L-Isptar Boffa jibqa’ joffrili taħlita ta’ emozzjonijiet. Jogħġbuni l-inħawi fejn jinsab, mgħaddas bejn il-Furjana u l-Belt. Il-Furjana nħobbha għax fiha għadd sabiħ ta’ ġonna: imdeffsa fis-swar jew mistrieħa fuqhom, f’nofs triq li tieħdok lejn il-Belt jew tniżżlek ’l isfel minn mat-triq għal ħdejn il-baħar. Tibqa’ waħda mill-iktar sensazzjonijiet ħelwin jien u dieħla mill-grada u mmidd riġlejja f’wieħed minn dawn l-ambjenti antiki u kwieti; il-ġnien tal-Milorda, il-Ġnien tal-Ġeneral, l-Argotti, il-Mall fejn tinsiehom l-irwejjaħ tal-egżost u l-leħħiet tal-metall tiela’ blokok ħoxnin qishom saba’ tan-nofs jibgħat ’il kulħadd jixxejjer. L-Isptar Boffa qiegħed hemm ukoll. L-aħħar li ntuża dan l-isptar kien ħames snin ilu, fi żmien il-Covid. In-nies kienu jmorru jieħdu l-vaċċin kontra l-virus imbagħad lura d-dar forsi moħħhom mistrieħ iktar li issa armati sa snienhom kontra l-mard u li mhu se jiġrilhom xejn. Qabel dan iż-żmien, l-Isptar Boffa kien magħruf bħala l-post li fih jidħlu n-nies morda bil-kanċer bi ftit tama ggranfata ma’ xagħarhom u li mbagħad, iktar iva milli le, ma jerġgħux joħorġu. Illum, fih m’għadu jmut ħadd. Bini mitluq u kkundannat.
Kelma taf iġġorr magħha tagħbija goffa ta’ implikazzjonijiet. Il-frażi “qiegħed Boffa” jew “qiegħda Boffa” hija ewfemiżmu mlissen kemm kemm jinstema’ u warajh spiss jaqa’ skiet waħxi u l-ħars ikun vag għax l-implikazzjoni hija spjetata u tbeżża’. Illum, l-Isptar Boffa forsi m’għadx għandu l-istess konnotazzjonijiet u l-kelma kanċer drajna nisimgħuha iktar. Forsi meta l-kliem jitneżża’ mill-ewfemiżmi u jingħad, xorta bi tferfira tal-qalb imma b’wiċċ minn quddiem, tifhmu iktar u tibża’ ftit inqas ukoll. Jibqa’ l-fatt li l-Isptar Boffa, bejn il-mard terminali u bejn il-vaċċini kontra l-Covid, għad għandu dak il-velu sewdieni ta’ diqa u malinkonija mdawwar ma’ ismu.
Fil-poeżija “Bejn ġirja u mixja” li ppubblikajt fl-ewwel ġabra ta’ poeżiji tiegħi, Sekonda qabel tqum, insemmi żjara li għamilt ’il missieri l-Isptar Boffa. Kien Marzu tas-sena 2007. Kien qiegħed hemm biex jagħmlulu trasfużjoni tad-demm. Kellu kanċer fil-frixa u bil-kimoterapija rnexxielu jkampa sena u disa’ xhur. Imissni ngħid irnexxielu jgħix minflok ikampa. Wara d-dijanjosi krudili f’Novembru tal-2005 ddeċieda li t-tbissima ma jarmihiex. Minkejja d-dell kbir imdendel fuqna u li konna nafu li ma nistgħux neħilsu minnu, missieri għex sena u disa’ xhur u, tneħħi l-aħħar tlieta, kellu ħajja normali u trankwilla. Meta nħares lura, dak il-perjodu jibqagħli stramb ħafna. Kienu xhur li fihom missieri sar is-suġġett ta’ osservazzjoni kontinwa u siekta. Meta konna narawh jisfar, it-tensjoni t’ommi u tagħna tixkatta jekk is-sfurija insidjuża tas-suffejra narawha tinfirex fl-abjad t’għajnejh. Imbagħad l-għada nikkalmaw għax għajnejh jerġgħu jistrieħu fl-abjad tagħhom. Konna nibbiesu meta bilkemm imiss l-ikel ma’ ħalqu. Niftakru jħares lejn il-platt b’nofs tbissima qisu qed iserrħilna rasna, jew rasu, li kollox sew anke jekk l-ikel ma kilux. Imbagħad ftit ġranet wara nirrilassaw għax ikun kiel kważi pizza Margherita sħiħa. Kienu xhur ta’ bidla totali f’ħajti wkoll. Mal-waqgħa tal-ħafna kastelli li bnejt ta’ mħabba u żwieġ sibt ruħi miexja fid-debris tal-għażliet żbaljati tiegħi imma kont miexja lejn il-bokka mimlija dawl ta’ mina twila u sewda. U waqt li jiena miexja bla ma ħarist iktar lura, missieri kien maġenbi jkaxkar il-marda miegħu u jħares lejja fit-traġitt.
