Ilkoll Parti mill-Istaġun li Jmiss

Davinia Hamilton

Fuq l-internet, mijiet ta’ eluf ta’ nies qed jistokjaw mara. Qegħdin f’April tal-2024, u kuljum eluf oħra jingħaqdu f’dil-kampanja ta’ moħqrija: itellgħu r-ritratti ta’ dil-mara fuq il-feeds tagħhom, iħallu kummenti niggieża fuq il-posts tagħha — “It’s called Karma, bitch!” — jitteggjaw lil sħabhom, jinkoraġġuhom jingħaqdu magħhom. Dil-mara, iktar ma jmur, iktar tidher mitlufa. Ittella’ għexieren ta’ posts kuljum b’risposta għal li qed jiġri. Imma d-disperazzjoni li turi hija bħal xprun għal din il-marmalja diġitali.

L-attur Richard Gadd jagħmilha ta’ Donny Dunn, il-protagonist fis-serje televiżiva Baby Reindeer. L-istorja hija bbażata fuq l-esperjenzi ta’ Gadd innifsu, iffinzjonalizzata għall-effett drammatiku. Dunn jaspira li jkun kummidjant tal-istand-up, u sadanittant jaħdem ġo pub ġewwa Camden, Londra. Darba minnhom tidħol Martha, mara ta’ mezz’età, pjuttost mitluqa. Tidher imbikkma. Donny iħenn għaliha u joffrilha kikkra te b’xejn. Ikellimha. U hi tiffissa fuqu. Tibda tiġi tarah ix-xogħol kuljum, tistokjah fuq l-internet, tibgħatlu eluf ta’ emails kollha thewdin. Minn naħa, din l-ossessjoni tbeżżgħu; min-naħa l-oħra tagħtih pjaċir pervers. Donny jaf li qed jinkoraġġixxi d-delużjoni erotomanijakali ta’ dil-mara, imma donnu ma jafx jieqaf. Martha — il-ġenn tagħha, il-gideb, il-patos, l-isplużjonijiet vjolenti — dan kollu jaffaxxinah kif jaffaxxina lilna, l-udjenza.

Baby Reindeer huwa ritratt ta’ mara mitlufa, bla ħbieb, falluta, mingħajr imħabba u sapport mid-dinja, li qed tiggranfa mad-delużjonijiet tagħha, għax dawn kulma fadlilha. Fil-qalba tas-serje hemm appell għall-kumplessità, għas-sottiljezza: hi narrattiva li teħodha kontra l-immoralizzar. Xorta waħda, ftit jiem wara li joħroġ fuq Netflix, il-kotra diġitali jirnexxilha ssib lil “Martha” fuq Facebook, u jissoġġettawha għal umiljazzjoni pubblika. Billi l-aġir tal-karattru ta’ Martha fis-serje jidher ikkalkulat, in-nies donnhom ma jistgħux jifhmu kif ir-responsabbiltà tal-“Martha” ta’ veru tista’ tkun kompromessa mill-ħakma apparentement dgħajfa tagħha fuq ir-realtà. Imma lanqas kieku l-“Martha” ta’ veru kienet kompletament f’sikkitha u responsabbli għal għemilha, li tistokja stalker mhux ukoll ġennata?

Allura, għalfejn għamlu hekk? X’seta’ ġiegħel lil dawn in-nies, nies normali u f’sensihom, jaġixxu b’dal-mod krudili u miġnun? Jista’ jkun li r-risposta għal dil-mistoqsija hi l-ħtija? Jista’ jkun li kull persuna li ħadet sehem fl-umiljazzjoni pubblika ta’ “Martha” kienet qed taġixxi minn sens profond ta’ ħtija? Dawk minna, u hawn ninkludi lili nnifsi, li qgħadna lura, affaxxinati, inħarsu mill-kwinti hekk kif l-oħrajn itturmentaw lil dil-mara, li fittixna l-kont fuq Facebook tal-“Martha” ta’ veru biex naraw x’inhu jiġri, li qattajna s-sigħat niddiskutu l-każ ma’ sħabna — jista’ jkun li aħna kollha naħtu?

Aħna kollha ħatja. Il-ħtija tiċċirkola mas-soċjetà, tippenetra l-arja bħad-duħħan mill-aħħar sigarett ħati ta’ xi ħadd li ħalef li did-darba żgur se jieqaf ipejjep. Il-ħtija minsuġa fil-mumenti żgħar u l-għażliet kbar li jikkostitwixxu ħajjitna. Tinsab fl-eżitazzjoni meta nixtru xi ħaġa mgeżwra fil-plastik, jew fil-qarsa li nħossu meta nixtru oġġett irħis li jista’ jkun magħmul minn ħaddiema sfruttati fl-isweatshops. Inħossuha meta nagħżlu li nordnaw takeaway għax m’għandniex aptit insajru, jew meta taparsi ma nindunawx bil-persuna li torqod barra fi triqitna lejn id-dar. Inħossuna ħatja li ma nqattgħux biżżejjed ħin ma’ tal-familja, li m’aħniex produttivi kemm nistgħu nkunu, li ma mmorrux il-gym biżżejjed, li niffantasizzaw dwar il-kollegi. Il-ħtija qiegħda hemm fl-għażliet li nagħmlu meta nkunu waħedna, u fl-ansjetà li nħossu meta nittrażgredixxu.

Imma l-ħtija qiegħda wkoll fl-istituzzjonijiet. Nibdew mill-iskejjel — punittivi, jistabbilixxu biża’ mill-awtorità, u jikkastigaw lil min ma jobdix bid-detenzjonijiet u s-sospensjonijiet. L-istituzzjonijiet reliġjużi jinsġu l-ħtija fil-prietki, jiggwidaw l-imġiba u jtaqqlu l-erwieħ — filwaqt li jostru għexieren ta’ snin ta’ abbuż orribbli ta’ tfal fdati fi ħdanhom. L-industriji kulturali jingaġġaw f’atti ta’ omertà, jipproteġu lill-irġiel li jafu li huma ħatja ta’ reati terribbli sabiex iżommu l-istatus quo. Il-pulizija, li xogħolhom għandu jkun li jipproteġu liċ-ċittadini, iwettqu qtil brutali u razzist.

Sadanittant, l-akkużi jiġu minn kull direzzjoni. Ir-reklami ma jiqfux jgħabbuna bil-ħtija. L-immaġni tleqq tal-ġenituri perfetti, it-tfal tagħhom bla inkwiet, waqt li l-vuċi fl-isfond tistaqsi jekk intix qed tagħmel biżżejjed għal familtek. Ir-reklam tal-fitness li jfakkrek li int tista’ tkun isbaħ, irqaq, u tirnexxi iktar. Ir-reklam għall-karità, tfal b’għajnejhom miftuħin beraħ, jinfdulek il-kuxjenza. Anki l-prodotti li suppost jagħtuk il-wens u l-mistrieħ — iċ-ċikkulata, il-vaganzi, il-kapriċċi ta’ kultant — ipespsulek li l-kapriċċ għandu jiġi b’asterisk. Jgħidulek li int min int u tagħmel x’tagħmel, qatt mhu se jkun biżżejjed, u li jekk trid teħles minn dil-ħtija trid tinbidel, trid tistinka. Trid tixtri.

Bil-ħtija hekk minsuġa fit-tessut ta’ ħajjitna, ma nistgħux nimmaġinawna ngħixu lil hinn minn dellha. Il-ħtija żżommna mqajmin billejl. Il-psikanalista Darian Leader jissuġġerixxi li n-nuqqas ta’ rqad jista’ jkun indikatur ta’ ħtija, jew kuxjenza mċajpra — u l-insomnja saret endemika, b’sa terz tal-adulti jirrappurtaw li jsibuha diffiċli jorqdu billejl. Għal ħafna snin, wieħed mill-aktar programmi televiżivi popolari fl-Istati Uniti kien NCIS, sensiela tal-pulizija li tixxandar matul is-slott ewlieni ta’ filgħaxija. F’Why Can’t We Sleep?, Leader iqabbel dawn il-programmi televiżivi ma’ ritwali oħra ta’ tindif u purifikazzjoni ta’ qabel l-irqad — inklużi l-ħasil tas-snien, it-tindif tal-ġisem, il-bibien ta’ barra msakkrin, u t-talb speċifiku li ngħidu biex ruħna titla’ l-ġenna jekk immutu tul il-lejl. Leader jispjega kif f’dawn id-drammi popolari qabel l-irqad, il-ħtija timxi minn suspettat għall-ieħor — ħafna drabi tibda mill-protagonist innifsu. “Ir-riżoluzzjoni tista’ sseħħ meta l-ħtija titbiegħed mill-protagonist, u r-responsabbiltà għal att ta’ vjolenza titqiegħed xi mkien ieħor. F’dawn l-istejjer, jgħid Leader, l-eroj spiss ikun ġie akkużat ħażin u jrid jagħti prova tal-innoċenza tiegħu. “Ladarba l-​ħtija terġa’ tiġi assenjata mill-​ġdid, hemmhekk nistgħu norqdu.

