dal-ġisem x’użu għandu?

Ayrton Farrugia

ġismi misteru,
li taf tilgħab bih int biss,
sa ma l-persjani jingħalqu,
il-purtieri jintrefgħu u
l-ġenn jaħkem l-imħuħ.

daqqa.
l-ewwel rasi,
imbagħad ġenbi,
wara riġlejja.

oħra. oħra. oħra.

ittini,
tregħedli għadmi kollu b’għekiestek magħluqa
ponnijiet jikluli ġismi mgħerri vjola jkanġi,
priġuniera taħt surtek tibbies kif
tinfed u tgħawwar
ġo fija.

tibki,
id-demgħa oppressa
kif in-nifs f’ħatfa ħatfa jibda jċedi,
u idek merfugħa bħal balal
ħarta ħarta
minn sensi donni nintilef.

nisfa bint oħra maħtufa
mill-milja t’għemilha
biex titgħallem tissodisfa bla ndiema
l-irwoli mwiegħda fiż-żwieġ,
iċ-ċaħda tbaqbaq ta’ qalbek imħaġġra
tħassarni,
tostorni
taħbini
biex treġġa’ lura ħinek
ħalli l-istorja tikteb mill-ġdid.

Dekorazzjoni art-nouveau