruppi jikkondividu t-temporalitajiet tagħhom skont metrika uniformi u qafas teleoloġiku (jew ekonomiku). In-nies jidħlu fid-dominju storiku meta kollha jisimgħu xi ftit jew wisq l-istess mużika f’widnejhom. Iż-żmien jinħataf minn ċertu ritornell ritmiku, u għalhekk, in-nies jimxu bl-istess pass. Dan il-pass kondiviż tat-temporalità, il-perċezzjoni u l-projezzjoni taż-żmien jissejjaħ l-“istorja. Huwa biss permezz tal-armonizzazzjoni ta’ temporalitajiet differenti li l-istorja tista’ tinkwadra l-multitudni ta’ avvenimenti taż-żmien fi ħdan struttura narrattiva proġettwali komuni.


Iż-żmien u l-ispażmu

al Henri Bergson, iż-żmien huwa definit mill-perspettiva tal-kuxjenza tagħna tad-dewmien. Iż-żmien huwa l-oġġettivazzjoni tal-att tat-teħid tan-nifs ta’ organiżmu bijoloġiku, li huwa sensittiv u konxju. Ir-respirazzjoni singulari tissensel mat-teħid tan-nifs tal-oħrajn, u din il-korespirazzjoni aħna nirreferu għaliha bħala “soċjetà”. Is-soċjetà hija d-dimensjoni li, fiha, id-dewmiet singulari huma rranġati mill-ġdid f’qafas ta’ żmien kondiviż.

Il-kuxjenza tinsab fiż-żmien, imma ż-żmien jinsab fil-kuxjenza, peress li jista’ biss jiġi pperċepit u pproġettat mill-kuxjenza. “Iż-żmien” ifisser id-dewmien tan-nixxiegħa tal-kuxjenza, il-projezzjoni ta’ dik id-dimensjoni li, fiha, il-kuxjenza tnixxi. Madankollu, in-nixxiegħa tal-kuxjenza mhijiex omoġenja: għall-kuntrarju, hija pperċepita u pproġettata skont ritmi u ritornelli singulari differenti, u kultant tiġi kkodifikata u rranġata f’ripetizzjoni regolari, ritmika.

Fl-era industrijali, meta ritmu dominanti ġie impost fuq ir-ritmi spontanji ta’ individwi soċjali, il-poter seta’ jiġi deskritt bħala kodiċi li jallinja temporalitajiet differenti, ritmu li jħaddan kollox li jinkwadra u jħabbel is-singularità tar-ritornelli tal-individwi. Stajna nitkellmu dwar is-sovranità politika meta l-ħoss tal-liġi kien qed isikket l-istorbju ħiereġ mill-ambjent soċjali. Fis-soċjetà kontemporanja konnettiva postindustrijali tagħna, bil-maqlub: il-poter mhuwiex mibni iktar fuq li jsikket il-folla (pereżempju, permezz taċ-ċensura, il-mezzi tax-xandir, jew is-solennità tad-diskors politiku), iżda huwa bbażat fuq l-intensifikazzjoni bla limitu tal-istorbju. Illum, is-sinifikazzjoni soċjali m’għadhiex sistema ta’ skambju u dikodifikazzjoni ta’ sinifikaturi, iżda saturazzjoni tal-moħħ li jisma’ — iperstimulazzjoni newrali. Filwaqt li l-ordni politika kienet issir b’vuċi li tipproklama l-liġi fost is-skiet tal-folla, il-poter postpolitiku kontemporanju huwa funzjoni statistika li toħroġ mill-istorbju tal-folla.

B’referenza għall-imġiba tal-qatgħa li għandha kultura tan-network, Byung-Chul Han jiġbor fil-qosor it-trasformazzjoni li seħħet fir-relazzjoni bejn il-poter u l-informazzjoni:Ix-shitstorms iseħħu għal ħafna raġunijiet. Dawn iqumu f’kultura fejn ir-rispett huwa nieqes u l-indiskrezzjoni tipprevala. Shitstorm tirrappreżenta fenomenu awtentiku ta’ komunikazzjoni diġitali… Sovran huwa dak li jikkmanda x-shitstorms tal-Internet.” Dan huwa mod tajjeb kif jiġi spjegat l-avvanz tal-Imperatur tal-Kaos lejn l-ogħla kariga politika fid-dinja, il-presidenza tal-Istati Uniti tal-Amerka. Il-poter modern kien ibbażat fuq il-ħila li wieħed jimponi bil-forza leħnu stess biex isikket lil ħaddieħor: “Mingħajr il-loudspeaker, qatt ma konna ser nirbħu l-Ġermanja, kiteb Hitler fl-1938 fil-Manwal tar-Radju Ġermaniż. Issa, il-poter ifeġġ mix-xita ta’ vuċijiet li ma jinstemgħux. Il-poter m’għadux jikkonsisti f’li joqgħod jissamma’ bil-moħbi u jiċċensura. Għall-kuntrarju, jistimula l-espressjoni u jfassal regoli ta’ kontroll mill-elaborazzjoni statistika tad-data li toħroġ mill-istorbju tad-dinja. Il-ħoss soċjali jiġi mibdul fi storbju abjad, dak l-istorbju bi frekwenzi intensi uniformi, u dan l-istorbju jsir l-ordni soċjali.

