Djarju #4
fatima a.m.

fuq l-għatba

fatima a.m.

tul Settembru nerġa’ niskopri d-diclofenacs li sa bħal-lum sena kienu saru lingwa aljena, la jokkupaw spazju fuq ilsieni, lanqas f’moħħi. kien hemm żmien fejn ir-rifjut tal-mediċina ġegħelni aċċidentalment nabbina ruħi mal-hippies, dawk in-nies paranojċi li jgħixu fil-lemin tal-ideoloġija politika, li jħobbu t-teoriji tal-komplott — kont nasal sar-rifjut tal-paracetamol u noqgħod ’il bogħod mill-idea li l-eliti għandhom denb gremxula mweħħel ma’ xifer ix-xewka. imma llum il-ġurnata skoprejt li m’hemmx sodisfazzjon fil-weġgħa, m’hemmx għalfejn turi kemm tiflaħ jekk ma tiflaħx. iddum ftit biex titgħallem li r-reżiljenza tan-nies tal-klassi tal-ħaddiema ma tiġix ippremjata.

catafast, probiotics, ibuprofen. m’għadnix inżur it-tobba u nistenna referenza għas-speċjalisti. it-tabib bilwieqfa jistrieħ mal-mejda, jiċċassa ġol-mobile. x’għandek? iżomm il-mobile f’idu, nofs metru viċin ta’ wiċċu, ħalli xħin nitlaq jerġa’ jintefa’ fuq tiktok jew instagram jew forsi sit tal-pornografija. nixtieq nemmen li dan il-proxxmu li jqatta’ ħinu fi kmamar sterili u bojod isib mumenti ta’ mistrieħ bejn qerda u oħra. għandi bżonn riċetta għall-catafast. itini xi tip ta’ prodott ieħor biex jirrilassa l-muskoli bħala bonus għax hekk, nhar ta’ Tlieta u ħassu ġeneruż. jaf jiftħek, just so you know. m’hawnx għal Alla.

meta jżurni sieħbi minn Londra, jikkummenta dwar il-fatt li sibt l-iktar post simili ta’ Londra ’l bogħod minn Londra. man, what’s up with all these Londoners? jaħrab min-nies li jfakkruh fil-habitus Londoniż u jfittex il-postijiet mimlijin Għarab tal-ewwel ġenerazzjoni u jqatta’ l-ġranet jiekol il-falafel għand Habibi’s, post imrekken b’dawl artifiċjali stunat jgħajjat kemxejn iżżejjed għal kamra f’Buġibba li tbigħ il-quċċata tal-kultura tat-takeaway. fil-ftit ġranet li jdum hawn, ġismi jerġa’ jikkrolla u nqatta’ tliet kwarti tal-vaganza fuq is-sufan, la nista’ norqod u lanqas inqum. bejnietna nrabbu roster ta’ letteratura, burek, twistees u sigaretti. imma ħafna sigaretti. nisogħlu t-tnejn li aħna u nifirxu l-paġni. fis-siegħa ta’ filgħodu jipprova jikkonvinċini biex naqra ’l Heidegger u ’l Hegel, u ngħidlu li hu wisq fucking abjad, man u jargumenta li t-teoriji għal qalbi huma bojod daqshom, jekk mhux iktar, actually, għax xempju tal-kultura tal-klassi medja Ewropea, u nkomplu nbeżilqu n-narrattivi psewdointellettwali fil-gallarija. sieħbi jissuġġerixxi buffet ta’ painkillers. ovvjament, il-festa ibuprofen-diclofenacs mhux qed taħdem, ikkunsidrajt codeine? jew to be honest, might as well try ketamine. ngħidlu li qiegħda f’ħofra kbira biżżejjed u m’għandix bżonn xi tip ta’ teletrasport biex niżżerżaq f’ħofra ikbar. m’għandi l-ebda interess li nsir Alice fid-dinja tal-ħolm.

jgħidli li l-uġigħ għamilni solipsista.

tul dawn ix-xhur, xħitt id-dawl fuq is-sens t’ironija li jillumina tliet kwarti ta’ din ir-riċerka. waqt li niffilosofizza fuq il-ġisem u l-modi ta’ kif jista’ jiġi mmanipulat biex jiskopri iktar lilu nnifsu u lill-ieħor, nitbiegħed iktar minn tiegħi. għal kull azzjoni hemm reazzjoni, tgħid il-liġi-klixè ta’ Newton. jekk nersqu iktar viċin lejn teorija tal-materjal, hemm ċans kbir li nersqu iktar ’il bogħod mill-materjal li jsawwarna. meta nkellem lit-terapista fuq is-sens ta’ kontroll li nħossni qed nitlef fuq ġismi, u b’hekk, l-apparat li nuża biex inkun parti mid-dinja, tgħidli li r-referenza għall-ġisem nużaha bħala strument biex ingarani f’xifer irdum li jisseparani minn ġildti. my body, my body, my body, spiss nirrepeti f’dik il-kamra. nuri sens ta’ lealtà lejn il-lingwa Ingliża għax ma nafx kif nikkonfrontaha bil-lingwa t’ommijietna u forsi jekk inkellimha bil-lingwa t’ommi, nersqu wisq viċin xulxin. id-distanza hija, wara kollox, oħt u omm li daqskemm tipproteġik, taf tavvelik.

