ma ridtx nibqa’ naqra fuq is-swat u d-degradazzjoni u t-tabujiet u t-tgeżwir tar-ruħ li jseħħ meta tħokk il-ġilda, jew meta tħokkha u tistenna li b’xi tip ta’ miraklu forsi tilħaq il-vina. f’“Translation is a Rope”, Wemar Strydom jitkellem fuq l-intersezzjoni bejn il-lingwa u l-esperjenza, fuq kif li tipprova titkellem bl-Ingliż dwar esperjenza sesswali li ġrat f’kuntest fejn ma titkellimx l-Ingliż issir forma ta’ oppressjoni, jew negazzjoni tal-esperjenza. ili fuq din il-biċċa kitba fuq xahrejn, u kull darba li nsib tarf ta’ letteratura ġdida, nintilef iktar, u nħossni qed negħreq f’intellettwaliżmu sfrenat u naqra falz li jitkellem fuq esperjenzi li għandhom ikunu erotiċi u spiritwali, li jieħdu xeħta ’l bogħod mil-lingwa u r-riċerka. fl-istess ħin, inħoss li m’hemm l-ebda żvog, jew għatx, li jinqata’ jekk ma naqbdux dawn is-suġġetti u nikluhom biċ-ċelloli li għad fadlilna f’moħħna. x’inhu l-punt tal-akkademja jekk ma nibdewx inħaffru u nnaqqxu mogħdijiet ġodda biex nagħrfu ċerti suġġetti u nitkellmu dwarhom? x’inhu l-punt li nħufu fit-trufijiet tal-istituzzjonijiet jekk ma nsibux xi żvog awtentiku, imnebbaħ ’il bogħod mill-istrutturi li jkeffnuna fi ħwejjeġ artifiċjali?
it-traduzzjoni hija ħabel. bħalma tħoss il-ħabel jiekol il-ġogi f’sessjoni shibari, inħoss il-lingwa bħala xafra fis-saqaf ta’ ħalqi. hemm intersezzjoni li għad m’għandix kliem għaliha, imma qed nirreferi għal dik l-intersezzjoni bejn l-esperjenza, l-intellettwaliżmu, il-ħajja, il-ġisem, alla, il-ħaxi jew l-erotiċiżmu li mhuwiex lineari (jiġifieri t-tip ta’ espressjoni sesswali fejn m’hemmx punt A li jwassal għal punt B) jew in-nuqqas ta’ sess penetrattiv f’isem l-erotiċiżmu. iktar ma naqra fuq il-kink u d-dominazzjoni, inqas jinteressani li niskopri l-iġsma b’dan il-mod. kważi nixtieq nerġa’ nsir tifla, jew tifel, nibni ġismi mill-ġdid. forsi nibni l-lingwa mill-ġdid. spiss naħseb fuq il-possibbiltà li nsir omm tiegħi nnifsi, imma ommi mill-ewwel ġurnata li twelidt.
jumejn oħra jum l-omm. inċempel lil oħti u niftiehmu biex immorru nieħdu kafè qabel ma mmorru għand ommi. ommi. ninduna kemm-il darba nikteb fuqha biex nimmortalizzaha qabel ma tmut, u naħseb fin-nisa l-oħra li rabbewni qabel ma tgħallimt inrabbi lili nnifsi. kif nispjegalha lil ommi li ż-żgħira, li dejjem beżqet f’wiċċ l-akkademja, issa se tagħmel proġett fuq l-erotiku? meta ngħid li l-lingwa hija xafra fis-saqaf ta’ ħalqi, bħall-ħabel ta’ Strydom, qed ngħid ukoll li l-esperjenza tiegħi m’għadx għandha spazju biex tiġi tradotta b’mod li tista’ tifhmu ommi. dawn il-kunċetti kollha, u l-istituzzjonijiet, u l-ethics board, x’tiswa din l-ispeċi ta’ kawlata intellettwali li setgħet kienet bl-Aramajk, meta hi qattgħet nofs ħajjitha tressaqni lejn il-pitazz u l-pulptu? bl-ikbar sens ta’ ironija, dawk l-affarijiet kollha li jġegħluni nsir iktar it-tip ta’ bint li xtaqet li jkollha huma l-istess affarijiet li jbegħduni minnha. l-omm xafra fis-saqaf ta’ ħalqi.
