Forsi hija reazzjoni matura li nammettu
Din hija l-kitba ppubblikata dax-xahar:
-
- April 2024
Splużjonijiet #1
Il-kwiet u
l-lejl Kif issejħet f’diversi kitbiet, Filfla qisha artal. Speċjalment meta tqis li faċċata tagħha hemm dawk iż-żewġ strutturi li nsejħulhom tempji. Hekk sejħilhom Temi Zammit u hekk sejħulhom l-arkeologi fiż-żmien kolonjali. Ma tantx iddoqqli din tat-tempju u tal-artal, għax spiċċajna nħarsu lejhom minn narrattiva waħda biss: dik li tiffoka fuq ir-riti u ċ-ċerimonji. B’hekk, possibbilment eskludejna funzjonijiet jew raġunijiet oħra għalfejn kien jeżisti dan il-ħaġar impoġġi b’mod arkitettoniku ta’ barra minn hawn. Il-kelma tempji tirrifletti perspettiva Ewroċentrika li dehret f’perjodu meta l-akkademiċi Ewropej kienu qed jikklassifikaw u jiddeterminaw id-dinja skont in-normi u l-preġudizzji kulturali tagħhom. L-użu tal-kelma “tempji” inevitabbilment tesponi l-aspett reliġjuż jew dak tar-ritwal tas-siti. Din hija spjegazzjoni monofunzjonali li tista’ tkun qed tnaqqas mill-vera funzjoni tagħhom.Meta dawn is-siti jiġu mmarkati bħala “tempji” mill-komunità interpretattiva—li storikament kienet magħmula minn akkademiċi tal-Punent—tieħu l-awtorità li tiddetermina x’inhi u, fl-istess ħin, x’mhijiex. Il-kelma “tempji” f’kuntest kolonjali tikxef l-effetti tal-orjentaliżmu li jirrifletti mhux biss ir-relazzjonijiet tal-poter bejn il-kolonizzatur u l-kolonizzat, iżda wkoll il-mod kif dawn ir-relazzjonijiet jinfluwenzaw il-produzzjoni tal-għarfien.
-
- April 2024
Persjani
Ħa niktibha hawnhekk forsi nikser iċ-ċirku vizzjuż. Fi kliem Keats, il-kapaċità negattiva hi li tkun “kapaċi toqgħod fl-inċertezzi, Misteri, dubji, bla ebda ġiri antipatku wara l-fatti u r-raġuni”. Dan kunċett antik, simili għat-trankwillità, jew ataraxia. Ix-Xettiku Sextus Empiricus u dawk kollha li ġew warajh jissuġġerixxu li din tiġi mill-bilanċ, mill-equipollence (jew għall-inqas hekk isostnu t-tradutturi li għandha tinqaleb il-kelma ἰσοσθένεια). Dan kollu jingħata ħafna iktar kulur u kumplessità minn Husserl bil-kunċett tal-epoché. Keats jgħid, allura, li l-aqwa karatteristika tal-kittieb — u skontu, l-aqwa eżempju ta’ dan huwa Shakespeare — hi l-kapaċità li jkunu jafu li ma jafux, u li jibqgħu f’din il-“ma nafx”, f’din il-boqqaġni, bla ebda attentat għall-għerf u t-teleoloġija. Kif għedt qabel: il-“jien” ta’ Keats la tifhem u lanqas tispjega. Forsi din il-kapaċità negattiva ta’ Keats taf tagħtini xi forma ta’ risposta għall-mistoqsija li dejjem insib ruħi nistaqsi: il-baħar ukoll ħabs? Il-fatt li Malta mdawra bl-ilma: ċella jew ħelsien? Għalkemm postijiet bħall-Awstralja jew ir-Renju Unit huma wkoll imdawrin bl-ibħra u l-oċeani, naħseb kollha kemm aħna nifhmu li post bħal Malta każ kemxejn speċjali. U kemm hi kbira Malta? Għax it-topografija tal-ġebel u l-baħar tifforma wkoll it-topografija kunċettwali-personali tagħna. Il-leġiżlazzjonijiet differenti li jaqsmu l-baħar ta’ madwarna — tal-baħar territorjali, taż-żona kontigwa, taż-żona esklużiva tas-sajd — kollha jqisuna b’kejl differenti. Fuq l-art dil-problema ma ssibx sodezza (niftakru ftit fil-ġuriżdizzjonijiet diversi u mħawdin tal-gvern, tal-knisja, tal-privat), u allura ovvja li nsibu ruħna nixtarru, bla qatt ċertezza, l-oriġini u l-identità tagħna, il-Maltiżmu tagħna mċaflas minn litanija ta’ karatteristiċi li huma fl-istess ħin riġidi daqs iż-żonqor u flessibbli daqs il-mewġ.
