L-inkonxju apokalittiku
Il-psikomanzija soċjali mhix xjenza, hija biss logħba li nilgħab minn żmien għal żmien biex nistħarreġ l-istorja kontinwa tal-umanità mill-perspettiva tal-inkonxju soċjali. Allura tiħdunix wisq bis-serjetà. Il-psikomanzija soċjali hija metodoloġija każwali għall-interpretazzjoni ta’ sfera każwali ta’ avvenimenti: avvenimenti mentali evokati mill-flussi tal-immaġinazzjoni li jimirħu fil-psikosfera soċjali u huma organizzati minn forzi ta’ attrazzjoni u ripulsjoni. Biżgħat, aspettattivi, xewqat u riżentimenti jgħammru fl-isfera psikomantika tal-immaġinazzjoni, għalhekk naħseb fil-psikomanzija bħala l-arti tal-immappjar tal-moħħ kollettiv. L-istorja tad-dinja ma tistax tinftiehem kompletament jekk ma nifhmux x’jiġri fil-psikosfera soċjali: tifsir kondiviż, miri razzjonali u motivazzjonijiet konxji huma kontinwament imfixkla u ffurmati mill-ġdid mis-sustanzi immaterjali li l-psikomanzija soċjali tipprova tistħarreġ.
Il-preżent jista’ jitqies bħala l-Era tal-Illuminiżmu Mudlam: l-era tar-rifjut tal-Illuminiżmu razzjonalistiku tal-modernità minn dawk li tmexxew biex jissottomettu r-raġuni u l-ħajja għall-feroċità tal-matematika finanzjarja. Il-kategoriji razzjonali tilfu l-ħakma tagħhom fuq l-avvanz soċjali tagħna, u neħtieġu approċċ differenti biex nifhmu l-kundizzjoni postrazzjonali kontemporanja tagħna. Żmienna huwa ttraversat minn ċertu sentiment apokalittiku. L-istituzzjoni l-aktar ikkreditata għall-interpretazzjoni tat-test famuż attribwit lil Ġwanni ta’ Patmos — il-Knisja Kattolika, li l-kompetenza tagħha ilha stabbilita — dan l-aħħar tħawdet minn avvenimenti tal-għaġeb li qatt ma smajna bihom.
Fl-2005 Karol Wojtyla, il-Papa li rebaħ il-ġlieda twila kontra l-Imperu tal-Ħażen tal-Unjoni Sovjetika, ta spettaklu ta’ tbatija fiżika estrema u kuraġġ li xxandar mad-dinja kollha. Wara mewtu, Papa ġdid ta’ nisel Ġermaniż wasal Ruma jipproklama l-uniċità inkontestabbli tal-Verità, u jikkundanna r-relattiviżmu. Imbagħad, f’lejl mudlam fi Frar tal-2013, kif is-sema iswed ta’ Ruma ċċarrat mis-sajjetti, il-Papa Benedittu baxxa rasu u rrikonoxxa l-fraġilità tiegħu stess u l-fraġilità ta’ moħħ il-bniedem. Il-kaos kien qed jinfirex madwar id-dinja, u l-kelma tal-Verità kienet imperċettibbli qalb il-korla u ċ-ċpar tal-gwerer bla għadd li kienu qed jeqirdu l-ħajja tan-nies madwar il-pjaneta kollha.