Is-sena li għaddiet, sirt zija għall-ewwel darba. Dan ir-rwol nieħdu bis-serjetà ħafna. Irrid inkun influwenza pożittiva fuq il-ħajja ta’ dat-tifel: irrid inrawwem fih l-imħabba għall-kotba u l-arti, il-mużika u n-natura. Irrid li jafdani. Nitgeddes miegħu u nkantalu. Naqralu dwar l-ittri u n-numri, is-siġar u l-pjanti, l-ikel u l-baħar. Inċaqlaq il-pupu ta’ Mickey Mouse, taparsi qed jiżfen, u n-neputi jidħaqli. Imbagħad, jilmaħ l-iskrin tal-mobile u d-dinja kollha tisfaxxa. Għajnejh skuri jsiru kbar u tondi. B’idu żgħira jipprova jaqbad il-mobile. Lanqas jimporta jekk il-mobile hux mitfi jew mixgħul — lejn il-mera skura jiċċassa. Nipprova naljenah mill-mobile. Inċapċaplu. Inkantalu. Imma l-attentati kollha tiegħi lanqas jibdew ma’ dal-oġġett maġiku. Inċedi. Nixgħel il-kamera ta’ quddiem u nippuntah lejna. Inħarsu lejna nfusna.

B’terminoloġija Lacanjana, nistgħu ngħidu li n-neputi għaddej mill-istage du miroir, l-Istadju tal-Mera, kunċett li jiddeskrivi kif il-persuna tistruttura l-ego minn proċess ta’ identifikazzjoni mal-immaġni tagħha stess. Ir-reġistru Immaġinarju hu d-dominju tal-ego, ikkonċernat bi kwistjonijiet ta’ identifikazzjoni, rivalità, qerq, u narċisiżmu. Fl-Immaġinarju teżisti wkoll l-illużjoni ta’ sħuħija, ta’ totalità. Bil-kunċett tal-Istadju tal-Mera, Jacques Lacan jispjega pass fundamentali fil-formazzjoni tas-suġġettività, fejn il-persuna tkun affaxxinata bl-immaġni tagħha, u l-illużjoni ta’ koerenza li ġġib magħha f’ġisem li, mill-bqija, jinħass kaotiku u mfarrak. F’Séminaire X, Lacan jgħid: “Il-mument jingħad li hu ġubilatorju fejn it-tifel, li jifhem lilu nnifsu fl-esperjenza inawgurali ta’ rikonoxximent fil-mera, jaċċetta lilu nnifsu bħala totalità li tiffunzjona bħala tali fl-immaġni spekulari tiegħu…” Biss, għax l-immaġni mhix reali, l-ego hu prodott ta’ interpretazzjoni ħażina (jew, kif jgħid Lacan, méconnaissance).

Mal-wasla tal-ismartphone, l-iskrin ħa post il-mera. Jekk tista’ tħoll għajnejk mill-iskrin tiegħek stess, ħares u ara dawk ta’ madwarek: mitlufin fl-iskrin anki hekk kif ikunu qed isuqu, waqt ix-xogħol, waqt l-ikel. Saħansitra waqt l-iktar mumenti intimi. F’artiklu riċenti, VICE rrappurtaw li persuna minn kull ħamsa tiċċekkja l-mobile anki waqt is-sess.

Fl-1967, Guy Debord ippubblika La Société du spectacle. Fih iddeskriva fenomenu soċjali fejn l-esperjenza li ngħixu tiddeġenera f’rappreżentazzjoni. L-ispettaklu, jgħid Debord, iqabbel is-soċjetà mal-apparenzi. L-ispettaklu mhux sempliċiment ġabra ta’ immaġnijiet: huwa relazzjoni soċjali immedjata mill-immaġnijiet. Debord hawn jibni fuq il-kunċetti Marxisti ta’ fetixiżmu tal-komoditajiet, reifikazzjoni, u aljenazzjoni — u jgħid li, filwaqt li l-ekonomija kapitalista l-ewwel bidlet il-valur inerenti tal-individwi mill-kewn għall-akkwist, l-ispettaklu kompla jnawwar dak il-valur: mill-akkwist għall-apparenza. F’Das Kapital, Marx jispjega kif aħna nipperċepixxu l-komoditajiet bħallikieku għandhom kwalità intrinsika li tissejjaħ “valur”; fir-realtà, il-“valur” jirrappreżenta l-ħin tax-xogħol meħtieġ biex jiġu prodotti — riflessjoni ta’ relazzjonijiet soċjali. Il-mod kif “jidhru” l-affarijiet taħt il-kapitaliżmu huwa “reali” peress li n-nies jaġixxu skont dawk l-apparenzi, iżda ma jirriflettux l-essenza sottostanti tal-oġġett. Debord jestendi dil-idea bl-argument li r-relazzjonijiet soċjali issa jieħdu l-forma ta’ relazzjonijiet bejn l-immaġnijiet. Dawn l-apparenzi, bħall-komoditajiet ta’ Marx, huma reali fl-effetti tagħhom fuq il-prattiki soċjali, imma biex nifhmuhom sew jeħtieġ li nanalizzawhom b’mod iktar profond.

Debord ma setax ibassar kemm il-kitba tiegħu kienet ħa tkun preċiza, iktar minn ħamsin sena wara li nkitbet, bħala analiżi tal-ispettaklu kontemporanju li ninsabu fih issa — spettaklu ta’ skrins, midja soċjali, stessi ffiltrati, u immaġnijiet imnisslin mill-IA. Is-sistema ekonomika li ngħixu fiha tissaħħaħ meta nkunu iżolati. Mill-mobiles għat-televixin, mill-karozzi għar-realtà virtwali, il-prodotti promossi mill-ispettaklu jservuh ukoll billi “dejjem jirrinforzaw il-kundizzjonijiet li jnisslu ‘folol solitarji’”. Bir-riżultat li aħna nsibu ruħna atomizzati, iktar solitarji u dipressi minn qatt qabel, infittxu dawn l-armi ta’ iżolazzjoni tal-massa għall-komunità u d-distrazzjoni. Il-kunċett ta’ privatizzazzjoni mobbli li kiteb fuqha Raymond Williams jirrifletti tendenza akbar li nindirizzaw il-bżonnijiet soċjali billi nużaw sistemi pprivatizzati u kkommodifikati. L-ismartphones, pereżempju, iwegħduna l-konnessjoni, imma jimmedjawha permezz ta’ networks li jikkommodifikaw l-interazzjonijiet, li jissostitwixxu rabtiet ġenwini bi skambji diġitali li jisfaxxaw fix-xejn. L-identitajiet tagħna jsiru marbutin ma’ dawn in-networks, u l-bżonnijiet tagħna jiġu ssodisfati mhux mir-rabtiet umani, iżda mir-rifuġju temporanju tal-interazzjonijiet diġitali.

Jekk il-valur ta’ persuna fi ħdan l-ispettaklu huwa ddettat mill-apparenzi, m’hemm ħadd li d-dehra tiegħu tikkmanda valur daqs iċ-ċelebrità, l-istilla. Dawn il-“vedettes, kif isejħilhom Debord, huma impjegati mill-ispettaklu biex jinkorporaw l-ideoloġiji tiegħu, jgħixu dik li tidher li hi ħajja ħielsa u awtonoma mimlija bil-premjijiet kollha ta’ aderenza ma’ sistema ekonomika li tigglorifika l-konsum: djar lussużi, karozzi għaljin, vaganzi, ilbies designer. Huma dawk li jwittu t-triq, pijunieri, innovaturi, sinjuri u sbieħ, li jagħmlu s-sess ma’ pijunieri sinjuri u sbieħ oħra, u d-drammi sensazzjonalizzati ta’ ħajjithom — is-suċċessi tagħhom, iż-żwiġijiet u l-iskappaturi tagħhom u d-divorzji u l-mard — jipprovduna b’għalf kostanti ta’ distrazzjoni mill-ħajja banali tagħna stess: mill-uġigħ tagħna, mill-inkwiet finanzjarju tagħna, mid-dwejjaq tagħna, u mill-miżerja imposta fuqna mill-istess sistema ekonomika li twegħedna l-ħelsien minnha. Dawn l-istilel jokkupaw il-ħsibijiet ta’ miljuni ta’ nies li qatt ma ltaqgħu magħhom, u l-eżistenza tagħhom lanqas biss teħtieġ li jkunu ħajjin — id-devozzjoni dejjiema tan-nies lejn ċelebritajiet bħal Elvis, John Lennon u Lady Di tfisser li, għall-inqas fi ħdan l-ispettaklu, huma għelbu l-mewt u x-xbihat tagħhom kisbu l-ħajja ta’ dejjem. Mhux diffiċli ħafna li tara għaliex kulħadd irid ikun famuż. U l-ispettaklu joffrilna l-possibbiltà ta’ mikroċelebrità — miżera, veru, imma forsi aħjar milli nintesew għal dejjem.