-
- Djarju 02.03.2024
Nistħajjilni qomt fuq artal
tas-sagrifiċċju Xewqat tal-lum: li jibgħatli messaġġ dak li ltqajt miegħu lbieraħ. Jgħidli li jridni, u li jrid li nerġgħu niltaqgħu malajr kemm jista’ jkun, li nkun f’burdata tajba u li S itini l-attenzjoni, li ma jkollix biża’ u ansjetà dwar il-flus, li nixtri x’niekol mingħajr ma jħossni ħażin li naqsu l-flus mill-kont bankarju, li jirnexxili nikteb xi ħaġa. Ġurnata mxarrba. Sema griż qotni, imdendel. Is-sħab ma jridx iħalli s-sebħ jaqsam is-sema, li jibqa’ kulur wieħed ġurnata sħiħa, fond. S ma jridx kliem. Ma nafx f’liema staġun qegħdin, jekk ir-rebbiegħa bdietx diġà jew għadha le. Jekk hux wisq sħana biex tkun ix-xitwa, jekk hux wisq bard biex tkun ir-rebbiegħa. Ma stajtx nikteb għal ġimgħa sħiħa, mgħaddas taħt il-friex tas-sodda, imkebbeb f’żaqq is-saqqu li ma tantx hu iebes. Enerġija meħuda kollha mill-burdata. Imbagħad ħedla għax naħli ħafna ħin niffaċċja dal-fatt. F’Marzu tlift l-aptit, il-burdata biex nikteb. Ix-xewqa biex niftakar, ix-xewqa biex ma niftakarx mumenti biex nikteb dwarhom. L-imbuttatura biex naqbad il-mobile bl-iskrin imkisser u nikteb. Imbagħad meta jkunu għaddew wisq ġranet, biex nikteb dwar xi ħaġa li ma ġratx fil-mument immedjat. F’waħda mill-entrati tad-djarju ta’ Diċembru kont ħadt nota ta’ x’kitbet Marina Benjamin. Tikteb dwar il-memorja u t-tislit tal-kittieb biex jiftakar, speċjalment xi ħaġa li ġrat tant żmien ilu: “Li tikkonċernani hija l-idea pjuttost pulita wisq li l-memorja hija xi ħaġa li tibqa’ fil-wiċċ b’mod intatt mill-passat imċajpar, bħal xi sejba arkeoloġika li tkun skoprejt u li minnha trid sempliċement tfarfar it-trab. Dak il-kunċett, naħseb, jista’ jiġi skontat, peress li kull darba li tiftakar xi ħaġa tkun qed tiktibha mill-ġdid, tqanqal il-passat fil-proċess. Din l-indeterminazzjoni organika kollha tagħmel il-memorja inkwetanti. Tesponiha bħala xi ħaġa mibnija b’mod attiv minn persuna li tħoss, li tħares lura minn punt fil-futur, li trid tagħti rendikont ta’ kif saru l-affarijiet sabiex jgħixu l-porzjon li jmiss tal-futur tagħhom bil-kumdità.” Hekk kif kitbet in-nanna ta’ Guillaume Dustan fid-djarju tagħha, li hu għamel traskrizzjoni tiegħu f’Nicolas Pages: “Peress li m’għandi ħadd madwari ma’ min nista’ niskambja l-ideat, nikteb dak kollu li niftakar, fl-ebda ordni partikolari, nimla l-paġni.”
-
- April 2024
General Strike
Morna lejn il-Marsa u hemmhekk beda l-inkwiet. Kellna l-pitrolju u ċ-ċraret qodma. Xi ħadd ġab miegħu serrieq tal-mastrudaxxa. Inżilna ċ-Ċimiterju tat-Torok, mhux ’il bogħod minn fejn kienu jgħixu xi tnejn jew tlieta minna. Konna nafu fejn kien hemm żewġ arbli tar-Rediffusion, kbar, tal-injam. Ridna naqtgħulhom il-wajers għax ma kinux riedu jxandru l-bulettini tal-union. Propaganda tal-Ingliżi biss riedu, il-ġurnata kollha. Għamilna toqba fl-arblu, xarrabna ċ-ċraret fil-pitrolju, u deffisniehom fit-toqba li konna taqqabna. Qabbadna ċ-ċraret b’sulfarina u rsaqna lura biex naraw l-arbli jinħarqu. Meta konna ċerti li kienu se jinħarqu sal-art, morna lura d-dar għax in-nisa kienu inkwetati u kienu qalulna biex ma nibqgħux barra tard, imma għall-inqas konna nafu li għamilna l-biċċa tagħna. Imbagħad waranofsinhar erġajna ħriġna. Konna xi mitt persuna, jew mitejn, tfajna l-ġebel fuq il-pulizija, u kissirna t-twieqi tal-karozzi li kienu fihom. Smajna li kienu sejrin lejn Blata l-Bajda, allura morn’hemm, ħdejn il-flats tal-Arċisqof, u xħin wasalna rajna li n-nies kienu qed jitfgħulhom il-ġebel lill-pulizija. Surġent ħareġ mill-karozza biex ineħħi l-ġebel li kien qed jimblokka t-triq u xi ħadd mir-Rerum Novarum Flats tefagħlu żewġt iqsari. Il-pulizija l-oħra kienu telgħin l-għolja biex jiċċirkundawna, allura qtajna qalbna u ħallejniehom jarrestawna. Tfajna landa petrol fuq il-gverta ta’ vapur imma ma ġara xejn.
Abbona