F’dak il-punt, l-Ispirtu s-Santu għażel Papa ġdid, Arġentin li introduċa ruħu lill-folla tal-fidili bil-kliem “Il-lejla t-tajba, jien bniedem li ġej mill-aħħar tad-dinja.” Li ried ifisser kien, “Jien ġej minn pajjiż fejn nies bħali esperjenzaw l-apokalissi pprovokata mill-kapitaliżmu finanzjarju.” Kien l-ewwel papa fl-istorja tal-Knisja li semma lilu nnifsu Franġisku: dikjarazzjoni ta’ sfida ta’ affinità mal-foqra, mal-isfruttati, ma’ dawk li ġew oppressi mis-setgħat ekonomiċi tad-dinja. Din l-isfida ma kinitx skonnessa mir-riformulazzjoni awdaċi tal-ħsieb dwar il-bażi teoloġika. Fl-ewwel intervista li l-Papa Franġisku ta, lil Monsinjur Santoro għar-rivista Civiltà Cattolica f’Ottubru 2013, huwa tkellem dwar il-virtujiet teoloġiċi, u stieden lill-Insara biex jenfasizzaw il-karità iktar milli l-fidi u t-tama. Il-Knisja, qal, hija bħal sptar militari fi żmien il-gwerra: il-missjoni tagħna mhix li niġġudikaw u lanqas li nikkonvertu, iżda li nfejqu l-feriti ta’ persuni umani irrispettivament mill-fidi reliġjuża, l-oriġini etnika, jew in-nazzjonalità tagħhom. Xeħta ta’ internazzjonaliżmu xegħlet fi kliemu, u fis-snin ta’ wara Franġisku ħareġ bħala l-attur ewlieni tar-reżistenza u d-dinjità umana fi żmien ta’ barbarità li qed tinfirex.
Lil hinn mit-tifsira politika tal-azzjonijiet tiegħu, naħseb li Franġisku qed ikellem lill-inkonxju ta’ żmienna, waqt li jipprova jittraduċi dan f’soterjoloġija etika, jew etika soterjoloġika. Huwa biss fit-tgħanniqa tal-ieħor, huwa biss fis-solidarjetà soċjali, li nistgħu nsibu xi kenn. Is-skiet ta’ Alla jidwi fl-isfond u, f’modi differenti, is-sensibbiltà artistika kontemporanja qiegħda titkellem l-istess lingwa. Nanni Moretti (f’Habemus Papam), Martin Scorsese (f’Silence, li mhuwiex daqshekk konvinċenti), u Paolo Sorrentino (fl-enigmatiku The Young Pope) b’modi differenti jelaboraw fuq l-istess suġġett. Is-skiet ta’ Alla jidwi fil-kaos, hekk kif aħna sirna ma nistgħux nieħdu n-nifs bir-ritmu tar-respirazzjoni tagħna stess, li ġiet maħtufa mill-forza apokalittika tal-algoritmu tal-kapitaliżmu finanzjarju.
Il-kaos u l-kunċetti
Fl-aħħar kapitlu ta’ Qu’est-ce que la philosophie?, Deleuze u Guattari jirriflettu fuq it-tixjiħ. Huma jirreferu għas-senexxenza, it-tixjiħ bijoloġiku, f’termini tar-relazzjoni bejn l-ordni u l-kaos:
Nirrikjedu biss ftit ordni biex tipproteġina mill-kaos. Xejn ma jweġġa’ u jangoxxa iktar minn ħsieb li jaħrab minnu nnifsu, minn ideat li jaħarbulna, li jisparixxu bilkemm iffurmati, diġà mnaqqrin min-nisi jew preċipitati f’oħrajn li m’għadx għandna kontroll fuqhom. Dawn huma varjabbiltajiet infiniti, li l-għajbien u l-apparizzjoni tagħhom jikkoinċidu. Huma veloċitajiet infiniti li jitħalltu fl-immobbiltà tax-xejn bla kulur u sieket li jittraversaw, mingħajr natura jew ħsieb. Dan huwa l-mument li ma nafux jekk huwiex twil wisq jew qasir wisq għaż-żmien. Naqilgħu daqqiet ta’ frosta li jħabbtu bħal arterji. Nitilfu bla waqfien ħsibijietna. Huwa għalhekk li rridu tant niggranfaw mal-opinjonijiet fissi. Nirrikjedu biss li l-ideat tagħna jissenslu skont il-minimu ta’ regoli kostanti.