Anki Dylan Klebold u Eric Harris, li qatlu tnax minn sħabhom tal-klassi u wieħed mill-għalliema tagħhom f’Columbine High School f’April tal-1999, ħolmu li bl-att tagħhom jilħqu l-istilel. Fost l-affarijiet tagħhom li nstabu kien hemm videos li fihom iddiskutew kif se jibqgħu mfakkra wara mewthom. “Id-diretturi se jkunu qed jiġġieldu għaliha dil-istorja, qal Klebold. Tgħid, staqsew, ikun aħjar jekk jidderiġiha Spielberg? Jew Tarantino?

Fuq Facebook u bnadi oħra, il-kriminali jiksbu verżjoni ta’ fama billi jagħmlu xandira diretta tal-atti ta’ vjolenza tagħhom għal udjenza inviżibbli u remota. Minħabba l-auto-play utilizzata minn diversi pjattaformi tal-midja soċjali, kulħadd jista’ jsir xhud immedjat ta’ vjolenza estrema — kemm jekk irid u kemm jekk le. F’Novembru tal-2016, nies fuq l-internet kienu xhieda ta’ xandira live ta’ Anthony Gelia, raġel ta’ għoxrin sena minn Michigan, li xandar lilu nnifsu jidħol bil-forza f’dar u jispara lil Brittany Southwell, mara ta’ 26 sena, waqt li kienet qed iżżomm it-tarbija tagħha. F’Marzu tal-2019, Brenton Tarrant xandar live sbatax-il minuta tal-attakk tiegħu fuq il-Moskea Al Noor u ċ-Ċentru Iżlamiku Linwood fi Christchurch, New Zealand, fejn qatel 51 persuna waqt li kienu qed jattendu t-talb ta’ nhar ta’ Ġimgħa. Waqt li kien qed joqtol 49 persuna fin-nightclub Pulse f’Orlando, Florida f’Ġunju tal-2016, Omar Mateen iċċekkja l-feeds fuq Facebook biex jara jekk l-attakk tiegħu kienx sar virali.

Allura x’jagħmel lil “Martha”, l-istalker ta’ Richard Gadd, ċelebrità? Fis-serje, “Martha” tirradja l-periklu u l-imprevedibbiltà. Kollha kemm aħna rridu naraw x’se tagħmel, u għalhekk il-“veru” Martha kisbet il-fama. Filli mhi ħadd, filli saret stilla improbabbli. Kull episodju ta’ Baby Reindeer jibda bil-proklama li dak li se naraw hu “storja vera” — minkejja li huwa rakkont fittizju — u l-fans iridu li s-sensiela tibqa’ għaddejja billi joħolqu episodji ġodda għalihom infushom. “Inħoss li aħna lkoll parti mill-istaġun li jmiss, tikteb waħda mara f’kumment li tħalli fuq il-paġna ta’ Facebook ta’ “Martha”. L-ossessjoni tagħhom tissuġġerixxi erotiżmu miċħud. Fis-serje, il-protagonista jsib ruħu affaxxinat bl-imġiba u l-fiżikalità abbundanti u żienja ta “Martha”. Kemm minn dan l-istalking ta’ Martha jikxef fantasija inkonxja li din il-mara eċċessiva tistokja lilna? Dix-xewqa, li jekk iddardarlek l-istonku allura iktar u iktar vera, iġġegħelna nħossuna ħatja. Din il-ħtija rridu nsibu mod kif narawha tiġi assenjata mill-ġdid, biex nitbiegħdu minnha.

L-ispettaklu kif jaqbdek? Permezz tal-interpellazzjoni. Qed isejjaħlek minn kull skrin li tħares lejh. Huma r-reklami li jsejħulek f’kull mument ta’ kuljum: fuq bus-stops u billboards, fuq posters fil-metrò, il-pop-ups fil-browser tal-internet, in-newsletters fl-inbox, il-pawżiet kummerċjali fil-programmi televiżivi favoriti, ir-reklami mmirati fil-feeds tal-Youtube, tal-midja soċjali. Hija s-sensiela televiżiva li tibqa’ mqajjem sas-sagħtejn ta’ filgħodu taraha fuq il-laptop fis-sodda, l-artiklu li taqra fil-brejk, il-film ta’ Barbie li kkonvinċewk li kien intervent femminista, ir-reel li tara waqt li tkun fuq il-loki, dwar l-aħħar mazza li daħlet Love Island.

Louis Althusser introduċa l-kunċett tal-interpellazzjoni — il-mekkaniżmu li jikkostitwixxina bħala suġġetti mill-apparati ideoloġiċi tal-istat: bħal skejjel, pulizija, midja u gvern. Billi kontinwament jgħidulna x’aħna, aħna nispiċċaw nidentifikaw mal-klassi tagħna, mar-razza tagħna, mas-sess tagħna, u kategoriji oħra, u nitgħallmu nirrispondu għal dawn it-tikketti. Althusser jagħti allegorija biex jispjega l-kunċett: il-pulizija jgħajjat, “Int, hemm!”, u l-individwu jdur, u b’hekk isir suġġett billi jwieġeb għas-sejħa tal-pulizija.

Judith Butler ikomplu jiżviluppaw l-allegorija billi jirrimarkaw li meta s-suġġett iwieġeb għas-sejħa tal-pulizija, jaċċetta b’mod impliċitu t-termini li permezz tagħhom jiġi msejjaħ. Waqt li s-sejħa tal-pulizija hija akkuża, il-fatt li l-individwu jdur jimplika li jaċċetta li hu ħati. Fil-formazzjoni tas-suġġett, din is-sejħa loġikament tiġi wara l-Istadju tal-Mera li semmejt qabel, meta s-suġġett jiġi maqbud fl-Immaġinarju. Issa, ninsabu fir-reġistru Simboliku: id-dominju tal-liġi, tal-limiti u l-projbizzjonijiet. Meta jissejjaħ, is-suġġett jingħata identità, post minn fejn jitkellem — iżda biss permezz ta’ sottomissjoni lill-awtorità tal-liġi. Dan ifisser li biex isir suġġett, wieħed irid jaċċetta l-ħtija sottostanti li tippreċedi l-fehim jew il-konfront mal-liġi, li tpoġġi lill-individwu fi ħdan strutturi ta’ poter. L-att li wieħed jiġi msejjaħ hu att ta’ rikonoxximent, iżda dan iseħħ akkost li jċedi għal dawk l-istrutturi, li joħolqu l-identità billi jimmarkaw is-suġġett bl-obbligu tar-regoli li jiddefinixxu l-eżistenza fis-soċjetà. Butler jgħidu li dan il-proċess jimplika li s-suġġett irid kontinwament jipprova l-innoċenza tiegħu u l-aderenza mal-liġi, u jsaħħaħ l-identità tiegħu bħala leġittima fi ħdan l-ordni soċjali. Dan il-kunsens kontinwu jirrifletti kompliċità aktar profonda mal-awtorità, li tissuġġerixxi li x-xewqa għar-rikonoxximent u l-identità ġġiegħel lill-individwu jħaddan l-istess strutturi li jillimitawh. Il-formazzjoni tas-suġġett għalhekk tinvolvi paradoss: is-suġġett jikseb l-identità tiegħu permezz tal-validazzjoni tal-liġi, iżda sadanittant jintrabat mal-ħtiġijiet u l-projbizzjonijiet tal-liġi.

Il-ħtija u r-regħxa għandhom rwoli distinti fit-teorija psikanalitika. Il-ħtija toħroġ minn xewqa li hija inqas minn dak li s-soċjetà tistenna minnek. Fil-lingwa psikanalitika, is-soċjetà li tistenna minnek tissejjaħ le grand Autre, l-Ieħor il-kbir. Hija emozzjoni privata marbuta ma’ sens ta’ trażgressjoni. Min-naħa l-oħra, ir-regħxa tinħass meta ninsabu fil-ħarsa tal-Ieħor, imma mhux bilfors tkun marbuta ma’ xi falliment morali. Nistgħu nħossuna mriegħxa b’affarijiet li m’għandhom l-ebda kontenut morali, bħal li nkunu qosra, jew “koroh”, jew li m’aħniex kapaċi nżommu xogħol jew ma nirbħux xi kompetizzjoni. Filwaqt li l-ħtija ġġegħelna nħossuna li żbaljajna, ir-regħxa tolqtok fil-qalba ta’ min int. Madankollu, għalkemm dawn id-distinzjonijiet huma utli biex nifhmu l-esperjenzi psikoloġiċi, il-ħtija u r-regħxa ħafna drabi jitħalltu flimkien, u diffiċli tiddistingwihom.

