Djarju #2
fatima a.m.

seta’ kien ilma, seta’ kien għaraq

fatima a.m.

nibda nipprepara biex immur il-parties irriklamati bħala ċelebrazzjoni tas-saħna u tal-aptit, imma d-dress code tinżilli kontr’għasel. mhux l-ewwel darba li sibt ruħi f’dawn il-ħnejjiet tal-kultura tal-clubbing f’Malta, imma d-drabi l-oħra li mort kont kuntenta nkun fit-trufijiet, fil-frenza tal-kultura, inħares u niċċassa mill-bogħod, nitteorizza waħdi u ndur u nitgerbeb fil-garigori tal-ħsibijiet f’moħħi. tipo, tkellmunix, jien qiegħda hawn biex nifhem kif ġisem għandu jiċċaqlaq jekk torbtu b’mod li ’qas Kristu ma seta’ jimmaġina. inqatta’ ljieli nbeżlaq ġo tazza tal-plastik taparsi mimlija spiced rum bil-birra tal-ġinġer imma għandha iktar togħma ta’ maħta. bejn l-imnifsejn mimlija foga tas-sigaretti u r-riħa t’għaraq, għall-grazzja t’Alla ma ttiegħem xejn. seta’ kien ilma. seta’ kien għaraq. il-mużika techno tat-tip industrial tibqa’ għaddejja, irrelevanti l-frekwenza tal-ħsibijiet u l-iżolazzjoni li tinħass fi spazji bħal dawn, u jekk ma noqgħodx attenta jaf itini mejt. it-tabib qalli li ċċaqlaq l-ilma ta’ widnejja. naħseb iċċaqlaq l-ilma ta’ ħajti. seta’ kien għaraq.

din id-darba mhux bħad-drabi l-oħra. l-antropologu għandu jkun jaf kif jitħaddet u jagħmel kuntatt man-nies — entering the field, qaluli — b’ċerta sensittività, imma jekk tagħti titwila r-riċerki klassiċi, tinduna li fil-bidu, fil-verità, l-antropologu kien bieb żobbu lil min ħa jdejjaq, l-aqwa li jsir jaf kif tiffunzjona l-komunità. imma għax-xogħlijiet riċenti, din hi kritika ħarxa wisq. bejn is-soċjoloġija u l-psikoloġija u l-faxxiżmu istituzzjonali, forsi l-antropoloġija hija l-iktar dixxiplina li tixtieq timpenja ruħha fi spazji iktar liberati. forsi hawn iktar sensittività f’din il-kantuniera tar-riċerka. insostni li m’hawnx komunità fil-qasam li qed nirriċerka, sempliċiment individwi, nies li jafu lil xulxin, jilbsu bl-istess mod għall-okkażjoni, u li qisu jogħġobhom it-tip ta’ melodija li tinstema’ donnha ħarġet mill-musrana u ma kinetx taf kif se toħroġ mill-organi l-oħra, allura baqgħet iddur, fl-istess ċirku fl-intern; aggressiva, ristretta, tħambaq u ddur b’ċiklu mxajtan. bħall-ħsibijiet f’moħħi. bħaċ-ċinturini madwar riġlejja.


19 ta’ Lulju 2024

fittixt harness għall-avveniment, forsi nibda nifhem kif il-lingwa tal-estetika tista’ tiżvolġi b’mod li tiġġissem mal-performance, il-fiżiku u l-moviment. tfajt ġismi f’kobba bokkli u polyester u bizzilla fjakka, ix-xaħam madwar żaqqi ċirku, jinqasam fi tnejn għall-ewwel, imbagħad fi tlieta. meta npoġġi, it-torso jintewa f’mitt biċċa, il-laħam issikkat taħt iċ-ċinturini madwar riġlejja jiżżerżaq minn postu, joħroġ isellimli minn kull banda. kieku kelli l-ikel fl-istonku, kont nirremetti. ngħid lil sieħbi li ġarrejt miegħi għal din l-okkażjoni li qisni l-istess majjal li kienu jonxru niesu fi żmienhom is-Serbja, ġisem lest biex jiġi mitfugħ fuq gozz ħatab jaqbad u jittiekel bejn familja t’għoxrin. nidħqu t-tnejn li aħna, għax jekk ma tatni xejn, l-iskumdità li nħoss li nokkupa dan il-ġisem, għall-inqas tatni l-għerf li niċċajta u nobżqilha f’wiċċha, u nżejjinha b’mod li kulħadd iħossu parti miċ-ċajta. imma ċ-ċajta hija ċajta f’wiċċi, f’ġismi, li xi drabi barka, imma drabi oħra bħal dawn, bejn iċ-ċineg u d-drapp li l-ġilda tifga fih, huwa ħabs. niftakar f’“Ġismi Battikata”. il-ostja jekk hux battikata.

