Nifs: Kaos u Poeżija #1

Ma nistax nieħu nifs

Franco “Bifo” Berardi (tr Karl Baldacchino)

Jien inbati mill-ażma, allura forsi ġejt affettwat minn sens ta’ solidarjetà ażmatika meta rajt il-filmat tal-qtil ta’ Eric Garner. Garner inqatel fis-17 ta’ Lulju, 2014 fi Staten Island, ġewwa l-belt ta’ New York, meta uffiċjal tad-Dipartiment tal-Pulizija ta’ New York City żammu minn għonqu bħal f’morsa għal bejn madwar ħmistax u dsatax-il sekonda waqt li kien qed jarrestah. Il-kliem “Ma nistax nieħu nifs” — li Garner leheġ tmien darbiet, kull darba jinstema’ inqas, sa ma miet — kien ripetut minn eluf ta’ dimostranti madwar il-pajjiż kollu fix-xhur ta’ wara.

F’ħafna modi, dan il-kliem jesprimi s-sentiment ġenerali ta’ żminijietna: qtugħ ta’ nifs fiżiku u psikoloġiku kullimkien, fil-bliet kbar fgati mit-tniġġis tal-arja, fil-kundizzjoni soċjali prekarja tal-maġġoranza tal-ħaddiema sfruttati, fil-biża’ pervażiv ta’ vjolenza, gwerra, u aggressjoni. Trump huwa l-imperatur perfett għal dan l-imperu barokk ta’ vulgarità bla rażan, ipokrezija glamoruża, u tbatija siekta, imferrxa.

Ir-respirazzjoni hija suġġett li ser tgħinni niddiskuti l-kaos kontemporanju tagħna u nfittex ħarba mill-katavru tal-kapitaliżmu. Nibda billi naqra lil Friedrich Hölderlin.

Hölderlin jappartjeni għat-tradizzjoni Ġermaniża tar-Romantiċiżmu, iżda t-traġitt tiegħu jvarja mill-idealiżmu għax jopponi l-interrogazzjoni ironika tar-Realtà għall-istil assertiv Hegeljan tar-razzjonaliżmu djalettiku. Hegel għażel it-triq tal-bigottiżmu, il-bigottiżmu modern tal-Istorja kkonċepita bħala l-attwazzjoni tal-Verità.

Hölderlin ma kienx tali bigott, u ma segwiex din il-mogħdija li twassal għal delużjoni storika. F’“Mnemosyne”, jikteb, “Sinjal aħna, mingħajr interpretazzjoni / Mingħajr uġigħ aħna u kważi / Tlifna lsienna f’artijiet barranin.

Hegel, li kien kollega ta’ Hölderlin tul is-snin universitarji tagħhom f’Tübingen, isib it-twaħħid tal-bniedem fil-kunċett, u fl-“avverar” storiku tal-kunċett. Hölderlin ma jaqax fin-nasba tal-Aufhebung (sublazzjoni) ta’ Hegel. Ma tagħmihx il-fidi tal-idealiżmu fir-realizzazzjoni storika tal-Geist (spirtu). Il-bażi tiegħu biex jifhem ir-realtà mhix Geschichte (l-Istorja), iżda Begeisterung (ispirazzjoni). Hölderlin intuwixxa li n-nisġa intima tal-eżistenza hi li tieħu n-nifs: ir-ritmu poetiku.

Jien beħsiebni nenfasizza hawn it-tifsira ontoloġika tar-“ritmu: fundamentalment, ir-“ritmu” jirreferi mhux biss għall-emissjonijiet vokali jew għall-ħoss tal-materja akustika, iżda wkoll għall-vibrazzjoni tad-dinja. Ir-ritmu huwa l-vibrazzjoni l-aktar interna tal-kosmu. U l-poeżija hija tentattiv biex tixgħel din il-vibrazzjoni kosmika, din il-vibrazzjoni temporali li dejjem ġejja u ġejja u ġejja.