“M’għadx hawn regħxa. Hekk jagħżel Lacan li jtemm is-seminar dwar il-psikanaliżi u l-ordni soċjali kontemporanja (Séminaire XVII). Xi jrid jgħid biha? Tradizzjonalment, iċ-ċivilizzazzjoni ddependiet fuq ir-regħxa, affett primarju li jiddefinixxi r-relazzjoni tal-individwu mal-Ieħor — il-ħarsa esterna tas-soċjetà; il-ħarsa li tiġġudika. B’referenza għal Sartre, Lacan jiddeskrivi mument li fih is-suġġett isir konxju tiegħu nnifsu bħala oġġett iġġudikat mill-Ieħor, bħal meta jinqabad fl-att huwa u jnemmes b’mod illeċitu minn ġo toqba tas-serratura. F’dan il-mument, is-suġġett jirrikonoxxi l-vulnerabbiltà u l-esponiment tiegħu stess u jesperjenza l-iskumdità profonda tal-fatt li hu oġġett li jidher fid-dinja, u li qed jiġi evalwat. Il-ħarsa ​​hija mekkaniżmu b’saħħtu li jnissel ir-regħxa u jikkundizzjona l-imġiba skont in-normi tas-soċjetà. Madankollu, id-dikjarazzjoni ta’ Lacan li “m’għadx hawn regħxa” tindika trasformazzjoni kulturali. L-att li wieħed iħares inbidel f’tip ġdid ta’ viżibbiltà. Is-suġġett tal-lum ma jistħix meta jinqabad f’att trażgressiv, anzi jidher li jieħu gost fit-tgawdija ta’ dal-att — fenomenu mmarkat mill-bidla għal soċjetà mmexxija mill-ispettakli fejn ir-reality TV u x-xandir ta’ mumenti privati jibdlu mumenti personali f’esperjenzi kondiviżi. Il-ħarsa m’għadx għandha s-setgħa li triegħex.

Hawn għadd ta’ eżempji ta’ nuqqas sfaċċat ta’ mistħija fil-kultura u s-soċjetà kontemporanja. Għandna biss niftakru d-dikjarazzjonijiet skandalużi li kien għamel il-President Donald Trump dwar il-“ħtiftal-ġenitali tan-nisa u l-attrazzjoni sesswali ċara tiegħu lejn bintu stess. Il-kummenti razzisti u Iżlamofobiċi tal-eks Prim Ministru tar-Renju Unit, Boris Johnson. L-affermazzjonijiet ta’ Andrew Tate li n-nisa huma proprjetà tal-irġiel u li l-vittmi tal-istupru għandhom iġorru r-responsabbiltà għall-vjolenza li ġarrbu huma stess. Is-suldati tal-IDF jiftaħru dwar id-delitti tagħhom fuq l-internet, jieħdu r-ritratti tagħhom infushom bil-ħwejjeġ ta’ taħt tan-nisa Palestinjani li jkunu qatlu. U l-massa enormi ta’ dikjarazzjonijiet oxxeni li drajna nisimgħu kull minuta tal-ġurnata minn fomm Trump — u Elon Musk u l-bqija tar-reġim il-ġdid — kemm ilu li reġa’ daħal fil-Whitehouse. Meta nħarsu lejn dawn l-eżempji, faċli nemmnu li r-regħxa spiċċat għalkollox.

Imma s-sitwazzjoni hija iktar ikkumplikata. Is-suldati tal-IDF ma jurux l-agħar delitti tagħhom. Ma jitkellmu xejn dwar ir-regħxa marbuta mal-atti ta’ qtil, sakemm mhux biex idawru d-diskors taparsi t-trawma hi tagħhom, u li huma l-vittmi — bħas-suldat li, meta ġie intervistat mis-CNN, qal li m’għadux kapaċi jiekol laħam, għax jiftakar f’kif kien għaffeġ lin-nies Palestinjani taħt bulldozer. Sadanittant, l-Iżrael jaħdem bis-sħiħ biex isikket lil kull min jikkritika dak li qed iseħħ f’Gaża — ir-rata li biha qed joqtol il-ġurnalisti f’Gaża hi bla preċedent. L-ewwel presidenza ta’ Trump u l-kariga ta’ Johnson kienu mmarkati minn movimenti li xandru regħxa kollettiva: il-protesti Black Lives Matter fl-Istati Uniti, pereżempju, u t-twaqqigħ tal-istatwa ta’ Edward Colston fi Bristol fl-Ingilterra. Ir-regħxa kollettiva tar-razziżmu, tal-vjolenza mill-pulizija, tal-wirt tal-iskjavitù, tal-vjolenza kolonjali.

Kieku m’għadniex kapaċi nħossu r-regħxa, kieku l-cancel culture m’għandhiex l-effett li għandha fil-kultura kontemporanja. Forsi mhux li m’għadx hemm regħxa u mistħija, imma li l-parametri nbidlu. Fil-kuntest ta’ dinja b’inqas projbizzjonijiet, qed nippruvaw nistabbilixxu limiti ġodda. Allura nduru għal nies bħal “Martha” bħala eżempji ta’ dak li m’għandux jiġi ttollerat. MailOnline, is-sit elettroniku tad-Daily Mail, huwa l-aktar sit popolari ta’ gazzetta bl-Ingliż fid-dinja. Din il-popolarità dovuta għall-hekk imsejħa “Sidebar of Shame”, parti tal-paġni ddedikata għall-iskrutinju tal-ħajja u l-iġsma kemm ta’ ċelebritajiet u kemm ta’ nies normali, li jipprovdi għalf bla tarf ta’ ġudizzji morali, li jappella għax-xewqa kollettiva tagħna li naraw il-konfini mfassla mill-ġdid. Nitgħaxxqu bl-ispettaklu tal-passi żbaljati, id-dehra, u l-ħajja privata tal-oħrajn; insibu s-serħan f’sens ta’ superjorità morali. Permezz ta’ dan ir-ritwal ta’ umiljazzjoni pubblika, noħolqu limiti ġodda u linji gwida għal imġiba aċċettabbli, billi naffermaw regoli soċjali li jinbidlu ma’ kull skandlu ġdid. Is-Sidebar of Shame jsir stadju modern fejn insaħħu l-hekk imsejħa valuri, billi nużaw l-esponiment ta’ ħaddieħor kemm bħala divertiment kif ukoll bħala opportunità biex nipproġettaw l-ansjetajiet u l-iskumditajiet tagħna. B’dan il-mod, ir-regħxa ma tiġix eliminata imma ridirezzjonata, u tagħtina naqra ta’ mistrieħ f’dinja dejjem aktar immarkata minn ambigwità morali.

Hemm industriji sħaħ li jagħmlu l-biljuni mir-regħxa tagħna. L-industrija ta’ kontra l-ħxuna, pereżempju; jew l-industrija li tbigħ prodotti li suppost iwaqqfu l-proċess tal-età. F’The Shame Machine, Cathy O’Neil titkellem dwar kif, fl-ewwel nofs tas-seklu għoxrin, id-dinja tal-kummerċ ħolqot insigurtà ġdida li kienet tinvolvi l-iġjene femminili u r-riħa vaġinali. Ir-reklami saħqu li l-irġiel kienu jitqallgħu bir-riħa tal-ġenitali tan-nisa tagħhom — u s-soluzzjoni kienet li n-nisa jieħdu doċċa bil-Lysol: diżinfettant li kien jintuża wkoll għat-tindif tat-tojlits. In-nisa li użaw il-prodott ġew assigurati mill-manifattur li ma kien ħa jagħmlilhom l-ebda ħsara. Iżda, fil-fatt, il-Lysol huwa perikoluż meta jagħmel kuntatt mal-ġilda, u speċjalment meta jintuża fuq membrani mukużi, bħall-għajnejn, il-ħalq, u l-ġenitali. In-nisa sofrew ħruq agonizzanti. Hemm minnhom mietu.