Sentejn qabel, meta l-mard u l-mewt kienu għadhom fantażmi ’l bogħod, kont ngħix Londra. Kienet sena diffiċli. Mort hemm misjuqa minn emozzjonijiet kbar, tant kbar li kiluni. L-imħabba u r-rispett bejn koppja żagħżugħa miżżewġa ħsibt li kienu ingredjenti li se nsibhom kuljum miegħi, kemm intawwal idi u mmisshom. Minn dak kollu ma beda jseħħ xejn u jien żammejt ir-realtà mmuffata tiegħi ’l bogħod minn tad-dar. Lejl minnhom ħlomt b’missieri li kien f’xifer ta’ rdum, f’għajnejh it-tbissima u d-dawl li jesgħu lil kulħadd. F’daqqa waħda għamel pass lura u waqa’ għal isfel fid-dlam. L-għajta li qajmitni ma kinitx tiegħu imma tiegħi stess u s-sens ta’ telfien u disprament li ħakimni wara dik il-ħolma baqa’ miegħi għal ħafna snin.
Missieri kellu għajnejh kannella u fit-truf kienu jinżlu ftit ’l isfel f’tislima ħanina. Kienu jixegħlu msiebaħ sħan meta jiltaqa’ ma’ xi ħadd jew meta jara lilna. L-għaxqa tiegħu dejjem kienu n-nies u, ommi, jien u ħuti konna n-nies favoriti tiegħu. Meta mort narah l-Isptar Boffa f’dik il-ġurnata ta’ Marzu ma kienx hemm togħma ta’ mewt ma’ kull triq li naqbad jien u nsuq. Kien soġġorn qasir biex iħossu aħjar, biex jerġa’ lura d-dar b’demm iktar nadif, demm mimli bit-tama li jibqa’ iktar magħna. F’dan iż-żmien fraġli għajnejh kienu dejjem mixgħulin b’din it-tama.
It-Telgħa tal-Kurċifiss. Din il-parti tal-Furjana maqbuda bejn il-Ġnien tar-Re Ġorġ fuq il-lemin, il-Ġnien Herbert Ganado fuq ix-xellug, is-sur li jaqsamhom qisu difer madreperla, ikkurat u lixx, u l-istrixxa baħar fil-qiegħ. Il-gost tiegħi ngħaddi minn postijiet jew passaġġi li qatt ma nkun għaddejt minnhom qabel jew li, b’xi mod, jagħtuni sensazzjonijiet differenti min-normal u mill-monotonija tat-toroq prinċipali. Dan il-gost li niskopri triqat u mogħdijiet ġodda, il-gost li nintilef fil-limiti ta’ xi raħal sakemm nerġa’ naqbad tarf li joħodni lura d-dar, ninduna li qed jiżdied jien u nikber u l-aqwa gost huwa li naf li missieri hekk kien ukoll, u li qed insir bħalu. Qbadt it-Telgħa tal-Kurċifiss apposta biex nipparkja xi mkien ’l hemm isfel imbagħad nieħu pjaċir nimxi ’l fuq bil-mod: inħoss il-preżenza nobbli u mutraba tas-sur maġenbi, nisma’ l-friegħi jaħbtu f’xulxin u l-weraq jigref tas-siġar tal-fikus u taż-żebbuġ u tal-prinjol fil-ġnien ta’ Ganado fuq rasi. Imbagħad indur fuq il-lemin u nsib it-taraġ twil li joħodni fil-parkeġġ ta’ quddiem l-Isptar Boffa. Hemm ġew hemm missieri jistenna. Għad irrid nara f’liema sala qiegħed imma fadalli ftit ieħor qabel nidħol. Il-prinjol mal-ġenb tal-parkeġġ isellimli f’dik iż-żiffa kaħla ta’ Marzu. Illejla għandi noħroġ u mewġa żgħira ta’ gost titla’ miegħi u ssaħħanni. Ili xahar issa li sseparajt u qatt ma ħassejtni ħielsa daqs dan il-perjodu. Erġajt lura d-dar tal-ġenituri imma missieri m’għadux li kien mindu marad. M’għadux isaqsi fejn mort u għaliex domt jew fi x’ħin beħsiebni nirritorna. It-ton ta’ kliemu l-iktar li nbidel. U l-ħarsa tiegħu meta jkellimni qisha twalet. Nistħajlu qed ifittex xi ħaġa li lanqas hu ma jaf x’inhi.