Fil-lingwaġġ ta’ Deleuze u Guattari, ir-“ritornell” huwa konkatenazzjoni, sensiela ta’ sinjali marbutin ma’ xulxin, partikolarment ħsejjes fonetiċi u vibrazzjonijiet fonetiċi; ir-ritornell huwa arranġament semjotiku (agencément sémiotique) li jippermetti lill-organiżmu jdaħħal il-kosmos singulari tiegħu f’arranġament usa’. Iż-żmien huwa l-projezzjoni ta’ singularità waħda (durée, f’Bergson) u fl-istess ħin huwa l-qafas ta’ konġunzjoni interindividwali, il-grilja fejn jintisġu flimkien ritornelli bla għadd.

Il-mużika hija mod partikolari ta’ kaosmożi: il-proċess ożmotiku li jittrasforma l-kaos f’armonija. Il-proċess ta’ sinifikat tal-mużika huwa bbażat fuq it-tiswir dirett tal-ġisem-moħħ tas-semmiegħ: il-mużika hija psikadelika (li tfisser, etimoloġikament, “timmanifesta l-moħħ”). Il-mużika titħaddem fiż-żmien, iżda l-kontra huwa minnu wkoll: li tagħmel il-mużika huwa l-att tal-projezzjoni taż-żmien, ta’ perċezzjonijiet minsuġin flimkien fiż-żmien. Ir-ritmu huwa l-elaborazzjoni mentali taż-żmien, il-kodiċi komuni li tgħaqqad il-perċezzjoni taż-żmien u l-projezzjoni taż-żmien. L-emanazzjoni tal-ħoss hija parti mill-ħolqien ġenerali ta’ kosmos soċjali: Steve Goodman jitkellem dwar “gwerra sonika” sabiex jiddeskrivi l-invażjoni tal-isfera akustika tas-soċjetà minn ipermagni soniċi li jassedjaw l-attenzjoni akustika, li jimponu ritmu li fih is-singularità tiġi kkanċellata.


Il-kodiċi, id-dejn u l-futur

Il-kodiċi qed “titkellimna”. Il-kodiċi hija għodda għas-sottomissjoni tal-futur għal-lingwa, li sseħħ permezz tal-iskrizzjoni ta’ algoritmi fil-fluss tal-lingwa. Il-futur issa qed jinkiteb mill-katina algoritmika inskritta fl-awtomatiżmi tekno-lingwistiċi.

Il-preskrizzjonijiet, il-profeziji, u l-inġunzjonijiet huma modi kif il-futur jiġi inskritt fil-lingwa, u bl-iktar mod dirett, kif verament il-futur jiġi prodott permezz tal-lingwa. Bħall-preskrizzjonijiet, il-profeziji, u l-inġunzjonijiet, il-kodiċi għandha s-setgħa li tippreskrivi l-futur billi tifformattja relazzjonijiet lingwistiċi u l-iżvilupp pragmatiku ta’ sinjali algoritmiċi. Il-kodiċi finanzjarja, pereżempju, tqanqal serje ta’ awtomatiżmi lingwistiċi li jwettqu attività soċjali, mudelli ta’ konsum, u stili ta’ ħajja.

Bil-flus jitwettqu l-affarijiet. Huma s-sors tal-azzjoni fid-dinja u x’aktarx l-uniku poter li ninvestu fih, jikteb Robert J. Sordello f’Money and the Soul of the World. Il-flus u l-lingwa għandhom xi ħaġa inkomuni: mhuma xejn iżda jaffettwaw kollox. Mhuma xejn ħlief simboli, konvenzjonijiet, flatus vocis, iżda għandhom is-setgħa li jipperswadu lill-bnedmin biex jaġixxu, biex jaħdmu u biex jittrasformaw affarijiet fiżiċi. Il-lingwa, bħall-flus, mhi xejn. Madankollu, bħall-flus, il-lingwa tista’ tagħmel kollox. Il-lingwa u l-flus qed isawru l-futur tagħna b’ħafna modi. Huma profetiċi.