Fl-2020, Vagisil, kumpanija li tispeċjalizza fi prodotti li allegatament itaffu “ħakk, nixfa u riħa vaġinali”, nediet linja ta’ prodotti mmirata lejn bniet adolexxenti. OMV! kienet akkumpanjata minn kampanja fuq il-midja soċjali li ssuġġeriet li l-bniet x’aktarx li qed jesperjenzaw “period funk” — riħa li apparentament takkumpanja l-period. Għal din l-insigurtà li ħolqu huma stess, offrew wipes u ġellijiet li wiegħdu li, jekk tużahom, ħa jkollok il-vaġina riħa ta’ ġiżimin u manjolja. Fir-realtà, fuq il-ġenitali għandu biss jintuża l-ilma. Is-sapun u prodotti oħrajn jistgħu jisfrattaw l-ekosistema vaġinali, u jwasslu għal infezzjonijiet bħall-candida u l-vaġinożi batterika, li fil-fatt veru jistgħu jikkawżaw riħa tinten — u li mbagħad iwasslu għal aktar applikazzjoni ta’ dawn il-prodotti.

Forsi qed nużaw din il-mistħija mmanifatturata bħala mezz kif nistrieħu mill-piż tal-ħtija tagħna. U l-kapitaliżmu tas-sorveljanza japprofitta minn dan. L-algoritmi jiskopru affarijiet dwarna, minn fatti bażiċi — bħall-età, is-sess, u l-post fejn ngħixu — għal għarfien iktar profond ta’ preferenzi, imġiba, u l-vulnerabbiltajiet tagħna. Jiddeduċu l-interessi tagħna, il-fehmiet politiċi, l-istat ta’ saħħitna, u anki l-karatteristiċi tal-personalità billi janalizzaw id-drawwiet tal-ibbrawżjar u l-interazzjonijiet tal-midja soċjali. Apparat li jintlibes, bħal smartwatches u smart glasses, jiġbor informazzjoni dejjem iktar intima. L-algoritmi jistgħu jsiru jafu min hemm fiċ-ċrieki soċjali tagħna, ibassru l-avvenimenti ta’ ħajjitna, u jivvalutaw kif nonfqu flusna. Jidentifikaw il-burdati tagħna, l-indikaturi tas-saħħa mentali, u x-xejriet u d-drawwiet tagħna. Jikxfu preġudizzji, vizzji u vulnerabbiltajiet moħbija. Jafu dwar kif tinħass il-ħtija tagħna, u jafu jisfruttaw dan is-sentiment ġenerali ta’ ħtija billi jdawruh f’regħxa. Jista’ jkun li nippreferu nistħu dwar ir-riħa li għandna hemm isfel milli nikkonfrontaw il-ħtija li nħossu dwar is-sesswalità tagħna, bix-xewqiet u l-kumplikazzjonijiet kollha li ġġib magħha. Jew tabilħaqq il-ħtija bla isem, ħtija li wieħed ma jistax jifhem, jew li lanqas biss ikun konxju tagħha. Allura, filwaqt li tħossok ħati talli tixtieq lil xi ħadd li m’għandekx tixtiequ, tista’ sserraħ rasek li l-problema reali mhix li s-sess huwa inkwiet kull fejn jinsab, imma li int tinten hemm — u dak tista’ tixtri prodott għalih. Il-ħtija, li hija fenomenu nebuluż u arkan, tinbidel fir-regħxa permezz tal-iskjerament ta’ immaġni li tista’ tiġi vviżwalizzata, u għalhekk jista’ jinħoloq reklam ibbażat fuqha.

Issa għandna aċċess immedjat għal ammonti kbar ta’ informazzjoni, imma ma jfissirx li tgħallimna naħsbu. Minflok, kif jinnota James Bridle fi New Dark Age, “il-pluralità ta’ fehmiet u ideoloġiji aċċessibbli llum… mhux qed tipproduċi realtà ta’ kunsens koerenti, iżda waħda mxaqqa minn insistenza fundamentalista għal narrattivi simplistiċi, teoriji ta’ konfoffa, u politiki postfattwali.

Minħabba li l-verità ħafna drabi hija kkumplikata u tedjanti, ninfexxu f’realtajiet foloz, infittxu narrattivi li donnhom jispjegaw l-iskumdità li nħossu f’ħajjitna. Naomi Klein tikteb f’Doppelgänger li “t-teoristi ta’ konfoffa jġibu l-fatti ħżiena imma ħafna drabi s-sentimenti jġibuhom tajjeb… is-sentiment li kull miżerja umana qed japprofitta minnha xi ħadd ieħor. It-teoristi ta’ konfoffa jimmaġinaw xi jfisser li jkollok il-poter tad-dinja f’idejk: mikroċippi fil-vaċċini, kumpaniji tal-għamara bħala front għat-traffikar tan-nies, saħansitra anki fantasija fejn Hillary Clinton toqtol it-tfal b’mod ritwalistiku. Dawn donnhom stejjer minn xi film mimli żinnati, imma iktar ma jmur, iktar il-ħajja nnifisha tinħass bħal film. Gen Z, li qatt m’għexu lil hinn mid-dija tal-iskrin, jitkellmu dwar “is-sindromu tal-persunaġġ ewlieni”, u meta jieħdu xi deċiżjoni, jgħidu li qed jagħmluha “għall-plott”. Inħossu li qed niġu osservati dejjem iktar u iktar; li ħajjitna disponibbli għal udjenza inviżibbli li forsi ma tridx tarana niffjorixxu.

Qatt ma konna osservati daqskemm aħna osservati llum. Biss biss, f’Londra, fejn ngħix jien, hawn qrib il-miljun kamera tas-CCTV. Iż-żieda fil-popolarità tal-kameras li jitwaħħlu mal-bibien ta’ barra tad-djar tfisser li persuna li tkun għaddejja mill-belt x’aktarx li tinqabad fuq kamera mijiet ta’ drabi kuljum. Qed niġu ssorveljati b’diversi modi. It-tranżazzjonijiet finanzjarji jiġu rrekordjati. Is-smart TVs iżommu rekord tal-programmi u l-films li naraw u li nfittxu. Anki l-konverżazzjonijiet tagħna jirrekordjaw. Il-mobiles jiġbru l-informazzjoni fuqna kull darba li naqbduhom b’idejna. Għandhom aċċess għal kull ritratt li nieħdu. Skont liema servizzi nużaw, għandhom aċċess għall-emails u l-konverżazzjonijiet privati ​​tagħna. Jafu fejn ninsabu, ma’ min qed niltaqgħu, fejn ngħixu, ma’ min ngħixu, xi nħobbu nieklu, liema mużika nisimgħu, il-mistoqsijiet li nsaqsu, għal min nivvutaw, x’tip ta’ pornografija naraw, x’nittamaw mill-ħajja, minn xiex nibżgħu. Jafu iktar dwarna milli nafu dwarna nfusna. Xi kultant, anki jafu xi nkunu se nagħmlu qabel ma nagħmluh.

Ħafna minna nqattgħu ammont sostanzjali ta’ ħin kuljum nagħmlu dak li Mark Andrejevic isejjaħ “ix-xogħol ta’ li niġu osservati”: nirrekordjaw il-videos u nieħdu r-ritratti biex intellgħuhom fuq TikTok u Instagram, nistiednu lid-dinja ġo darna; saħansitra fil-kamra tas-sodda tagħna. Norganizzaw stampi li jogħġbuna f’albums fuq Pinterest, nagħmlu like hawn u like hemm. Qalb roża tleqq tidher fuq l-iskrin biex tirrikonoxxi l-feedback tagħna, u dik l-informazzjoni tmur direttament lil dawk li verament qed josservawna — dawk li japprofittaw mid-data tagħna. Kif jgħid Andrejevic: “L-ispettaturi u l-konsumaturi huma mistiedna jissuġġettaw lilhom infushom għal forom ta’ interattività li jimmonitorjaw l-imġiba tagħhom bil-wegħda li din l-interattività toffri żbokk għal awtoespressjoni kreattiva. Ma’ kull like u share, nibilgħu l-illużjoni li qed nesprimu l-individwalità tagħna u nsinnu l-identità unika tagħna. Fil-verità qed naħdmu b’xejn, u l-prodott li qed nipproduċu hu d-doppju informatiku tagħna stess: il-profil tad-data diġitali tagħna nfusna bbażat fuq l-imġiba aggregata tagħna online — “doppelgänger” ikkurat li huwa u mhuwiex min aħna, bħalma tispjega Klein. Il-jien innifsi imma diġitali, mibni biex jirrappreżentana fid-dinja virtwali u fl-ekonomija tal-attenzjoni, fejn irridu nibbrandjaw lilna nfusna biex inkunu viżibbli. Biex immantnu din l-identità virtwali, nagħmlu bħal separazzjoni tagħna nfusna billi nenfasizzaw biss il-partijiet li jikkonformaw mal-immaġni mixtieqa, filwaqt li nipproġettaw dak li hu abjett fuq ħaddieħor — il-“problematiku”, il-“mhux jien” li jsaħħaħ il-fruntieri ta’ min nemmnu li aħna. Dan id-doppju informatiku joħloq minn kull wieħed u waħda minna oġġett, li jista’ jiġi mmonitorjat, ikkontrollat, mibjugħ, miżmum doċili u — iktar ma nsaħħu d-dettall bl-attività tagħna online — oġġett li l-imġiba u x-xewqiet tiegħu jistgħu jiġu mbassra bi preċiżjoni dejjem tiżdied. Jekk din tinstema’ qisha xi fantasija paranojka, jeħtieġ li nħarsu lejn il-provinċja ta’ Salta, fl-Arġentina, fejn fl-2018 il-Ministeru tat-Tfulija Bikrija ngħaqad ma’ Microsoft biex jiżviluppa sistema algoritmika biex tbassar it-tqala fost l-adolexxenti, imsejħa l-Pjattaforma tat-Teknoloġija għall-Intervent Soċjali.