Brian Dillon, fil-memoir tiegħu In the Dark Room, jitkellem fuq il-kaligrafija t’ommu, li kienet eleganti u sabiħa sakemm ħakmitha l-marda deġenerattiva li kellha u f’kitbietha, snin wara li mietet, seta’ jaqra l-uġigħ ta’ mara qed tipprova żżomm dritta imma l-ittri jikxfuha u jitgħawġu u ma jibqgħux jintgħarfu. Missieri dejjem nafu jikteb fid-djarju; jikteb dwar dak li għamel, ma’ min iltaqa’ u kultant dwar kif qed iħossu wkoll. Dejjem xtaqt li nsib iktar tagħrif dwar dak li qed iħoss; jekk hux ferħan jew imdejjaq jew irrabjat. Spiss, ikolli nħaffer għalihom dawn l-emozzjonijiet biex naqbadhom bejn kelma u oħra u mhux dejjem jirnexxili. Hemm għexieren ta’ djarji tiegħu d-dar imma hemm dak li jimmarka Awwissu tal-2007, l-aħħar xahar, l-aħħar paġna u l-aħħar kelma li ma rnexxilhiex tagħlaq dik is-sentenza, ma rnexxilhiex tagħlaq dik il-ħajja ta’ 71 sena. L-aħħar ittra żelqet u baqgħet nieżla fil-pori tal-paġna għasra bil-morfina. Hemm għadu dak id-djarju b’dik l-aħħar paġna b’dik l-aħħar kelma b’dik l-aħħar ittra qisha nifs indeċiż.
Staqsejt mar-reception. Edward Gauci. Ma niftakrux in-numru tas-sodda. Niftakarni tielgħa t-taraġ u nimxi mal-kuritur. Niftakar is-sodda ta’ missieri mal-ħajt u maġenbu tieqa b’veduta maestuża tal-Port il-Kbir. Dik it-tieqa stħajjiltha pittura ġo sala skwallida. L-ikħal irid jibla’ l-kamra u l-mard ta’ ġo fiha. Is-sema u l-baħar. Inspjegabbli. Missieri jtini dik il-ħarsa twila. Għajnejh kannella tbissima kalma. Nistħajjilhom jixtiequ jiġbruni kif jien għal ġo fihom biex ma jweġġagħni ħadd iktar. Qatt ma staqsieni xejn dwar dak li ġara eżatt bejni u bejn l-eks. Qatt ma staqsieni kif jien jew jekk iniex kuntenta. Missieri qatt ma indaga fil-fond wisq ġo fina. Forsi kien jibża’ minn dak li jista’ jisma’. Naħseb għalih kien biżżejjed li jarana nitbissmu u li nkunu ħdejh. Kien aċċetta li jien ma bqajtx miżżewġa u forsi ħa r-ruħ. Il-marda aċċettaha wkoll imma l-kelma “kanċer” qatt ma qalha u forsi kien jittama li jfiq. Għadni sal-lum ma nafx eżatt x’kien iħoss. Naf biss li spiss kien jitfagħli dik il-ħarsa twila u l-għaxqa tiegħu kienet meta nibqa’ d-dar u noqgħod miegħu fil-kċina naraw xi dokumentarju, rasi fil-ħofra taħt abtu u idu tteftef ġo xagħri. Bħal meta kont żgħira. Id-dressing gown blu skura bil-kaxxi skuluriti bojod u sofor tinħass ħarxa ma’ wiċċi u fis-sħana tagħha nxomm riħa ta’ te u ħobż mixwi.
Qalli kemm iħossu xxurtjat li missitu dik il-kamra. B’dik il-veduta. Għedtlu li ma nistax indum ħafna għax irrid noħroġ. Il-prinjoli smajthom iħabbtu flimkien fiż-żiffa u xi tnejn waqgħu fil-ħamrija. Snin wara ktibt poeżija fuq dakinhar li tlaqt qabel il-waqt.