Il-filosofija mistika Buddista tiddistingwi bejn il-kliem bis-Sanskrit shabda u mantra. Shabda hija kelma li tfisser il-ħsejjes ordinarji tad-diskors użati biex jindikaw oġġetti u kunċetti fl-iskambju normali ta’ sinifikati operattivi. Mantra, min-naħa l-oħra, hija ħoss vokali li jqanqal il-ħolqien ta’ xbihat mentali u tifsiriet sensibbli. Filwaqt li shabda taġixxi fuq il-livell tal-ktajjen operattivi tal-komunikazzjoni funzjonali ta’ kuljum, mantra taġixxi fuq ir-ritmu tal-ġisem u r-relazzjoni tiegħu mas-semjosfera — li hija s-sors tad-dinja umana. Ātman, f’din il-filosofija, hija n-nifs singulari ta’ kull organiżmu sensittiv u konxju; prana hija l-vibrazzjoni kosmika li aħna nipperċepixxu bħala ritmu.

F’“Anmerkungen zur Antigonä” Hölderlin jopponi loġika poetika għal-loġika kunċettwali fl-idealiżmu emerġenti ta’ dak iż-żmien. Kontra l-panloġiżmu ta’ Hegel, Hölderlin huwa favur speċi ta’ panpoetiċiżmu. M’għandniex inwarrbu din il-pożizzjoni bħala sempliċement patetiċiżmu Romantiku, għax hemm ċentralità filosofika profonda fis-suġġeriment ta’ Hölderlin. Hölderlin irid ifisser li l-poeżija hija l-fluss semjotiku li jemana l-perċezzjoni u l-forom narrattivi li jsawru l-isfera komuni tal-esperjenza. Ir-realtà, fi kliem ieħor, hija l-isfera tal-interazzjoni u l-komunikazzjoni umana li tnixxi l-lingwa u tirfina l-poeżija. Il-poeżija tibni u tnissel l-istrati tal-mitopoeżi: hija l-ispirazzjoni tal-immaġinazzjoni soċjali u tal-politika tad-diskors. Fi kliem Hölderlin, “il-poeti jistabbilixxu x’jibqa. Respirazzjoni u semjożi: din hija l-koppja kunċettwali li nixtieq nikkunsidra sabiex nifhmu xi ħaġa mill-kaos kontemporanju tagħna.

Il-kaos u r-ritmu huma l-linja ta’ ħsieb ewlenija ta’ dan il-ktieb, li jterraq fl-apokalissi ta’ żmienna: fit-tieni deċennju tas-seklu wieħed u għoxrin, il-pajsaġġ mentali u x-xena soċjali huma mgħarrqa minn flussi ta’ skuntentizza u vjolenza. Fil-poeżija tiegħu, Hölderlin jipprevedi l-kaos tal-modernità u n-nuqqas ta’ nifs li ġej. Hija problema ta’ kejl, jgħid hu. M’hemm l-ebda kejl f’din l-art, għalhekk is-sens ta’ kejl tagħna (ir-ritmu) huwa biss projezzjoni tan-nifs tagħna: il-poeżija. Huwa għalhekk li l-bniedem jgħix poetikament, għalkemm “jistħoqqlu” mod ieħor. Hölderlin: “Jista’ bniedem iħares ’il fuq / Mit-tbatija totali ta’ ħajtu / U jgħid: Ħa nkun ukoll / Bħal dawn [allat]? Iva. Sakemm iddum it-tjubija, / Safja, ġewwa qalbu, jista’ jkejjel lilu nnifsu bil-ferħ / Kontra d-divin.


Il-poeżija bħala eċċess

X’inhi l-poeżija? Il-​bnedmin għala jiftiehmu poetikament bil-​kliem, il-​ħsejjes, u s-​sinjali viżwali? Għaliex niżżerżqu lil hinn mil-livell konvenzjonali tas-semjożi? Għaliex inħollu s-sinjali mill-qafas ta’ skambju stabbilit tagħhom?