“Il-kaos” hawnhekk huwa definit f’termini ta’ veloċità, ta’ aċċelerazzjoni tal-infosfera relattiva għar-ritmu kajman tar-raġuni u tal-moħħ emozzjonali. Meta l-affarijiet jibdew ġejjin tant malajr li moħħ il-bniedem ma jkunx jista’ jelabora t-tifsir tal-informazzjoni, nidħlu fil-kundizzjoni tal-kaos.
X’għandu jsir f’sitwazzjoni bħal din? Is-suġġeriment tiegħi hu li m’għandekx tiffoka fuq il-fluss, iżda fuq in-nifs tiegħek. Issegwix ir-ritmu estern, iżda ħu nifs normali. Deleuze u Guattari: “it-taqbida kontra l-kaos ma sseħħx mingħajr affinità mal-għadu, għax tiżviluppa taqbida oħra u tassumi iktar importanza — it-taqbida kontra l-opinjoni, li tippretendi madankollu li tipproteġina mill-kaos innifsu.” Dawk li jiddikjaraw gwerra kontra l-kaos se jiġu megħluba, għaliex il-kaos jismen bil-gwerra. Meta l-kaos qed jibla’ l-moħħ (inkluż il-moħħ soċjali), m’għandniex nibżgħu minnu, m’għandniex nistinkaw biex nissottomettu l-kaos għall-ordni. Ma taħdimx, għax il-kaos iktar b’saħħtu mill-ordni. Allura, għandna nagħmlu ħbieb mal-kaos, u fir-riefnu għandna nfittxu l-ordni superjuri li l-kaos iġib fih innifsu.
Fl-istess post, Deleuze u Guattari jiddeskrivu r-relazzjoni tal-poeżija mal-kaos: “F’test vjolentament poetiku, D.H. Lawrence jiddeskrivi x’jagħmilha poeżija: in-nies kontinwament jibnu umbrella biex tilqgħalhom, fuq in-naħa ta’ taħt tagħha jpinġu sema u jiktbu l-konvenzjonijiet u l-opinjonijiet tagħhom; iżda l-poeta, l-artist, jagħmel tiċrita fl-umbrella, iċarrat is-sema nnifsu, biex iħalli jgħaddi ftit kaos ħieles u mirjieħ u biex jinkwadra f’ħasda dawl viżjoni.” Jien u naqra dawn il-linji, ma nistax ma niftakarx fis-sentenza famuża ta’ Wittgenstein fit-Tractatus: “Il-limiti tal-lingwa tiegħi jfissru l-limiti tad-dinja tiegħi.” In-nies il-ħin kollu jistkennu taħt l-umbrelel tal-lingwi limitati tagħhom, u d-dinjiet tagħhom miktubin fuq in-naħa ta’ taħt ta’ dawn l-umbrelel. Il-poeti jqattgħu d-drapp tal-umbrella u l-inċiżjoni tagħhom tikxef il-viżjoni insapportabbli tas-sema ta’ veru. L-azzjoni tal-poeta hija litteralment apokalittika, u jibda l-iskatenar (jew il-ħlis mit-tagħqid) tal-possibbiltajiet mistura li ilhom hemm mill-bidu, mill-oriġini kosmika primordjali tal-istorja tal-bniedem.
Il-poeżija tiftaħ multipliċità ta’ mogħdijiet ambigwi għat-tifsir, u l-kunċetti jaġixxu b’mod simili. Il-kunċetti jinħolqu biex jinkwadraw il-konjizzjoni tagħna: kunċett, mil-lat etimoloġiku, huwa dak li jaqbad entitajiet differenti, materjali u purament intellettwali (“kunċett” ġej mil-Latin concipere, li litteralment tfisser “tieħu flimkien”). Kif jiktbu Deleuze u Guattari, “Kunċett huwa, għalhekk, stat kaojde pereċċellenza; jirreferi lura għal kaos imrendi konsistenti, li sar Ħsieb, kaosmożi mentali. U xi jkun li taħseb li kieku ma jikkonfrontax il-kaos bla waqfien? Ir-Raġuni turina l-veru wiċċha biss meta tibda ‘triegħed mill-bokka tal-vulkan’.”