Bit-teknoloġija tista’ tipprevedi ħames jew sitt snin minn qabel, bl-isem, il-kunjom, u l-indirizz, liema tfajla hija 86% predestinata li jkollha tqala adolexxenti, qal Juan Manuel Urtubey, dak iż-żmien gvernatur tal-provinċja, waqt li ħabbar l-iskema fuq it-televixin. Ma qalx x’se jiġri minn dawk it-tfajliet li nstabu li x’aktarx joħorġu tqal, jew x’miżuri se jittieħdu mill-istat biex jipprevjenu dawk l-okkorrenzi ta’ tqala. Il-bniet li qed jiġu mmonitorjati kellhom xi affarijiet inkomuni, madankollu: kienu foqra, u xi wħud kienu migranti filwaqt li oħrajn kienu minn komunitajiet Indiġeni. Dan kollu f’pajjiż b’rekord ikrah ta’ ġenoċidju kontra nies Indiġeni, u ta’ kontroll politiku vjolenti kontra n-nisa u dawk li ma jaqblux mal-istat.

Bil-miġja tar-reality TV, is-sorveljanza ġiet trasformata f’forma ta’ divertiment li nnormalizzat l-att ta’ li tiġi osservat. Billi s-sorveljanza ġiet ippreżentata bħala esperjenza eċitanti, li ma tagħmilx ħsara, u anki ta’ aspirazzjoni, programmi bħal Big Brother għenu biex iwittu t-triq għal soċjetà fejn is-sorveljanza high-tech mhux biss tiġi aċċettata iżda mħaddna b’mod attiv. Big Brother, li fil-kitba ta’ George Orwell kien twissija kontra stat ta’ sorveljanza, issa nbidel f’ikona tal-kultura — u jservi bħala reklam għall-kapitaliżmu ta’ sorveljanza fejn it-traċċar tan-nies u l-ġbir tad-data tagħna, taparsi mhuma xejn ħlief karatteristiċi innokwi tal-ħajja moderna. Dak li beda bħala esperiment televiżiv evolva f’għodda ta’ persważjoni pubblika, li tpinġi s-sorveljanza bħala preżenza li tridlek il-ġid aktar milli theddida. Din il-bidla stabbilixxiet il-pedament għal dinja fejn aħna nissottomettu b’mod volontarju għal traċċar diġitali, u nkunu kkumpensati bid-divertiment, il-konvenjenza, u s-sens ta’ konnessjoni.

L-appell (tar-reality TV) huwa wieħed riflessivament konsapevoli u joffri ħarsa demistifikanti minn wara l-kwinti lejn l-ispettaklu bħala l-aktar spettaklu riċenti, jikteb Andrejevic. Din l-attitudni ċinika u konxja tagħha nnifisha hi emblematika tal-postmoderniżmu, kif jiddeskriviha t-teorista politiku Fredric Jameson — kultura li tieħu sodisfazzjon mill-għarfien tal-impotenza tagħha stess. Ir-reality TV jappella għax-xettiċiżmu tagħna billi jiżvela l-kostruzzjoni tiegħu stess; jiżvela kif l-industrija tal-kultura tfassal id-dehriet, l-istejjer, u d-drama, u jistedinna nkunu parti minn dil-logħba. Madankollu, din l-attitudni ta’ konsapevolezza akuta sservi inqas biex tisfida l-artifiċju milli biex tipproteġih: billi jurina l-makkinarju wara l-illużjoni, ir-reality TV iserraħna anki waqt li jimmanipulana, u jżommna impenjati bl-istess spettaklu li taparsi qed jikkritika. Nistgħu ngħidu li r-reality TV jinkorpora dan il-paradoss: ir-“realtà” li joffri hi mibnija fuq plotts ivvintati, identitajiet diżonesti, u kunflitti foloz — u madankollu, minħabba li jesponi dan il-qerq, jinħass iktar awtentiku. Din l-istrateġija tippermetti lit-telespettaturi jħossuhom perċettivi, konxji tal-falsità tal-ispettaklu, anki jekk jibqgħu investiti fih. Għalhekk, l-ispettaklu jipperpetwa l-kultura ta’ sorveljanza u voyeuriżmu, u jsaħħaħ sistema fejn id-divertiment joffri biss l-illużjoni ta’ trasparenza u kontroll. Kif tikteb Klein, dan l-ispettaklu jirrappreżenta bidla kulturali usa’: gwerra kontra s-sinifikat fejn xejn mhu ankrat u kollox jista’ jinqata’ mill-kuntest oriġinali tiegħu. Ir-realtà titneżża’ mill-profondità, u l-uniċi difiżi li jifdlilna huma l-ironija u d-distakk. Dan id-distakk iwassalna biex naċċettaw dinja fejn kuljum niskrolljaw “non sequitur tal-midja soċjali” — baħar ta’ kontenut bla tarf u skonnettjat li jtarraxna għal kwistjonijiet reali. “Jekk xejn ma jfisser xejn, twissi Klein, “kollox hu possibbli, u r-realtà ssir malleabbli, iffurmata mill-ġdid skont ir-rieda.

In-nies issa saħansitra jattakkaw profili foloz ta’ Martha fuq Facebook, u jobżqu l-velenu fuq il-fantażmi għax, fid-dinja tas-simulakra, ir-realtà nnifisha m’għadhiex tgħodd.

Din il-gwerra kontra s-sinifikat dehret b’mod ċar meta Elon Musk tela’ fuq il-palk waqt l-inawgurazzjoni ta’ Trump f’Jannar ta’ dis-sena, u għolla idu f’ġest Nażista — darbtejn! — waqt li qal li l-folla kienet “assigurat il-futur taċ-ċiviltà” billi vvutat għal Trump. Fil-jiem ta’ wara, Musk tkellem waqt rally tal-Alternative für Deutschland, partit Ġermaniż tal-lemin estrem, u għamel ċajt Nażist fuq il-kont tiegħu fuq is-sit X. Minkejja li dawn l-atti evokaw il-faxxiżmu b’mod sfaċċat, il-midja soċjali kienet mimlija nies jippruvaw jiċħdu dan is-sinifikat — illustrazzjoni inkwetanti ta’ kif l-offuskazzjoni tas-sinifikat tista’ sservi għan politiku. Billi jinsisti li xejn mhu ċert u xejn mhu fiss, l-ispettaklu jippromovi distakk u ċiniżmu li jħalluna vulnerabbli u suġġettibbli għal kwalunkwe narrattiva. Hekk, insiru aljenati, u nibqgħu maqbuda f’ċiklu fejn induru lejn l-ispettaklu għall-validazzjoni, u l-ispettaklu iktar jikkonfondina.

Din il-kultura ta’ distakk u spettaklu nistgħu narawha wkoll fil-ġeneru ultrapopolari tat-true crime, u f’dik li Andrejevic issejjaħ “il-kultura tad-ditektivs”. Din għandha l-għeruq fil-forom bikrin tat-true crime, b’sensiliet bħal Crimewatch tal-BBC, fejn l-udjenzi kienu mistidnin jikkontribwixxu biex jgħinu fl-investigazzjonijiet veri tal-pulizija. Illum, jinteressana inqas li naraw ir-reat solvut, u iktar li nagħmluha aħna tad-ditektiv. Crimewatch kien notevoli mhux biss għall-effettività tiegħu — wieħed minn kull ħames każijiet li ntwerew fuq il-programm allegatament spiċċaw f’kundanna — iżda għat-trawwim ta’ sens ta’ dmir pubbliku għall-ġustizzja. Sal-2017, madankollu, il-programm kien ġie kkanċellat minħabba li n-numru ta’ telespettaturi kien naqas sew: hekk kif żdiedu l-pjattaformi tal-istreaming, li offrew lill-udjenzi l-opportunità li jibbinġjaw programmi tat-true crime skont l-iskeda tagħhom personali, u mbagħad jitilgħu fuq il-pjattaformi diġitali biex jiflu kull dettall.

