Djarju #9
Warren Bartolo

Żewġ xjaten bil-qrun u bil-ġwienaħ blu

Warren Bartolo


9 ta’ Awwissu 2024

Fuq ras id-DJ hemm pittura, fi gwarniċ indurat bid-deheb, li turi tliet figuri ħomor immuskolati. Żewġ xjaten bil-qrun u bil-ġwienaħ blu qed iduru ma’ anġlu bil-ġwienaħ griżi li jinsab maqbud f’nofshom. Wieħed minnhom qed idaħħallu lsienu f’sormu hekk kif jaqbad siequ b’denbu ppuntat vleġġa, waqt li l-ieħor qed javviċinalu bejn saqajh b’ħalqu u b’ħarsa makakka.


16 ta’ Awwissu 2024

L-għada ta’ Santa Marija; nistennew il-karozza tal-linja numru 74 għal Wied iż-Żurrieq mill-venda tal-Belt. Bilkemm l-għaxra ta’ filgħodu u diġà qed inqattar bl-għaraq, iż-żewġ vini fuq il-ġnub ta’ moħħi maqbuża ’l barra. Nixtru flixkun ilma bit-togħma tal-lumi u Capri-Sun sakemm tiġi l-karozza tal-linja, nintefgħu f’post għad-dell. Mara liebsa libsa li tasal sal-irkoppa, imżejna bl-antaċċjoli suwed u oħrajn bojod li jifformaw disinn ta’ warda, qed tparla ma’ wieħed bilqiegħda fuq il-bank, kuxxtejh miftuħin u mifruxin tal-inqas tliet kwarti ta’ metru. Il-karozza tal-linja twaqqafna ħdejn il-parkeġġ fuq in-niżla fil-bidu tal-wied. S jistaqsini x’inhi l-gżira ċkejkna li hemm faċċata tagħna. Ngħidlu li jisimha Filfla, hija art għerja u kienet tintuża bħala target practice mir-Royal Navy sal-bidu tas-snin sebgħin. Għal sekonda twila nimmaġina Filfla fil-futur mibdula fi gżira tal-gays tipo Fire Island. Destinazzjoni magħrufa għan-nightlife, cruising, għawm u parties. Nidħlu f’ħanut tas-souvenirs għax S irid jixtri nuċċali mill-istand li ddur bin-nuċċalijiet stivati taħt xulxin, imma wara li jipprova ħames pari, jispiċċa ma jixtri xejn. Nibqgħu sejrin ’l isfel, insegwu kartonċina li fuqha hemm miktub “Boat Tickets” u vleġġa li tidderieġi t-triq imserrpa. Ir-raġel fit-ticket booth jgħidilna li ma jaċċettawx ħlas bil-card u jgħidilna li hemm magna biex niġbdu l-flus fuq, b’hekk nerġgħu nitilgħu t-telgħa, niġbdu għoxrin ewro u nerġgħu ninżlu, b’iktar għaraq u b’iktar għatx. Nirkbu fuq dgħajsa li għandha kewkba feġġejja fuq kull ġenb, u hija miżbugħa bajda bit-truf tagħha sofor u ġewwa kaħlani. Fuq id-dgħajsa qegħdin tmienja. Is-sewwieq tad-dgħajsa jgħid lit-tifel żgħir ipoġġi fuq il-ponta tad-dgħajsa u meta t-tifel jagħmel hekk, idur lejn ommu, bilqiegħda ħdejja, u ommu tgħidlu, bravo carino. Induru madwar il-kosta u naraw il-Blue Grotto u xi għerien oħra. Meta nidħlu fl-għerien, ix-xufier tad-dgħajsa jgħidilna nixegħlu t-torċ tal-mobile. Hawnhekk nistgħu naraw l-istalaktiti. Il-baħar jidher tal-fidda, ileqq u jkarkar bil-mod qisu aluminium foil lelliexi. Wara l-boat trip, immorru lura