nista’ nikteb u nitkellem dwar il-fenomenoloġija kemm irrid, u l-pożizzjonalità, u r-riflessività, u dawn il-kunċetti kollha li ivvintat l-akkademja tal-Punent biex forsi jsibu xi tip ta’ spirtu jew aptit ta’ ħajja f’xogħolhom, imma fl-aħħar mill-aħħar, din xorta mhijiex il-lingwa tiegħi. l-artisti indiġeni, qabel dawn l-istrutturi kollha, kellhom bżonnhom dawn il-kunċetti? nixtieq nimmaġina akkademja indiġena, li iktar ma nidħol fiha, iktar nersaq lejn ommi, u ommijietna (jekk hux ħutna, iz-zijiet, in-nanniet, l-imħabba fil-komunità tal-pufti u l-maqlubin) u lejn lingwa li la hi xafra u lanqas hi ħabel. b’sens ta’ ironija oħra, dawk l-istudjużi li jippromovu tip ta’ riċerka u kitba “poststrutturali” u li, għalkemm fl-istituzzjoni, huma fost l-iktar anarkisti bil-mod li jaħsbu u jaġixxu, dawn xorta jsiru kompliċi mal-istess istituzzjonijiet għax jużaw l-istess modi ta’ ħsieb. u jien, bil-mod il-mod qed insir waħda minnhom (jew forsi mhux daqshekk bil-mod, forsi iktar bl-istess veloċità ta’ meta tagħmel kuntatt ma’ żurżieqa impestata bħal tal-iSplash and Fun li taf tmarrdek anki jekk tazzarda tħares lejha, allura tipprova tgħaġġel kemm jista’ jkun eżatti xħin tmissha). forsi l-ħsieb kollu żurżieqa.
għada niltaqa’ m’ommi u oħti u nipprova nispjegalhom għala l-ġinepornografija (skont Brenda S. Gardenour Walter) hija radikali fis-sens ta’ progressiva, għax taqleb id-dinamika bejn it-tabib u l-klijent, jew tħalli ’l dawk li jiffantasizzaw isibu l-mistrieħ fit-tensjoni li joħloq appuntament mal-ġinekologu. fl-istess ħin tisfida l-ħarsa tal-mediċina u tagħti sodisfazzjon lill-klijent, fejn f’kuntest ta’ klinika jkunu sottomissivi. imma f’dan il-kuntest, il-ġinepornografija twiegħed mod kif il-klijenta, li normalment tiġi dipersonalizzata fil-proċess ta’ appuntament ġinekologu, tieħu l-poter fil-fantasija fejn il-ġisem ma jibqax sit ta’ eżaminazzjoni, imma lill-persuna professjonista ġġegħelha “taqa’” għaliha — il-proċess fejn jingħeleb il-kunċett ta’ ġisem bla identità u ruħ, u jsir suġġett li għandu ħila jesperjenza l-pjaċir. meta nipprova nsib mod kif ninterpreta r-riċerka b’mod li forsi tifhimha ommi, nibda l-proċess ta’ sostituzzjoni. l-iskript nimmaġinah xi ħaġa hekk:
ommi: x’qed tistudja bħalissa?
jien: taf il-blue films…
o: e, biex ġejja?
j: hemm tip li tipo… isiru fil-kuntest tal-klinika tal-gajni (meta ngħidha din, irrid nagħmel enfasi kbira, għax ġinekologu mhux ħa tinftiehem), taparsi marru għand it-tabib, u jintefgħu fuq is-siġġu —
o: e, u x’jagħmlu?
j: taf int, tipo, it-tobba, jaraw il-ġisem bla ruħ u bħala oġġett separat mill-bniedem —
o: u żgur, għid lili! taf x’qaluli dakinhar?
u naf li ħa nitlifha, għax minn hemm tibda l-litanija tal-isptar u kemm huma tal-ħara t-tobba, u kemm imisshom jistħu, għax mara li ma tiflaħx timxi, bl-irkiekel tax-xewka mikula, m’għandekx tgħidilha biex tagħmel eżerċizzju. ħa ssaqsini biex innewlilha sigarett u nagħmlilha kafè. min għandu bżonn l-akkademja jekk hawnhekk, f’dan il-but fl-univers meħjut mill-kafè u s-sigaretti eterni, xejn m’hemm bżonn jiġi analizzat? qabbad ieħor. minn hawn għall-kaxxa. żewġ pasti roża u kafè ħażin għaġeb imma ilha tpejjep fuq l-erbgħin sena u xejn ma ttiegħem ħlief il-kumin. l-arja mtappna bin-nugrufun tas-sigaretti xafra fis-saqaf ta’ ħalqna. kompli ixrob il-kafè. meta tuġgħek qalbek, għid li t-tort tal-ansjetà .