Issa għandna diskussjonijiet fuq il-midja soċjali, teoriji u threads bla tmiem fuq Reddit, videos fuq Tiktok, u diskorsi fuq Facebook u X, fejn l-udjenzi jagħmluha ta’ ditektiv mis-salott tagħhom stess, jiskrutinizzaw id-delitti mill-iskrins tagħhom. Din ilbidla tirrifletti ingaġġament performattiv, fejn it-telespettaturi m’għadhomx biss konsumaturi tal-kontenut iżda parteċipanti f’logħba bla tarf ta’ Cluedo. Il-kriminalità saret saff ieħor tal-ispettaklu, fejn l-agħar terruri tad-dinja jsiru divertiment, u r-rwol tad-ditektiv jiġi bħal forma ġdida ta’ identità. Minflok ma jsibu ġustizzja reali, it-telespettaturi jintwerew spettaklu ta’ ġustizzja, li jisfrutta l-ġuħ kulturali kemm għall-voyeuriżmu, kif ukoll għall-kontroll. B’dal-mod, il-kultura tad-ditektivs tirrifletti l-kultura tas-sorveljanza: it-tnejn jistidnuna nosservaw, nanalizzaw, u nħossuna involuti — filwaqt li fl-aħħar mill-aħħar iżommuna marbutin mal-ispettaklu, maqtugħin minn bidla jew riżoluzzjoni ġenwina.

Din il-kultura kompliet tissaħħaħ bil-fenomenu ta’ investigaturi DIY li jiffissaw f’kull delitt — u saħansitra anki fl-identitajiet tan-nies. Hawn l-hekk imsejħa “travestigaturi” li jiddedikaw ħinhom biex jiskopru liema ċelebritajiet huma segretament trans. Wara t-traġedja li seħħet fl-iskola elementari f’Sandy Hook, Connecticut, fejn fl-2012 żagħżugħ ta’ għoxrin sena qatel 26 persuna, għoxrin minnhom tfal żgħar, dawn l-investigaturi DIY iffullaw biex “jikxfu l-verità” — għax kienu konvinti li l-massakru kien manifatturat. Dan hu prodott ta’ dinja fejn ir-realtà nnifisha saret suspettuża. Minflok irawmu inkjesta ġenwina, dawn l-“investigazzjonijiet” DIY jgħawġu l-fatti u jimmanifatturaw saffi ġodda ta’ qerq, li jikkonvertu tbatija reali fi spettaklu għall-konsum diġitali. Hawnhekk, il-“gwerra fuq is-sinifikat” ta’ Klein narawha bis-sħiħ: kull storja u kull persuna hi evidenza potenzjali għal xi plott xellerat. Dan ibiddel l-avvenimenti traġiċi u l-ħajjiet personali f’ħaġa moħġaġa li trid tiġi solvuta, u b’hekk iddur ir-rota tal-ekonomija mibnija fuq il-clicks u l-ingaġġament diġitali; fejn ir-realtà kontinwament magħmula mill-ġdid biex taqbel mal-loġika konspiratorja.

Dawn l-ispettakli jagħmluna kompliċi, u jkomplu jgħarrquna fil-ħtija. Insegwu dawn id-drammi, mit-true crime sat-teoriji ta’ konfoffa u l-investigazzjonijiet DIY, u nsiru parti mill-makkinarju tagħhom. Baby Reindeer jirrifletti sew din id-dinamika: l-istorja ta’ Richard Gadd tesplora l-involviment ikkumplikat tiegħu stess mal-istalker tiegħu, Martha, iżda wkoll tagħna l-udjenza, kompliċi fl-esponiment pubbliku tagħha. Inħossuna ġusti, saħansitra superjuri, bħallikieku qed “nieħdu pożizzjoni kontra l-​istalking; imma nsiru stalkers aħna wkoll.

Il-kultura ta’ investigazzjonijiet DIY u umiljazzjoni pubblika tibdel il-ħtija minn emozzjoni privata għal prestazzjoni pubblika. Fuq l-internet, il-ħtija ssir kwistjoni inqas ta’ trażgressjoni personali u iktar ta’ ġudizzju amministrattiv — immaniġġjat mill-kollettiv li jiddeċiedi min jistħoqqlu kastig. Billi nieħdu sehem f’dawn l-ispettakli, nipparteċipaw f’sistema li tikkapitalizza fuq il-ħtija, fejn il-kompliċità tagħna hi assikurata permezz tal-ġudizzju morali, kondiviż mal-bqija tas-soċjetà. Hekk, il-ħtija ssir inkorporata fin-nisġa istituzzjonali u soċjali, biċċa ċentrali tal-ekonomija libidinali li tgħaqqad in-nies flimkien — bħal fi struttura tal-familja, fejn il-ħtija tinforza l-konformità u d-dominanza.

Din il-kultura ta’ sorveljanza u ħtija żviluppat fl-istess żmien ta’ aċċellerazzjoni tal-kapitaliżmu finanzjarju u d-dejn tal-massa, u ħolqot soċjetà fejn il-ħtija u d-dipendenza ekonomika jimxu id f’id. Hekk kif id-dejn iżomm lill-individwi maqbudin fis-sistema finanzjarja, il-ħtija żżomm il-kontroll soċjali, u żżomm ir-relazzjonijiet tal-poter intatti. Aħseb, pereżempju, fil-ħtija li tħoss meta ċċempel sick ix-xogħol, anki meta tkun veru marida: din il-ħtija tafferma b’mod sottili d-dominanza ta’ min iħaddmek.

Din l-istruttura tirrikjedi sagrifiċċji regolari — il-bdabad tal-espjazzjoni magħżulin biex jassorbu l-ħtija komunitarja. Billi nimxu minn skandlu għall-ieħor, insibu serħan temporanju, eżorċiżmu morali li jħalli s-sistema taħdem. Dawn is-sagrifiċċji jippermettulna nisfugaw il-ħtija tagħna fuq individwi jew gruppi, waqt li jistabbilizzaw is-sens kollettiv ta’ ordni morali u jsaħħu l-istrutturi ta’ sorveljanza, ġudizzju, u poter li jżommuna mxekkla mal-ispettaklu.

Il-Big Brother ta’ Orwell evolva f’xi ħaġa iktar insidjuża: il-pubbliku nnifsu. Issa, il-ħarsa ​​hi kollettiva; m’għadhiex osservatur wieħed imma l-għajnejn imxerrda tal-ispettaturi — l-Ieħor il-kbir ifframmentat u li jgawdi — jiċċajta, jiċċaċċra, jiġġudika, u joffri mħabba miżera permezz ta’ likes, shares, u retweets. Din mhix imħabba sigura u dejjiema; hi validazzjoni instabbli, approvazzjoni li ġġiegħlek tistinka kontinwament għar-rilevanza, timbuttak biex tadotta l-aħħar moda, tesprimi opinjonijiet fuq il-palk dinji diġitali, u tinkorpora kwalunkwe virtù jew vizzju skont xi jkun in voga. Li tkun maħbub f’dan l-ambjent ifisser li trid tkun dejjem adattabbli, tkun taf il-kodiċijiet, u twettaqhom tajjeb. Trid tkun brat. Trid tkun demure. Trid tkun skibidi.

Din il-kultura performattiva torbot direttament ma’ modi oħra ta’ konsum. Il-fast fashion, pereżempju. Ħaddiema pajjiżi ’l  bogħod minn hawn jaħdmu biex jipproduċu ħwejjeġ perpura li jispiċċaw mormija malli tasal il-moda li jmiss. L-istess, nies li darba ġibdu l-ħarsa pubblika, bħal Martha f’Baby Reindeer, jintremew fir-radam kulturali hekk kif jaslu l-għajb jew l-ossessjoni li jmiss. F’dinja fejn l-attenzjoni hija l-munita l-iktar siewja, l-individwi huma kkunsmati, iġġudikati u mormija bl-istess insensittività daqslikieku kienu xi mini-skirt tal-polyester.

Għalkemm ir-rabta bejn il-ħtija u d-dejn hija waħda qadima, fl-ideoloġija kapitalista dawn jitħabblu b’mod iktar komplet minn qatt qabel. Ilkoll nirtu dejn eżistenzjali — aħna midjunin lejn il-ġenituri tagħna, lejn l-antenati tagħna, lejn l-ordni simbolika li tippreċedina: il-lingwa u s-sistemi ta’ sinifikat li jagħtuna postna fid-dinja. Nitwieldu b’dejn li qatt ma nistgħu nħallsu lura bis-sħiħ. Biss, illum jgħidulna li l-uniku dejn li għandna huwa flus.