Il-kosmu huwa l-isfond tal-proċess ta’ rikomposizzjoni li jseħħ fuq il-livell eżistenzjali u storiku. “Kosmu” fil-fatt ifisser ordni u fl-istess ħin id-dimensjoni li tinkludi kollox fiha li teċċedi l-istorja tal-bniedem u l-eżistenza individwali. Kaosmożi huwa l-ftuħ tas-sistema ordnata għal flussi kaotiċi u l-vibrazzjoni osmotika tal-organiżmu li jfittex ritmu sintonizzat mal-kosmu. Inqis Chaosmose u Qu’est-ce que la philosophie? bħala l-kotba li filosofikament ibassru l-millennju l-ġdid: il-filosofija issa għandha tippożizzjona lilha nnifisha fuq l-għatba tal-kaos mingħajr ma tibża’ mit-tidwir, u mingħajr ma tadura l-mejt u ċċedi għall-faxxinu tiegħu.
F’Qu’est-ce que la philosophie?, dawn iż-żewġ veterani jitkellmu dwar it-taqbida kontra l-kaos, iżda jissuġġerixxu wkoll li l-kaos jista’ jkun ħabib, kundizzjoni ġdida tal-ħsieb. L-ordni moderna riedet tipproteġina kontra l-kaos. Aħna aċċettajna l-ftehim, u impliċitament aċċettajna ordni bbażata fuq l-isfruttament u l-miżerja. Sabiex jiġi evitat li ninqatlu mill-ġuħ jew mill-barbari, aċċettajna x-xogħol b’salarju u l-gwerra kwotidjana tal-kompetizzjoni. Iżda issa li l-ordni bbażata fuq ordni tax-xogħol b’salarju qed titmermer u l-qafas universali tar-razzjonalità moderna qed ixolji, il-protetturi qed jinbidlu fi predaturi. Allura l-ordni tinbidel f’kaos, iżda fil-kaos għandna nilmħu l-kontorni ta’ armonija impliċita ġdida għax l-isfida li qed niffaċċjaw issa hija din: irridu nagħmlu viżibbli ordni fejn bħalissa qed naraw biss dlam inkomprensibbli. Il-kelma “ordni,” fil-verità, hija qarrieqa: mhux qed nitkellmu dwar ordni, iżda dwar ritmu. Ritmu ġdid huwa dak li l-umanità teħtieġ.
Il-kaos għandu l-potenza li tagħmel il-ħolqien possibbli. Jista’ l-moħħ kollettiv konxjament jaħkem l-evoluzzjoni tal-moħħ kollettiv innifsu u jissintonizza ma’ din l-evoluzzjoni?
Il-kaos u x-xjuħija
Nirrikjedu biss ftit ordni biex tipproteġina mill-kaos,” jiktbu Deleuze u Guattari. Dawn il-filosfi veterani riedu jkunu protetti. Protetti minn xiex? Mill-karatteristiċi kaotiċi tad-dinja? Ma naħsibx. Ma ridux protezzjoni mid-dinja kaotika, imma mill-kaos tal-moħħ.
Il-moħħ li qed jixjieħ huwa aġent tal-kaos, għaliex il-moħħ jibda jmajna u jsir inqas preċiż. Il-ġeometrija newronali titlef id-definizzjoni tagħha u tipproġetta dan it-telf ta’ definizzjoni fuq id-dinja tal-madwar. Fid-deterjorament tax-xjuħija tal-psikosfera nistgħu nsibu spjegazzjoni għall-isplużjoni attwali tal-kaos. L-età medja tal-moħħ tal-bniedem qed togħla, waqt li l-ammont ta’ infostimuli tan-nervituri qed jisplodi. Fis-sekli li għaddew, l-anzjanità kienet tant esperjenza rari li persuna anzjana kienet awtomatikament titqies bħala bniedem għaref (jew idjota). Imma issa l-piramida tal-età hija kważi kkwadrata, u l-anzjani huma tant komuni li qed issir dejjem iktar diffiċli tieħu ħsiebhom, u tikkontrolla l-isfera dejjem tespandi tad-dimensja, it-telf tal-memorja, il-marda tal-Alzheimer, u… il-kaos. L-anzjanità hija marka distintiva tal-era postmoderna: telf ta’ enerġija, telf ta’ veloċità, konfużjoni mentali.