Hölderlin jikteb, “Miżgħud bil-mertu, iżda poetikament / Il-bniedem jgħammar fuq din l-art. L-att poetiku qiegħed hawn kuntrarju għal dak li l-bniedem “jistħoqqlu”, jimmerita. X’inhu l-mertu? Naħseb li l-mertu huwa l-kwalità ta’ li int tkun denju, li jistħoqqlok tifħir jew premju, il-kwalità li tkun tlaħħaq mal-valuri (konvenzjonali) ta’ individwi f’xenarji soċjali partikolari.

L-esseri soċjali għandhom, xi ftit jew wisq, il-merti tagħhom. Jistħoqqilhom rikonoxximent hekk kif jiskambjaw kliem u azzjonijiet b’mod denju, u jirċievu ftehim reċiproku bħala speċi ta’ ħlas morali, konferma tal-post tagħhom fit-teatru tal-iskambju soċjali. Merti u ħlasijiet morali u rikonoxximent huma parti mill-isfera konvenzjonali. Meta l-bnedmin jiskambjaw kliem fl-ispazju soċjali, jassumu li kliemhom għandu tifsiriet stabbiliti li jipproduċu effetti prevedibbli. Madankollu, aħna wkoll kapaċi llissnu kliem li jkisser ir-relazzjoni stabbilita bejn is-sinifikatur u s-sinifikat, u jiftaħ possibbiltajiet ġodda ta’ interpretazzjoni, orizzonti ġodda ta’ tifsir.

Fl-aħħar versi tal-istess poeżija, Hölderlin jikteb: “Hemm kejl fuq din l-art? M’hemm / Xejn. Il-kejl huwa biss konvenzjoni, ftehim intersuġġettiv li huwa l-kundizzjoni tal-mertu (rikonoxximent soċjali). Il-poeżija hija biss l-eċċess li jikser il-limitu u jaħrab il-qies. L-ambigwità ta’ kliem poetiku, tabilħaqq, tista’ tkun definita bħala inklussività eċċessiva semantika. Bħal skiżofreniku, il-poeta ma jirrispettax il-limiti konvenzjonali tar-relazzjoni bejn is-sinifikatur u sinifikat, u jiżvela l-infinitudni tal-produzzjoni tat-tifsir (sinifikazzjoni). L-eżattezza u l-konformità huma l-kundizzjonijiet tal-mertu u l-iskambju. L-eċċessività hija l-kundizzjoni tar-rivelazzjoni, tal-emanċipazzjoni mit-tifsira stabbilita u tal-iżvelar ta’ orizzont ġdid ta’ sinifikazzjoni: il-possibbli.

Dak li aħna mdorrijin insejħu “d-dinja” huwa effett ta’ proċess ta’ organizzazzjoni semjotika ta’ materja prelingwistika. Il-lingwa torganizza ż-żmien, l-ispazju, u l-materja b’tali mod li jsiru rikonoxxibbli mill-kuxjenza tal-bniedem. Dan il-proċess ta’ tnissil semjotiku ma jikxifx natura speċifika; pjuttost jiżvolġi bħala riorganizzazzjoni perpetwa tal-kontenut materjali, rivalutazzjoni kontinwa tal-ambjent tagħna. Il-poeżija tista’ tiġi definita bħala l-att tal-esperimentazzjoni mad-dinja permezz tar-riorganizzazzjoni ta’ disinji semjotiċi.

Jien għedt li l-poeżija tista’ tiġi definita? Fil-fatt, l-att ta’ definizzjoni li għadni kif wettaqt hu arbitrarju u illeċtu, għax il-mistoqsijaX’inhi l-poeżija?” ma tistax tiġi mwieġba. Ma nistax ngħid x’“inhil-poeżija, għax, fil-fatt, il-poeżija “mhi” xejn. Nista’ biss nipprova ngħid x’inhu dak li l-poeżija tagħmel.

