Fis-sena 1976, Andy Warhol beda jżomm id-djarju tiegħu billi jiddettah lill-kittieba Pat Hackett (is-segretarja tal-Factory) fuq it-telefown u baqa’ sejjer hekk ħdax-il sena. Bl-istess mod, David Wojnarowicz ipprefera jiddetta d-djarju tiegħu milli jiktbu. Huwa rreġistra leħnu waqt li qed jitkellem fuq l-audio tape mill-1981 sal-1989. Iktar tard, dawn it-tapes ġew ippubblikati bħala Weight of The Earth. B’kollox irrekordja ħdax-il djarju awdjo, mill-1981 sal-1982, imbagħad reġa’ beda fl-1988 sal-1989. “Qed inpejjep sigarett u nistenna xagħri jinxef, nipprova nifhem x’se nagħmel.” Xewqa li d-djarju tiegħi niddettah ukoll; nimxi u nikteb, nimxi u niddetta d-djarju.
8 ta’ Settembru 2024
Nieħu noti biex nagħmel skeda tal-ħin ta’ ħajtu, li tieħu għaxar paġni fuq Word Document.
9 ta’ Settembru 2024
Nixtri żewġ flokkijiet bil-kmiem twal, nieħu n-negattivi tar-ritratti biex niżviluppahom fil-ħanut ħdejn Saint-Paul, imbagħad niltaqa’ ma’ J għal kafè. Full-stop gays huma gays li jużaw il-punteġġjatura fuq il-midja soċjali, pereżempju meta jibagħtu l-messaġġi. Iħossu l-bżonn li jagħlqu s-sentenzi tagħhom — li ħafna drabi jkunu twal kelma jew tnejn — b’punt, nispjega lil J.
10 ta’ Settembru 2024
Il-kamra tiegħi hija n-numru sebgħa. Noodles bil-ġinġer u ċ-ċanga għall-ikel, u għad-deżerta hemm skutella bil-bettieħ, dulliegħ, avokado, ċirasa u ħass. Fl-istand tal-kafè u t-te m’hemmx ħalib. Ħadd ma jieħu l-ħalib mal-kafè hawn, naħseb. Il-mara maġenbi titkellem dwar Michel de Certeau. Nilbes l-earphones biex żgur ma jiġi ħadd ikellimni. Il-ħamiem kienu qed jiksu s-saqaf ta’ wieħed mill-binjiet tal-kumpless, stajt narahom mit-tieqa. Għal darb’oħra fil-kamra tal-qari, ir-riħ qed jonfoħ bil-qawwi.
24 ta’ Settembru 2024
Griżmejja għadhom mhux mija fil-mija mfejqa. Nuża l-isprej mediċinali tal-grieżem ħafna iktar drabi tul il-ġurnata milli rrakkomandatli l-ispiżjara. Nixtri Intermezzo ta’ Sally Rooney, li ġie ppubblikat illum.
30 ta’ Settembru 2024
Naħraq kuxxtejja bl-ilma jagħli mill-kitla fis-7h hekk kif mort biex nagħmel kafè. Dort biex inġib mgħarfa minn fuq l-ixkafef u bil-minkeb qlibt l-Aeropress li fiha kont għadni kemm ferrajt l-ilma mill-kitla u l-misħun waqa’ kollu fuq koxxti. L-ispiżjara tistaqsini jekk għandix “cloques” (bżieżaq) jew sempliċiment ħruq. Tagħtini krema u tgħidli biex napplikaha darbtejn kuljum, u jekk nara li għandi l-cloques, ikolli bżonn nara tabib. Nibki waranofsinhar. Nirrealizza li ma nafx nixtieqx inkompli ngħix ħajti waħdi. Nimmaġinani nieħu xokk mill-plakka jien u ndaħħal il-kitla, u naqa’ mal-art u mmut. Ġismi mixħut mal-art, għajnejja magħluqin u jdejja u saqajja mgeddsin. Il-katavru tiegħi jibqa’ hekk għal ġimgħa sħiħa sakemm isibuh. Dan l-avveniment fetaħ era ġdida f’ħajti. Kien mument ta’ realizzazzjoni. Avveniment ieħor hu li sa qabel dal-aħħar ftit xhur, kont kapaċi niftakar xi rrid nixtri mis-supermarket mingħajr ma nipprova niftakar. Dal-aħħar, immur biex nixtri, u ninsa mill-inqas tliet affarijiet. Jew inkella nkun naf li hemm xi ħaġa oħra li kelli bżonn nixtri imma ma jirnexxilix niftakar. U malli ndaħħal iċ-ċavetta fil-bieb, niftakar. Foam tal-leħja .