Il-profezija hija forma ta’ tbassir li taġixxi fuq l-iżvilupp tal-futur permezz tal-persważjoni u l-emozzjoni. Permezz tal-effetti soċjali tar-reazzjonijiet psikoloġiċi għal-lingwa, il-profezija tista’ twettaq lilha nnifisha. L-ekonomija finanzjarja, pereżempju, hija kkaratterizzata minn profeziji li jwettqu lilhom infushom. Meta l-aġenziji tal-ikklassifikar tal-kreditu jbaxxu l-valur ta’ intrapriża jew il-valur tal-ekonomija ta’ nazzjon, huma jagħmlu tbassir dwar il-prestazzjoni futura ta’ dik l-intrapriża jew ekonomija. Iżda dan it-tbassir tant jinfluwenza bil-kbir l-atturi fil-logħba ekonomika li t-tnaqqis fil-klassifika jirriżulta f’telf reali ta’ affidabbiltà u telf reali ta’ valur ekonomiku — u b’hekk titwettaq il-profezija. Kif nistgħu naħarbu l-effetti tal-profezija? Kif nistgħu naħarbu l-effetti tal-kodiċi? Dawn huma żewġ problemi differenti, ovvjament, iżda għandhom xi ħaġa inkomuni.


Il-poeżija bħala falliment semjotiku

Fil-prefazju tiegħu għal Tractatus Logico-Philosophicus, Wittgenstein jikteb, “sabiex inkunu nistgħu naqtgħu linja ta’ limitu għall-ħsieb, inkunu rridu nsibu ż-żewġ naħat tal-limitu li jista’ jinħaseb (jiġifieri, irridu nkunu kapaċi naħsbu dak li ma jistax jinħaseb). Iktar tard, huwa jgħid:

Il-limiti tal-lingwa tiegħi jfissru l-limiti tad-dinja tiegħi.
Il-loġika tinxtered fid-dinja u timlieha: il-limiti tad-dinja huma wkoll il-limiti tagħha.
Allura, fil-loġika, ma nistgħux ngħidu, ‘Id-dinja fiha din, u din, imma mhux dik.’
[…]
Ma nistgħux naħsbu dak li ma nistgħux naħsbu; allura dak li ma nistgħux naħsbuh ma nistgħux ngħiduh lanqas.
[…]
Is-suġġett ma jappartjenix lid-dinja: anzi, huwa limitu tad-dinja.

Il-qawwa u l-estensjoni tal-lingwa jiddependu fuq il-konsistenza tas-suġġett: fuq il-viżjoni tiegħu, fuq is-sitwazzjoni tiegħu. U l-estensjoni tad-dinja tiegħi tiddependi fuq il-qawwa tal-lingwa tiegħi. Il-proċess ta’ li tmur lil hinn mil-limiti tad-dinja huwa dak li Guattari jsejjaħ “kaosmożi”. Huwa jitkellem dwar il-kaosmożi li “jkebbes mill-ġdid proċessi tas-semjotizzazzjoni: jiġifieri, ridefinizzjoni tal-grilja semjotika. Il-grilja semjotika hija kobba li tillimita l-possibbilitajiet tal-esperjenza, u għalhekk tillimita d-dinja esperjenzabbli nnifisha.

“Kaosmożi” tfisser tieħu n-nifs mal-kaos — “ożmożi” timplika li tieħu n-nifs f’solidarjetà — imma f’din l-ożmożi kaotika toħroġ armonija ġdida, simpatija ġdida, sintonija ġdida. Dan “il-ħruġ” huwa effett tal-morfoġenesi awtopoetika: forma ġdida toħroġ u tieħu forma meta l-kundizzjonijiet loġiko-lingwistiċi jagħmluha possibbli li taraha u tagħtiha isem. Huwa biss l-att lingwistiku li jaħrab mill-awtomatiżmi tekniċi tal-kapitaliżmu finanzjarju li se jippermetti li toħroġ forma ta’ ħajja ġdida. Hija biss ir-riattivazzjoni tal-ġisem tal-intellett ġenerali — il-finitudni organika, eżistenzjali, storika li ġġib magħha l-qawwa tal-intellett ġenerali — li se tippermetti l-immaġinazzjoni ta’ infinitajiet ġodda.