L-att li tikkomponi sinjali (viżivi, lingwistiċi, mużikali, u l-bqija) jista’ jiżvela spazju ta’ tifsir li la huwa preeżistenti fin-natura u lanqas ibbażat fuq konvenzjoni soċjali. L-att poetiku hu l-emanazzjoni ta’ fluss semjotiku li jitfa’ dawl ta’ tifsir mhux konvenzjonali fuq id-dinja eżistenti. L-att poetiku huwa eċċess semjotiku li jmur lil hinn mil-limitu tat-tifsir konvenzjonali, u fl-istess ħin huwa rivelazzjoni ta’ sfera possibbli ta’ esperjenza li għadha mhux esperjenzata. Jaġixxi fuq il-limitu bejn il-konxju u l-inkonxju b’tali mod li dan il-limitu jiġi spostat, u partijiet mill-pajsaġġ tal-inkonxju — ta’ dak li Freud sejjaħ “il-pajjiż barrani ta’ ġewwa” — jiġu illuminati (jew mgħawġa) u ffissati mill-ġdid.

Madankollu, s’issa għadni ma għedt xejn, jew kważi xejn. Ftit ħafna. Fil-fatt, il-poeżija hija l-att tal-lingwa li ma tistax tiġi definita, peress li “li tiddefinixxi” jfisser li tillimita, u l-poeżija hija proprju l-eċċess li jmur lil hinn mil-limiti tal-lingwa, jiġifieri lil hinn mil-limiti tad-dinja nnifisha. Hija biss fenomenoloġija ta’ ġrajjiet poetiċi li tista’ tagħtina mappa ta’ possibbiltajiet poetiċi.

“Hemm kejl fuq din l-art? M’hemm / Xejn, jikteb Hölderlin. Ikompli, “L-ebda dinja maħluqa qatt fixklet / Il-mogħdija tar-ragħad. Ejja ninsew il-kejl, ejja ninsew il-kapaċità teknika, il-kompetenza soċjali u l-profiċjenza funzjonali. Dawn l-entitajiet li jistgħu jitkejlu invadew ix-xenarju mentali modern u aċċelleraw ir-ritmu tal-infosfera sal-punt tal-psikokollass attwali u t-teknofaxxiżmu. Ejja nippruvaw naħsbu barra l-isfera tat-tikjil u tal-kejl. Ejja nsibu mod kif nevolvu ritmikament mal-kosmu. Ejja noħorġu minn das-seklu ta’ kejl, ejja noħorġu flimkien nieħdu n-nifs.

Félix Guattari jitkellem dwar “kaosmożi”: il-proċess ta’ bbilanċjar mill-ġdid tal-osmożi ta’ bejn il-moħħ u l-kaos. Hölderlin jitkellem dwar il-poeżija bħala vibrazzjoni lingwistika, oxxillazzjoni, u tfittxija, ta’ ritmu sintonizzat mal-evoluzzjoni kaosmotika li tinvolvi l-moħħ u d-dinja fl-istess ħin .

Il-poeżiji ta’ Friedrich Hölderlin ikkwotati huma, rispettivament, “Mnemosyne”, “Andenken” u “In lieblicher Bläue”; l-edizzjoni Reclam tista’ titniżżel mis-sit tagħhom. Ir-referenzi ta’ Berardi huma għal Hymns and Fragments, traduzzjoni ta’ Richard Sieburth, pubblikazzjoni Princeton University Press 1984. “Das Innere Ausland” jissemma’ f’Traumdeutung ta’ Sigmund Freud, pubblikazzjoni Franz Deuticke 1939. Rigward il-“kaosmożi, ara Chaosmose ta’ Félix Guattari, Galilée 1992. Berardi uża t-traduzzjoni għall-Ingliż ta’ Paul Bains u Julian Pefanis, Chaosmosis: An Ethico-Aesthetic Paradigm, Indiana University Press 1995.

Dekorazzjoni art-nouveau