fil-post fejn kont rajtha sentejn ilu. Kienet tielgħa s-sellum mill-baħar, il-ġiżirana mmaljata  u ħoxna tad-deheb b’żewġ pendenti: il-mano cornuta (il-qrun) u l-cornicello (il-bżaru). Meta kont żgħir, flimkien ma’ ommi, kont noħroġ il-qrun lin-nies biex inbiegħed is-saħta. U meta rajtu dehbi u mwaħħal m’għonqha, erġajt ftakart fil-qawwa tiegħu. Illum il-ġurnata, noħorġu biex nisħet ukoll. Kienet liebsa malja sewda, tissielet xi ftit biex tintrefa’ mill-baħar. Kienet mal-ħabiba/maħbuba tagħha, it-tnejn li huma b’xagħarhom qasir iżommu swimming board tal-plastik minn dawk li timla bl-ilma. Fakkruni f’Gertrude Stein u Alice B. Toklas. Ftit jiem wara kont mort ħanut tad-deheb fit-triq tal-ħwienet tad-deheb il-Belt u xtrajt l-istess ġiżirana bl-istess pendenti (kelli flus biss għal ġiżirana irqaq minn tagħha imma xorta mhux irqiqa wisq). Illum tlieta u tletin grad u ġibna taxi minn Wied iż-Żurrieq għal Għar Lapsi għax biex naslu s’hemm bit-trasport pubbliku jeħtieġ li nbiddlu l-karozza tal-linja darbtejn u ndumu sejrin madwar erbgħin minuta. Bit-taxi ndumu sempliċement disa’ minuti. Is-sewwieq tat-taxi jistaqsini, bagnato? U ngħidlu le, anke jekk ix-xorz tiegħi mxarrab għax ma kontx neħħejt l-ispeedos imxarrab qabel ma lbist ix-xorz. Imma npoġġi xugaman niexef fuq is-seat u noqgħod bilqiegħda, ngħid lil S jagħmel l-istess. Huwa u tiela’ d-dawra, jiskiddja ftit u jiskuża ruħu, jinfurmana li nhar it-Tnejn irid imur ibiddel it-tajers għax qed jiħżienu x’aktarx minħabba s-sħana. Għalkemm trabbejt f’pajjiż fejn tagħmel daqshekk is-sħana, għadni sorpriż kull darba bil-feroċità tagħha sena wara sena. Xi ħaġa li ma nista’ qatt nidra. Kif ninżlu n-niżla għall-baħar, niksru għall-bajja tax-xellug u nixħtu l-basktijiet taħt iċ-ċint fejn hemm basktijiet u xugamani ta’ ħaddieħor. Dik il-mara mhix hawn. Jew qiegħda hawn u mhux nagħrafha għax ma libsitx il-ġiżirana. Ngħum f’parti iktar ċara, iktar qrib l-irdum. Missier juri lil bintu bebbuxu li kien għadu kif qabad minn qiegħ il-baħar. It-tifla tistagħġeb u tgħid kemm hu sabiħ u tistaqsih jekk jistax joħroġ il-bebbux biex iżżomm il-qoxra imma hu jgħidilha le. Ngħum daqsxejn aktar ’il bogħod. Tliet subien qed jaqbżu mill-blat u kulħadd iħares lejhom. Ngħir għalihom għax jien qatt ma kont naf naqbeż hekk, la dritt wisq u lanqas nagħmel kutrumbajsi jew xi qbiż elaborat ieħor. Qatt ma kont hekk. Meta ndur, il-ġenituri li rajt qabel qed jitkellmu ma’ anzjana fil-baħar, snienha sofor-oranġjo u bla ħuġbejn. Jgħidu xi ħaġa dwar ġmiel momentanju b’sentenza li tispiċċa bil-kelma “għalissa”. Xi nies iħobbu l-qerda u l-vjolenza, tgħid l-ommbinti