skont ċerti teoristi bħal Heidegger, imbagħad fil-qasam tal-antropoloġija Arjun Appadurai u Bruno Latour, hemm distinzjoni li għandha ssir bejn oġġett u ħaġa. l-oġġett joħloq pont, fejn bl-użu tiegħu tasal għal xi mkien ieħor. Robin Bernstein, b’ħajr lill-kollaboratriċi Betsy Klimasmith, juża l-eżempju ta’ sikkina f’id kok professjonali vis-à-vis sikkina f’id kok li għadu jibda triqtu fl-industrija. fil-każ tal-kok li għadu jibda, is-sikkina hija oġġett: meqjusa bħala waħda ċassa, mhijiex animata minnha nnifisha, mimlija bl-istejjer tagħha stess, imma teżisti biss biex titpoġġa f’idu, biex taqta’ dak li hemm quddiemha. oġġett isir ħaġa meta xi ħaġa bħal din is-sikkina tinsab f’id kok professjonali, fejn il-ħajja tagħha tmur oltre mill-użu li għandha dak il-ħin, oltre mit-tifsiriet li jtiha l-bniedem. is-sikkina hawnhekk għandha ruħ, tirrappreżenta l-istorja tal-passat, tal-preżent, u ta’ li għadu se jiżvolġi. fi kliem Bernstein, l-affarijiet mhux l-oġġetti jistidnuk tiżfen magħhom. waqt li fit-teorija antropoċentrika l-oġġetti għandhom it-tifsiriet biss li jagħtihom il-bniedem, it-teorija li tikkonċerna ruħha bil-ħajja tal-affarijiet issostni li dawn isawruna; irenduna f’ħajja li jagħtuna huma, ifasslu n-narrattivi ta’ madwarna, jinfluwenzaw il-ġisem, l-attitudni, l-ekonomija. meta nħares lejn iċ-ċinturini jiġġieldu ma’ laħmi, nibda nifhem din it-teorija li sa xi ftit ġimgħat ilu kont inħossha mentalment żlugata. għax jekk l-affarijiet jeżistu biss fil-kuxjenza umana skont it-tifsira li l-persuna timponi fuqhom, mela jien suppost inħossni sexy f’dawn il-ktajjen, mhux imlaqqta.

fuck it.