F’Heroes: Mass Murder and Suicide, Franco “Bifo” Berardi jgħid hekk: “Id-dejn sar speċi ta’ saħta metafiżika. Fi ħdan dan id-dejn metafiżiku, il-flus, il-lingwa u l-ħtija huma kollha marbutin flimkien. Id-dejn huwa l-ħtija, u bħala ħtija qed jidħol fid-dominju tal-inkonxju, fejn il-flus jittraduċu l-oġġetti kollha f’xulxin. F’din l-iskema, li tkun midjun ifisser li tkun ħati, u l-loġika mifruxa tal-kapitaliżmu finanzjarju tittraduċi r-relazzjonijiet u l-obbligi kollha b’lingwaġġ ta’ skambju tranżazzjonali. L-għajta familjari ta’ “jien ma nafek xejn” — m’iniex midjun miegħek — saret il-mantra kulturali tagħna, il-ġustifikazzjoni biex nittrattaw lil ħaddieħor b’distakk, anki b’moħqrija. Din l-ideoloġija tfassal mill-ġdid ir-relazzjonijiet soċjali ordinarji bħala “xogħol emozzjonali”, u tpinġi l-kompassjoni u l-empatija bħala tensjonijiet bla bżonn. L-egoiżmu issa jsir “self care”, u aħna mħeġġa neħilsu minn kull min ma jserviniex; biex inneħħu minn ħajjitna lil dawk li mhux se jgħinuna nimxu ’l  quddiem. Dil-mentalità korrużiva tittrasforma r-relazzjonijiet umani fi tranżazzjonijiet, fejn il-familja biss jistħoqqilha l-lealtà tagħna (u ġieli lanqas il-familja). L-idea li aħna obbligati nieħdu ħsieb anki lill-barrani ssir skandaluża, antitetika għan-narrattiva neoliberali li tqabbel il-valur soċjali mal-utilità.

Allura hemm xi risposta xierqa għal dan il-kjass ta’ Baby Reindeer? Kif nistgħu ninħelsu mill-binarju tal-ħtija u l-innoċenza li n-neoliberaliżmu jisfrutta b’mod tant effettiv? Fil-pajsaġġ neoliberali, kif jargumenta Berardi, is-soċjetà m’għadhiex tirrikonoxxi kategoriji bħal ħaddiema u kapitalisti jew sfruttaturi u sfruttati. Minflok, nibqgħu b’dikotomija brutali ta’ “rebbieħa” u “telliefa”, iffurmata mill-kunċett ta’ għażla naturali. Din il-filosofija, adattata għall-kompetizzjoni fis-suq, infiltrat kull relazzjoni soċjali, billi tiddikjara li jekk int b’saħħtek u intelliġenti, tirnexxi; u jekk ma tirnexxix, ħaqqek id-destin tiegħek. Biex ninħelsu minn din is-sistema, irridu nimmaġinaw mill-ġdid xi jfisser li nagħmlu għażliet morali. Kant qal li l-moralità vera nikkonfrontawha meta nkunu ffaċċjati b’għażliet impossibbli — mumenti fejn m’hemmx tweġiba ċara “tajba” jew “ħażina”. F’dawn il-mumenti, aħna mġiegħla nikkonfrontaw il-limiti taċ-ċertezzi etiċi tagħna, il-postijiet fejn il-liġi tonqos milli tiggwidana b’mod sinifikanti. Mumenti bħal dawn jirrikjedu deċiżjonijiet radikali u suġġettivi, bħal meta nistaqsu jekk liġi li tikkriminalizza lin-nies kwir jew lin-nisa tistax qatt tkun verament morali. Il-moralità, allura, mhix meta nsegwu regoli stabbiliti iżda meta ninnavigaw dak li mhux magħruf; fejn irridu naġixxu minn sens ta’ integrità personali iktar milli sempliċiment nikkonformaw.

Minflok nistaqsu, “Kif nista’ nkun tajba?” nistgħu nistaqsu, “Kif nista’ nkun ħielsa?” Kif tosserva l-psikanalista Jamieson Webster, in-nies illum spiss ikunu iktar interessati li jieħdu “d-deċiżjoni t-tajba” milli li jiskopru verament dak li jixtiequ jew jeħtieġu. Influwenzati minn Instagram, TikTok, u l-midja tas-self-help, spiċċajna biex naraw il-moralità bħala sett ta’ għażliet performattivi iktar milli niġru wara l-libertà personali. Iżda hekk kif Webster u l-kollegi tagħha josservaw fil-klinika, din il-fissazzjoni fuq it-“tajjeb” ma twassal imkien — li tevita l-mistoqsija iktar profonda, iktar inkwetanti tax-xewqa. Il-libertà vera titlob li nitħabtu max-xewqa tagħna bħala boxxla, li tiggwidana nagħmlu l-għażliet li l-ebda script soċjali ma jista’ jwieġeb.

U r-regħxa tista’ qatt titqies virtù? Jekk inħarsu lejha mhux bħala għodda għall-kontroll iżda bħala mera għall-etika kollettiva tagħna, niftħu l-possibbiltà għal trasformazzjoni ġenwina. Immaġina regħxa li tqanqalna biex naġixxu mhux b’ġudizzju iżda b’solidarjetà — regħxa li ġġegħelna nikkonfrontaw il-kompliċità tagħna fil-ħsara sistemika u tispirana biex nimxu kontra l-ġenoċidju, l-inġustizzja fil-klima, il-brutalità tal-pulizija, jew ir-razziżmu. Din ir-regħxa hi differenti minn dik punittiva tal-kapitaliżmu tas-sorveljanza, li sempliċiment isaħħaħ l-istatus quo; hi regħxa mwielda minn responsabbiltà kondiviża għad-dinja li qed insawru, rikonoxximent li aħna lkoll magħqudin fid-destin ta’ xulxin. Regħxa immaġinata mill-ġdid tista’ tkun katalist biex ninqatgħu mill-binarju ta’ rebbieħa/telliefa u nżarmaw il-ġibda li għandu l-ispettaklu fuqna. Din hi regħxa li tgħaqqadna flimkien iktar milli tiżolana — tħeġġiġna lejn dinja fejn il-libertà hija possibbli, fejn l-għażliet tagħna mhumiex marbutin ma’ ġudizzju superfiċjali iżda infurmati minn empatija, xewqa, u sens ta’ konnessjoni ma’ ħutna bnedmin. Jekk inħarsu lejn ir-regħxa b’mod ġdid bħala stedina għal-libertà, nistgħu nsibu ħruġ miċ-ċiklu tas-sorveljanza u lejn umanità ġenwinament liberata u kollettiva .

The Shame Machine: Who profits in the new age of humiliation ta’ Cathy O’Neil huwa pubblikazzjoni Crown, 2022. Doppelgänger: A trip Into the mirror world ta’ Naomi Klein huwa pubblikazzjoni Allen Lane, 2023. Why Can’t We Sleep? ta’ Darian Leader huwa pubblikazzjoni Penguin, 2019. La Société du Spectacle ta’ Guy Debord huwa pubblikazzjoni Buchet-Chastel, 1967. Traduzzjoni bl-Ingliż hija disponibbli online. Fl-1973, Debord idderieġa film ibbażat fuq il-ktieb tiegħu. Diversi stills minn dal-film qed jintużaw għall-pubbliċità ta’ dan l-esej. Heroes: Mass Murder and Suicide ta’ Franco “Bifo” Berardi huwa pubblikazzjoni Verso, 2015. Das Kapital: Kritik der politischen Ökonomie ta’ Karl Marx kien ippubblikat minn Otto Meisner, 1867. Huwa tradott f’bosta lingwi u disponibbli online bil-Ġermaniż, bil-Franċiż, bl-Ingliż, eċċ. New Dark Age: Technology and the End of the Future ta’ James Bridle huwa pubblikazzjoni Verso, 2018. Séminaire X: L’angoisse ta’ Jacques Lacan huwa pubblikazzjoni Éditions du Seuil, 2004. Séminaire XVII: L’envers de la psychanalyse ta’ Jacques Lacan huwa pubblikazzjoni Éditions du Seuil, 1991. Jien użajt it-traduzzjonijiet bl-Ingliż, Anxiety, traduzzjoni ta’ A.R. Price (Polity, 2014) u The Other Side of Psychoanalysis, traduzzjoni ta’ R. Grigg (Norton, 2007).

Dekorazzjoni art-nouveau