talbitna iktar kmieni biex noqtlu bebbuxu għaliha. Imma għaliex għandna nagħmlu hekk? tistaqsi l-omm b’mod retoriku. Jekk huwa ħaj, nistgħu nerġgħu npoġġuh fil-baħar, jgħid il-missieru napprezzaw il-ġmiel tiegħu biss. Kollox jiġri fil-baħar. S jiġi lura fil-baħar. Ma setax isib jixtri goggles. Kienu qed ibigħu biss dawk tal-isnorkelling, u kienu sebgħa u tletin ewro. Is-subien jerġgħu jitilgħu fuq il-blat għoli, mixjin wara xulxin jirfsu l-art ippuntata bil-galbu. U l-udjenza ta’ ġol-baħar terġa’ tħares lejhom. Din id-darba, wieħed mill-ġuvintur jerfa’ lill-ieħor fuq dahru minn taħt abtu u jżommu ’l fuq sabiex il-ġuvni ta’ fuq nett ikun qisu ajruplan u jitfgħu lilhom infushom dritti fil-baħar flimkien. Meta noħorġu mill-baħar, nilbes it-T-shirt u nremblu u nxammar il-kmiem sabiex jiġi qisu tank top, indawwar ix-xugaman ma’ qaddi u nitilgħu r-restorant. Raġel bilqiegħda quddiem il-veduta ta’ Filfla liebes T-shirt bil-kliem miktub blu DEUS EX MACHINA. Inċempel lil L biex nara fejn qiegħed u jgħidli li sejjer il-Kalanka ma’ ħabibtu. Jgħidli biex immorru magħhom. Naslu wara siegħa però bi żball nieħdu t-triq għal Saint Peter’s Pool. Hemm ruxxmata nies, gruppi ta’ żgħażagħ mifruxin għax-xemx. Hemm xi żgħażagħ bilqiegħda fuq ġebla fil-baħar taħt l-għar. Filliera subien qed jixxabbtu mat-tarf tal-ġebel u jaqbżu fil-baħar wieħed wara l-ieħor. L-għaraq ħiereġ minn kull parti ta’ rasi u jibqa’ nieżel u jiżżerżaq, flimkien mas-sunblock, fuq għajnejja, imnieħri u madwar xoffti. Il-flokk idejjaqni jaqbad ma’ ġismi minħabba l-għaraq u b’hekk il-ħin kollu noqorsu, u niġbdu ’l barra biex kemm tgħaddi l-arja bejn dahri u l-materjal, kif ukoll biex inżommu milli jeħel ma’ ġismi qisu sticker. L jibgħatli l-koordinati fuq Google Maps minn fejn se jgħaddi għalina ma’ ħabibtu bil-karozza biex immorru fil-bajja fejn ippjanajna li mmorru. Fuq it-tabella blu tad-direzzjonijiet hemm bosta stickers u graffiti. F’din il-bajja, il-Kalanka, hemm inqas nies, u iktar postijiet għad-dell. Hemm żewġ palmi li L jistħajjel qishom xi grada jew xi bieb kbir li jindikaw id-dħul għal xi ġenna, jew infern. Naqbżu fil-baħar u ngħumu sal-ħabel bil-bagi li jindika sakemm nistgħu noħorġu ’l barra. Inpoġġu fuq il-ħabel biex jidħol fix-xaqq ta’ sormna. S jgħid li din hija l-bajja ppreferita tiegħu għax hawn il-ġebel bajdani li jitfarfar.


29 ta’ Awwissu 2024

Sema vjola-blu qisu blueberry mifqugħa fit-tieqa tal-ferry.


30 ta’ Awwissu 2024

Tort tal-Ġove tiegħi u Kaprikornu fit-tielet dar tiegħi, jgħidilna L. Iżid jgħid li jien x’aktarx twelidt meta Merkurju kien fir-retrograd .

Dekorazzjoni art-nouveau