f’għoxx Descartes u f’għoxx l-Ingliż.

l-iskiżofreniku li joħroġ għal mixja aħjar min-nevrotiku mitluq fuq is-sufan tal-psikoterapista, jgħidu Deleuze u Guattari. naqr’arja friska, xi relazzjoni mad-dinja t’hemm barra. allura wara festa diclofenacs immur niżfen fuq sieq waħda u nintefa’ nieħu r-ritratti t’oħti fuq id-dancefloor, nitlef il-massa ta’ xagħarha mal-flash, u l-mument ta’ qbiż u buzz taħt għajn il-kamera jiġi sospiż. imma ma jimpurtax, għax niżfnu t-tnejn li aħna u nogħrqu u issa għandna ħames, għaxar snin, nidħqu fl-eku tas-snin kollha li nisġuna. f’ċerti affarijiet tinħass l-impressjoni tal-permanenza. fuq ġiex deċennji ilu konna qegħdin nagħmlu l-istess ħaġa, fil-kamra tal-imbarazz f’ħobb l-Imsida imma minflok niżfnu mar-reggae, nistunaw ma’ “On Again Off Again” u nidħqu bil-farfett neon u mxengel bl-effetti tas-CGI tal-bidu tal-elfejnijiet. tul Settembru nieħu pawża mir-riċerka. nerġa’ nsir oħt, mhux riċerkatriċi, lanqas Macho Slut, lanqas bint jew tfajla.


30 ta’ Settembru 2024

il-pjaċir huwa talba, jgħid is-sinjal fil-kamra tal-istudju. meta nieħu pawża mir-riċerka, nibda nintilef fit-teoloġija minflok. il-wiċċ tal-ironija ta’ riċerka fuq l-erotiku — u mbagħad passatemp mat-teoriji t’Alla — mhux wieħed li jintilef f’dawn l-inħawi, anzi jdeffes rasu fil-bieb u jibqa’ hemm, jittawwal. konxja tal-ħjut li nifduni u għaqqduni, jien kollni kemm jien, mill-ġisem sar-ruħ sal-psikoloġija u wassluni s’hawn. jien prodott tal-pajsaġġ kattoliku, il-kristjaneżmu, il-pentekoste fi knisja Niġerjana l-Pietà u l-mistħija li tanbruli n-nisa li rabbewni. ridt sens ta’ fenomenoloġija li jservi bħala xhieda għal posti fil-frenza tas-soċjabbiltà li nsib ruħi fiha, teoriji dwar l-esperjenzi li jisfaw fix-xejn tal-min jien. ridt nifhem kif nibqgħu fit-trufijiet, anki meta nkunu fiċ-ċentru. inqalleb fil-fenomenoloġija tal-istranġier u jsibuni kliem Caputo: Alla huwa diżordni… tfixkil… interruzzjoni. tiżvolġi modalità dwar Alla bħala l-esperjenza fil-fruntieri, fejn li tkun barra-ġewwa hija forma t’Allaġni mġissma. l-ewwel kliem tal-ospitalità huma iva, iva, oui, oui, idħol, ammen. min hu barra barra, min hu ġewwa ġewwa. imma hawnhekk, taħt l-islaleb ħielsa, nibqgħu fuq l-għatba.

fuq l-għatba nsib l-erotiku u t-talba u ’l Alla u l-figuri tan-nisa li sawruni, inkluża kull mara li qatt kont u li għad insir. hemm assortiment ta’ aċċessorji femminili li xi darba kienu jinstabu fuq it-twaletta-artal, dak li ċertu tip ta’ mara biss taf tibni: firxa ta’ lipstick, mascara maqtugħa, żebgħa tad-dwiefer lewn il-brunġiel, pinzetta minn żmien in-nanniet, ir-riħa tal-Veet tipprolifera mal-injam. fuq l-għatba hemm il-galabija ta’ missieri, borma bamja sħuna, il-kimika tal-kimoterapija tbaħħar il-madum. fuq l-għatba x-xedaq ħieles u għaref, u ma nomgħodx biex insib ’l għomri. hemm Deleuze, is-solipsisti u l-kitba ta’ Anaïs Nin, u bejniethom jaqdu t-trinità fjakka. u jien fin-nofs, niżżi ħajr lill-ordni fid-diżordni .

Dekorazzjoni art-nouveau