Bejn mixja u ġirja
Bejn diska u oħra,
naħseb f’missieri jistenna ħdejn l-aħħar tieqa tiegħu
bil-baħar impitter fiha —
Jitbissem għax tawh dik il-kamra
kważi normali,
ħlief għad-demm imdendel jitbattal f’dirgħajh.
Xtaqni nibqa’ ftit ieħor ħdejh —
minflok, tlaqt.
Ftit wara, mort nixjieħ fuq is-sur biswit.
Kien għad fadallu ftit xhur. Stajt qgħadt iktar maġenbu dakinhar u dak is-sens ta’ ħtija meta tlaqtu niżel jiġri mas-sur u daħal qabli ġot-Toyota u jien soqt skomda minn ħdejn Boffa sal-lum.
Dawk l-aħħar xhur kienu paradoss wieħed għalija. Kont qed nitwieled mill-ġdid fiż-żmien li missieri kien qed imut ftit ftit. Ridt inkun parteċipi fl-aħħar ġranet tiegħu imma mal-imrar tiegħu kelli wkoll doża qawwija ta’ libertà li qatt ma kont għadni għext qabel u li kienet qed ittini ħafna enerġija. Sakemm kien għadu jitkellem magħna, joħroġ ftit għall-quddies jew għal xi dawra magħna bil-karozza, sakemm kien għadu jkellem lil ħutu jew xi ħbieb bit-telefown, sakemm kien għadu jikteb fid-djarju tiegħu, id-dawl tax-xemx kien jimxi magħna minn kamra għall-oħra. Meta ma seta’ jmur imkien iżjed u bilkemm baqa’ jitkellem, id-dwal intfew minn kullimkien. Maggie Nelson, fil-ktieb ta’ esejs tagħha Bluets titkellem dwar il-kulur blu u l-uġigħ. Qatt ma ħsibt li nagħti kulur lill-uġigħ jew lil dawk il-ġranet brutali imma sektin. Naħseb kieku kelli nagħtihom kulur, nagħżel il-griż; il-griż trasparenti tat-trab fin jew il-griż mudlam tal-fidda antika.
Il-ħarsa twila tiegħu rġajt rajtha tlett ijiem qabel ma miet. Id-dar tal-Iklin sfrundat taħt il-piż tal-morfina. Riġlejn missieri saru kolonni, lixxi u jleqqu, inixxu likwidu bla kulur, tal-biża’. Is-salott kien sar il-kamra tas-sodda u konna norqdu isfel miegħu skont min imissu, għadamna għoqda ma’ ġisimna. Ġieli kien jibqa’ mal-mejda jipprova jikteb jew jaqra sakemm jintelaq mal-kawba f’delirju kwiet. Konna nieħdu ċans nintelqu bis-serqa fuq is-sodda tiegħu li sellfuhielna tal-Community Chest Fund u fuqha naħtfu nagħsa u ġieli ħolma. Missieri ’qas kien ikun irid iqajjimna. Jagħtina l-ħarsa twila tiegħu waqt li nkunu reqdin u jibqa’ jħares lejna sakemm jongħos huwa wkoll, ganċ fuq is-siġġu. Min jaf x’kien jgħaddi minn moħħu dak il-ħin?
Oħti u ommi ġratilhom li stenbħu f’nofs raqda ħelwa fuq dik is-sodda kerha imma komda ħafna u qamu jiġru strumblati bil-ħtija li serqu l-mistrieħ tiegħu. U hu, bil-ħarsa twila tiegħu, lit-tnejn l-istess weġibhom, “u le, orqod ftit ieħor. Kont rieqda tant fil-fond jaħasra. ’Qas ridt inqajmek.” Ġrat lili wkoll.
Niftakar meta dħalt id-dar mix-xogħol u kien fuq dik is-sodda fis-salott. Mort ħdejh u għafastlu idu. Subgħajh kienu lixxi u rotob. M’għarafthomx għax ma kellhomx enerġija fihom u lanqas sħana imma dik l-għafsa bqajt inħossha miegħi, forsi għax kont naf li kienet waħda minn tal-aħħar. Niftakar kif wara li miet kont ħadt f’idi l-kuruna tar-rużarju tiegħu. Kienet tal-injam. Meta għafastha l-irtubija tal-injam lixx fakkritni f’dik l-għafsa tas-swaba’ tiegħu. Dik il-kuruna dendiltha mal-mera tal-karozza fejn għadha sal-lum. U kull darba li nagħfasha, inħoss ġnien jikber bejn subgħajja; vers li ktibt fil-poeżija “Kuruna tal-injam”.