Il-kaos huwa essenzjalment problema ta’ tempo. Meta nsejħulu “kaos” infissru li l-ambjent tal-madwar tagħna (partikolarment l-informazzjoni li tinvadi l-isfera tal-attenzjoni tagħna) huwa mgħaġġel wisq biex jiġi ddeċifrat, mgħaġġel wisq biex possibbilment niddekodifikawh u niftakruh. L-istorja ma tistax tinftiehem iktar f’termini ta’ narrattiva u, minflok, tieħu l-għamla ta’ uragan semjotiku, l-iskatenar ta’ flussi mhux interpretabbli ta’ newrostimoli. Ħadd m’esprima s-sentiment ta’ ħkim mill-kaos aħjar minn Shakespeare:
Intefa xemgħa qsajra!
Il-ħajja biss dell miexi, attur fqajjar
Sigħatu fuq il-palk ikedd u jdandan,
U mbagħ’d ma jinstem’ aktar: din hi ġrajja
Imtarrfa minn baħnan, salt ħoss u qilla
Illi ma jfissru xejn.
Il-kaos jimplika ħoss u qilla, iżda jimplika wkoll relazzjoni speċjali mas-sinifikazzjoni.
Waqt li l-globalizzazzjoni rabtet flimkien il-ħajja ta’ kuljum u l-attivitajiet tan-nies kollha li jgħixu fuq il-pjaneta, l-immaġinazzjoni tal-mases tal-pjaneta hija dejjem inqas rintraċċabbli lura għal qafas komuni ta’ rakkont storiku. Fi treġġigħ lura paradossali, il-globalizzazzjoni ekonomika kissret l-universalità tar-raġuni u s-sentiment politiku tal-internazzjonaliżmu: in-nazzjonaliżmu, ir-razziżmu, u l-fundamentaliżmu reliġjuż huma l-markaturi tal-identità kulturali applikati mill-mases globalizzati tad-dinja. Allura l-istorja ssir idjozija, rakkont irrakkuntat minn idjota.
Imma għandna naraw il-lat l-ieħor ta’ din l-idjotizzazzjoni tal-istorja: jista’ jkun li dan l-idjota qed jipprova jitkellem dwar xi ħaġa li ma jistax jittraduċi fil-lingwa li nafu? Jista’ jkun li l-idjota qed jgħid xi ħaġa li tissupera l-fehim tagħna, għax l-istorbju u l-qilla tiegħu jeħtieġu sistema ta’ interpretazzjoni differenti, lingwa differenti, ritmu differenti? Ċertament issa, fit-tieni deċennju tal-ewwel seklu tat-tielet millennju, il-moħħ tal-bniedem kollu kemm hu u l-imħuħ individwali tal-bnedmin jidhru li huma megħluba mill-aċċelerazzjoni tal-univers tal-madwar: moħħ il-bniedem m’għadux jista’ jlaħħaq mar-ritmu tal-ambjent ta’ madwaru. Meta ngħidu “kaos”, allura, irridu nfissru żewġ movimenti differenti, kumplimentari. Nirreferu għat-tidwir tal-flussi semjotiċi ta’ madwarna, li nirċievu bħallikieku kienu “ħoss u qilla”. Imma nirreferu wkoll għal tentattivi biex nirrikonċiljaw dar-ritmu ambjentali ta’ madwarna mar-ritmu intimu u intern tagħna ta’ interpretazzjoni .