noħroġ nixgħel sigarett, nikkontempla l-melodija-mhux-melodija, nirranġa l-bokkla. rasi tikkumbatti x-xorb, is-sħana, l-għaraq, u t-taparsi mużika li ġejja mill-club l-ieħor. inħares ’il fuq u nara wieħed liebes kilt, iħares lejja min-naħa l-oħra tal-ismoking area. ftit wara jiġi bilqiegħda ħdejja; distanza ħelwa, distanza viċin biżżejjed biex ngħidu kelma jekk irridu, imma mhux viċin wisq li hija ovvja li jrid jinvadili l-ispazju personali. tgħid Skoċċiż? jew liebes? li tkun Skoċċiż huwa fetiċċju? l-għaraq jinżel mal-mustaċċi u nhewden kif irnexxielu jilbes kutra madwar qaddu f’nofs Ġunju. jew kif ħallieha tilbsu. insaqsih jekk hux Skoċċiż għax kurjuża u forsi għax kelli aptit nargumenta. jirrispondini b’aċċent iebes, tqil, jixkatla l-lingwa Ingliża, jomgħodha u jifred is-sillabi bil-maqlub, iferrixhom ma’ lsienu u sakemm jerġgħu joħorġu jilħaq jorganizzahom b’mod familjari, Mediterranju. Taljan. jgħidli le, dan parti minn memorja. nitkellmu fuq l-Iskozja u nfaqqa’ ċajta dwar l-approprjazzjoni kulturali għax speċi ħadt ir-ruħ, mhux wieħed minn dawk. ma jifhimnix. isaqsini kemm għandi żmien, għax smooth u suave, u ma jridx jagħmilha ovvja li qed jipprova jgħabbini. u f’dan l-att performattiv, jien insir parti mill-iskript li ġiex min-nies iduru fi club jinteraġixxu fih. mhux ħa ngħidlek, prova aqta’. jgħidli biex inneħħi n-nuċċali, daqslikieku ma tistax tara wiċċ minn wara lenti. ikompli l-iskript: jgħolli ħuġbejh, jerġa’ jiflini daqslikieku l-wiċċ jinbidel kompletament mingħajr nuċċali. f’dan il-każ, ċerta li n-nuċċali huwa oġġett, wieħed mill-props ta’ din il-biċċa teatrali fjakka bla baġit, li mingħajru ma nilħqux il-qċaċet li nixtiequ nilħqu. l-oġġetti jkeffnuna. imma mbagħad ikisser l-iskript, ifalli bħala attur, joħroġ mir-rwol tiegħu u għalkemm mhux sorprendenti, napprezza l-kreattività għax isaqsini biex jara idi — għax kull sena li għext f’ħajtek miktuba fil-pala t’idek — u jgħidli li jaħseb li għandi tlieta u għoxrin sena. imma jien attriċi tajba, naf x’għandi nagħmel, u nkompli l-iskript fejn ħallieh hu: taparsi nneħħi xagħri minn fuq spallti. f’dan l-att performattiv jien xempju tal-feminilità Ewropea, qaddi rqaq u sidri tela’ suba’ ’l fuq, u xagħri sponta mill-qorriegħa lixx, u twal, u għal mument Monica Bellucci, Eva Green, Penelope Cruz, allura ntajru minn fuq spallti, u nidħaq għax li taparsi ma tarax ir-raddiena fina madwar il-ħalq li xi ħadd viċin it-tletin ikun rabba huwa kumpliment kbir. b’din ir-rata għad fadalli ħames snin biex nagħmel facelift, ara, minflok tlieta.

faċli taġixxi bħal mara straight li qed tieħu gost bl-attenzjoni ta’ raġel. għandi repertorju sħiħ ta’ manjieri u kliem u tonijiet li għandek tuża f’dal-kuntest, kollha meħudin mis-sensiliet u l-films li kienu jintwerew fuq l-Italia Uno fid-disgħinijiet u fil-bidu tal-elfejn. ħadd ma kien qalli kif persuna sewda-mhux-sewda, naqra maqluba, kbira, mgħawġa-mara għandha taġixxi, u f’kuntesti bħal dawn eħfef tagħmel reset u tmur lura fl-2003. fi żmien ieħor, kont nagħsar il-frott tat-televixin Taljan u l-meraq nużah bħala munita mal-bar biex nieħu x-xorb b’xejn. ovvjament, l-għan ma kienx ikun li jkun b’xejn: li raġel straight mal-bar li ma jafekx minn anna u x’aktarx 15-il sena ikbar minnek jixtrilek drink tip ta’ munita wkoll, imma kont inġib skuża bir-ritmu tad-dancefloor u nerħilha lejn l-ispeaker. ġejt hawn biex niżfen, grazzi.