Tlett ijiem qabel miet ħadnieh Boffa. Konna qed neżistu, speċjalment ommi li kienet saret l-infermiera tiegħu lejl u nhar. Konna ddeċidejna li jibqa’ magħna u jmut id-dar. Imma ma naħsibx li konna nafu x’qed ngħidu. Ommi, f’daqqa, ma setgħetx tkompli. Rajnieha tibki għall-ewwel darba f’ħafna xhur u konna nafu x’għandna nagħmlu. Ċempilna għall-ambulanza biex tiġi tieħdu Boffa. Konna nafu li ma kienx se jiġi lura. Anke hu kien jaf. Għedtlu li se tiġi l-ambulanza biex jagħmlulu ftit testijiet.
“Fejn se mmur?” staqsa minn fuq is-siġġu tar-roti li beda juża fl-aħħar ftit biex jiċċaqlaq minn kamra għal oħra. F’dak is-siġġu deher ċkejken u mitfi.
“Boffa, pa.”
“Mela spiċċajt jien!”
Leħnu maħnuq ħasadni u ħarist lejh. Kien qisu stenbaħ minn raqda twila u issa għajnejh kienu f’għajnejja. Fihom rajt ħafna biża’. Il-mewġa ta’ ħniena u s-sens ta’ inutilità li ħakmuni ħassejthom jgħaffġuni.
Tlett ijiem biss.
L-1 ta’ Settembru 2007. Dakinhar soqt mill-Iklin sal-Furjana u l-mewt rajtha kullimkien; fl-asfalt, ma’ kull kantuniera, ma’ kull Stop sign. Laħqet qabli. Wasalt kwarta tard. Siegħa qabel kont il-Mellieħa qed ngħum ma’ ħabiba tiegħi. Mort id-dar biex ninħasel u mmur ħdejn missieri. Kien hemm ommi u ħija miegħu u jien u oħti kellna nieħdu posthom biex huma jistrieħu ftit. Kif wasalt id-dar u kont dieħla fil-kamra tal-banju jċempel it-telefown. Kienet ommi. Qaltli biex infittex immur l-isptar. Issa. Biex ngħaġġel. Leħinha kien stramb. Imriegħed. Ħjiel ta’ karba fit-tarf. Staqsejtha x’qed jiġri imma qaltli biss biex nitlaq mill-ewwel u nfittex nasal u biex insuq bil-mod.
Bil-mod ma soqtx. X’seta’ ġara? Qaleb għall-agħar jew miet imma ma qaltlix li miet… mela forsi qaleb għall-agħar imma għadu ħaj. L-aqwa li għadu ħaj. Stramba kif il-verità tkun spelluta quddiemek, mal-windscreen, fit-triq, ġos-sema, u int tibqa’ ma tarahiex. Tlaqt bil-melħ tal-baħar. Ħadthielu Boffa r-riħa tal-baħar għadha mwaħħla miegħi. Kien iħobbu l-baħar missieri, speċjalment meta jkun imqalleb. Il-gost tiegħu l-iktar grigalata feroċi. Meta konna noqogħdu Tas-Sliema kien jinżel Għar id-Dud u jmur jisfida l-baħar. Joqrob viċin tiegħu kemm jista’ u joqgħod iħares lejh mibluh bħal tifel żgħir minn mal-ħajt ta’ xi dar viċin, fi triq baħħ li tifirdu minn dak il-mostru feroċi. Nistħajlu sejjer jipprova jimmansah u meta ma jkunx jista’ joqrob iktar viċin jieqaf jisimgħu jsabbat u jiżvoga. Niftakar ċar il-grigalata li kienet għamlet fit-8 ta’ Diċembru tal-1989. Dakinhar kienu waslu l-President tal-Amerka George Bush u l-Kap tal-Unjoni Sovjetika Mikhail Gorbachev għas-Summit li kellu jtemm il-Gwerra l-Bierda. Il-Kunċizzjoni, vaganza u għalina ġurnata ta’ gost għax dakinhar konna narmaw is-siġra tal-Milied u nibdew inżejnu. U waqt li qed inżejnu, nisimgħu l-innijiet Natalizji tal-kor ta’ Ray Conniff fuq l-LP, ommi taħmi r-rock cakes u tixrob il-kafè u Bush u Gorbachev jiffirmaw il-ftehim, missieri niżel waħdu Għar id-Dud, iżomm mal-ħitan biex ir-riħ ma jwaqqgħux sakemm wasal fejn seta’ jitpaxxa b’dak il-baħar perikoluż u splendidu.