Il-lingwa għandha qawwa infinita, iżda l-eżerċizzju tal-lingwa jseħħ f’kundizzjonijiet finiti tal-istorja u l-eżistenza. Bis-saħħa tal-iffissar ta’ limitu, id-dinja tasal biex teżisti bħala dinja tal-lingwa. Il-grammatika, il-loġika u l-etika huma kollha bbażati fuq l-impożizzjoni ta’ limitu. Il-kodiċi hija eżerċizzju limitat tal-lingwa u, fl-istess ħin, hija l-impożizzjoni ta’ limitu ta’ performattività u produttività. Il-limiti jistgħu jkunu produttivi, iżda barra mill-ispazju tal-limitazzjoni, il-possibbiltajiet infiniti tal-lingwa jippersistu bla qies.

Il-kodiċi timplika eżattezza sintattika ta’ sinjali lingwistiċi: il-konnessjoni. Il-kompattibbiltà, il-konsistenza u l-eżattezza sintattika huma l-kundizzjonijiet tal-funzjonalità operattiva tal-kodiċi. Il-kodiċi hija lingwa midjuna. Huwa biss billi teżiġi l-konsistenza sintattika meħtieġa li l-lingwa tista’ twettaq l-iskop konnettiv tagħha. L-eċċess li jifdal huwa r-remise en question, id-dubitar, tal-infinità tal-lingwa, il-kollass tal-konsistenza, il-ftuħ mill-ġdid tal-orizzont tal-possibbiltà. L-eċċess jilgħab il-logħba tal-konġunzjoni (il-logħba tal-iġsma li qed ifittxu li jagħmlu sens minn kwalunkwe sintassi), mhux il-logħba tal-konnessjoni fformattjata minn qabel.

Il-poeżija terġa’ tiftaħ l-indefinit, permezz tal-att ironiku li jeċċedi t-tifsira stabbilita tal-kliem. F’kull sfera ta’ attività umana, il-grammatika tistabbilixxi limiti sabiex tiddefinixxi spazju ta’ komunikazzjoni. Fl-era tal-kapitaliżmu, l-ekonomija ħadet post il-grammatika universali li tgħaddi mil-livelli differenti tal-attività umana: il-lingwa, ukoll, hija definita u limitata mill-kapaċità ta’ skambju ekonomiku tagħha. Madankollu, filwaqt li l-komunikazzjoni soċjali hija proċess limitat, il-lingwa hija bla limitu: il-potenzjalità tagħha mhix limitata mil-limiti tas-sinifikat. Il-poeżija hija l-eċċess tal-lingwa, is-sinifikatur mifruq mil-limiti tas-sinifikat. L-ironija, il-forma etika tal-forza eċċessiva tal-lingwa, hija l-logħba infinita li l-kliem jilgħab biex joħloq u biex jaqbeż u jħawwad it-tifsiriet. Il-poeżija u l-ironija huma għodda għal insolvenza semjotika, għat-tifriq tal-lingwa mil-limiti tad-dejn simboliku .

Chaosmose ta’ Félix Guattari huwa pubblikazzjoni Galilée 1992. It-traduzzjoni msemmija fit-test sors hija ta’ Paul Bains u Julian Pefanis, Chaosmosis: An Ethico-Aesthetic Paradigm, Indiana University Press 1995. Byung-Chul Han jitkellem dwar ix-shitstorms f’In the Swarm: Digital Prospects, MIT Press 2017. Il-kwotazzjoni mill-Manwal tar-Radju Ġermaniż hija meħuda minn Noise: The Political Economy of Music ta’ Jacques Attali, tr. Brian Massumi, Manchester University Press 1985. Steve Goodman jitkellem dwar “gwerra sonika” f’Sonic Warfare: Sound, Affect, and the Ecology of Fear, MIT Press, 2010. Money and the Soul of the World ta’ Robert J. Sordello huwa pubblikazzjoni  Pegasus Foundation, 1983. Logisch-philosophische Abhandlung ta’ Ludwig Wittgenstein deher għall-ewwel darba fl-Annalen der Naturphilosophie ta’ Wilhelm Ostwald fl-1921. Berardi hawn juża t-traduzzjoni ta’ D.F. Pears u B.F. McGuinness, Tractatus Logico-Philosophicus, Routledge 2001. Il-website tal-Università ta’ Massachusetts għandha l-verżjoni oriġinali u t-traduzzjoni ta’ Pears u McGuinness maġenb xulxin.

Dekorazzjoni art-nouveau