nagħmel sforz biex inkompli d-diskursata mal-Iskoċċiż-Taljan, għax għalkemm m’għandix bżonn drink b’xejn illum il-ġurnata, napprezza li kull bniedem għandu stejjer ikbar minn ġildtu. mhux għall-finijiet tal-antropoloġija u r-riċerka biss — forsi din il-persuna tgħidli xi kelmiet li jilluminawni — imma li tieħu interess ġenwin f’dawk ta’ madwarek hija l-iktar ħaġa żgħira antikapitalista li tista’ tagħmel, u jien — bejn l-oġġetti u l-affarijiet, il-bokkli u l-polyester u l-bizzilla u l-birra tal-ġinġer fuq bank inkallat fl-ismoking area — jien nemmen fir-rivoluzzjoni. imma ma nifhmux lil xulxin. you speak too fast; skużani, widnejja ma jaħdmux, x’għedt? u nibqgħu sejrin hekk sakemm ir-remixes mill-club ta’ ħdejna jisfrondaw il-ħsejjes ta’ leħen Whitney Houston f’ċuqlajta salvaġġa tal-EDM kontemporanju li forsi sirt wisq anzjana biex nifhem eżattament x’inhu.

qabel ma jitlaq, ibus iċ-ċurkett t’ommi. sabuh f’ħalq ħuta. stramba kif anki l-ħajja tal-affarijiet hija ċiklu .

Aqra l-entrata li jmiss:

piż li ma niflaħx għalih

waħda mit-temi rikorrenti li ħarġet fil-konverżazzjonijiet hija l-bżonn ta’ komunità meta tiġi biex tesplora l-mekkaniżmu erotiku. fin-nuqqas ta’ komunità — għalkemm illum il-ġurnata hemm aċċess kbir għal forums online — huwa faċli li tiżgarra iktar, għax l-ebda bniedem ma jkun hemm biex iħeġġek tmur fit-triq it-tajba, jew iżommok responsabbli tal-kazzati li abbli tkun qed tagħmel. għall-iġsma fil-marġni, għal dawk eżotifikati — jew għax mhux parti mill-binarju, jew għax jiġu minn xi mkien fl-inħawi tal-astratt minħabba l-etniċità jew il-karnaġġon jew ir-razza — il-bżonn ta’ komunità jinħass iktar. jew iktar faċli nasal għal dan it-tip ta’ konklużjoni għax inħoss il-marġni taħt il-ġilda, daqs l-umdità tas-sajf, jgħawwar, ma jħallinix bi kwieti. spiss naħseb kif tinħass li tidħol f’kamra u ma jkunx hemm bżonn tgħodd, ma jkunx hemm bżonn tħossok parti mill-kwota. l-aħħar darba li ġejt hawn, inzertajt bniedem ieħor biss li deher ta’ etniċità ambigwa ta’ tip simili, u kif jagħmlu n-nies f’dan il-pajjiż meta jindunaw li xi ħadd għandu l-istess sfond etniku, kont sellimtlu. illallu, qed nimlew il-kwota. din id-darba, minflok, tfajla li m’għandhiex iktar minn 22 sena, qaltli li jogħġobha xagħri. irrelevanti l-ħbula, is-swat, il-PVC, il-latex, u t-tkaken u ċ-ċineg: infittxu ’l xulxin bla ma rridu bħal kalamiti mill-bogħod. ma nħossx komunità magħquda mill-prattiki erotiċi, imma nħoss il-komunità t’iġsma bħal tiegħi li b’xi mod dejjem jippruvaw isibu lil xulxin. meta Donna Haraway kitbet għala l-ġisem għandu jispiċċa fejn tispiċċa l-ġilda? kienet qed tirreferi għal proċess ta’ ibridità bejn il-magna u l-ġisem, imma jekk insaqsu l-istess mistoqsija fil-kuntest tal-aljenazzjoni, nibdew insaqsu għala l-ġilda għandha tispiċċa fejn jibda l-ġisem. l-Afrika ta’ Fuq tippenetra f’kull spazju li nidħol fih, qabel ma jidħol il-bqija ta’ ġismi; le, ma nitkellimx l-Għarbi. xwejja, xwejja. le, qatt ma mort. le, ma tistax tmissli xagħri. f’kull kamra li nidħol ngħodd jekk hemmx iktar iġsma bħal tiegħi. spiss mhux il-każ. skont Karmen MacKendrick, l-identità magħmula mix-xfar: mix-xfar tal-ġilda sax-xfar ta’ lsieni sax-xfar tal-fishnets sax-xfar tal-iġsma l-oħra, nintemm eżatti fejn tibda l-bqija tad-dinja.

Dekorazzjoni art-nouveau