Il-kamra fid-dar tas-Swieqi li ma konniex nafu x’użu għandu jkollha qlibtha fi studju għalija. Fiha għandi għadd mhux ħażin ta’ kotba. Għażilt li hawnhekk inpoġġi l-Melitensia biss. L-ixkaffar li xtrajt għalihom mhuwiex sod daqskemm nixtiequ. Żewġ viti u drill imorru fin-nofs u ninvita kollox mal-ħajt imma m’għandix aptit l-iskariġġ li noqgħod naqla’ kollox, li nqajjem iktar trab, u allura nħalli kollox kif inhu. Tkun okkażjoni tajba biex infarfar waħda kif imiss, kieku. Xi darba nagħmilha. Biex jibqa’ kollox sod għabbejt il-kotba kollha bil-Malti għat-tfal fil-qiegħ nett. Ħafna minnhom huma dawk li ttraduċejt jiena stess. Missieri kien ikun kburi bija. Ma kellux iċ-ċans jara mqar ktieb wieħed minn tiegħi.
Dejjem kellu librerija mdaqqsa, l-iktar fuq it-teoloġija u l-letteratura Ingliża klassika. Kien poġġiehom ġo unit tal-kawba, in-naħa ta’ fuq tingħalaq bil-bibien żgħar tal-ħġieġ li jinfetħu b’ċavetta żgħira waqt li n-naħa t’isfel kienu xkafef miftuħin. Niftakarni, fis-sjuf twal tat-tfulija, f’dawk il-waranofsinharijiet kwieti nfittixlu l-kotba biex nara x’jgħodd għalija. Minn Tas-Sliema, dawk il-kotba b’dawk il-vetrini b’kollox ġew magħna u sabu ruħhom fid-dar tal-Iklin. Imbagħad, erba’ snin wara li miet missieri ommi ġarrithom għall-aħħar darba għall-appartament ta’ Ħ’Attard fejn issa tgħix weħidha. Ramat kollox ġo kamra fuq wara, ċkejkna imma mdawla. Il-vetrini bil-kotba ġo fihom qagħdu pinna. Issa għandi ritwal ġdid: kull meta nkun għandha, nidħol ftit sa dik il-kamra u nxomm lil missieri. Inxommu litteralment għax f’dawn is-snin kollha dik l-għamara u dawk il-kotba żammew l-istess riħa bellusija ta’ njam u paġni, u għal mument, f’dik ir-riħa nistħajlu jieħu forma, bilqiegħda mal-iskrivanija, jikteb. Żammejt ftit klassiċi minn tiegħu imma għandi wkoll ħafna mid-djarji u n-notebooks li kien jimla. Wieħed minnhom, ktejjeb ċkejken iswed, illum ftit imqaxxar u bil-paġni b’tarfhom aħmar, maqlugħin minn mal-ispina, imur lura għas-snin erbgħin meta missieri kien tifel aspirant tal-Mużew. Fih kien jikteb in-“noti neċessarjissimi” biex ikun tifel aħjar f’kollox. Is-sena mhix miktuba imma nikkalkula li kellu mal-erbatax-il sena. Waħda min-noti li niżżel tgħid: “nipprova kemm nista’ biex ma ninkitibx fil-black book jew fid-diligence.” Anke bħala tifel, kien iħobb jiddokumenta l-ġranet tiegħu u dawn in-notebooks u d-djarji huma l-egħżeż oġġetti li għandi tiegħu. Anke meta kien fuq dik is-sodda ta’ Marzu (li ma nistax niftakar x’numru kellha) għal ftit jiem biex jingħatalu demm ġdid, kien ħa l-pinna u d-djarju miegħu. Għad irrid infittex ix-xahar u d-dati ta’ dawk il-ġranet biex nara x’kiteb. Kienu jiem ta’ tama u l-mewt kienet tinħass ’il bogħod; tant ’il bogħod li jien għażilt li noħroġ niddeverti dakinhar minflok bqajt iktar ħdejh. Dik il-ħtija għadha ttektikli kultant bħal dieħes iffjammat u f’din il-kamra, imdawra bil-kotba u l-pjanti u d-djarji ta’ missieri nerġa’ nreġġa’ r-riħa tad-dressing gown tiegħu, tat-te u tal-ħobż mixwi, ir-riħa ta’ baħar sfrenat tal-Exiles u l-vuċi tiegħu tgħidli, “Għaliex qomt? Orqod ftit ieħor. Kont rieqda tant fil-fond!” .