Djarju #8
Warren Bartolo

Inħossni qisni qed nikteb għall-ewwel darba

Warren Bartolo

F’din l-entrata huma diskussi d-dettalji ta’ film dwar imġiba awtodistruttiva.

Nixtri lożor ġodda filgħodu. Naħsilhom waranofsinhar. Breakdown filgħaxija.


12 ta’ Lulju 2024

Wara lejl xita, it-twieqi mdawla bir-ragħad, fit-tieqa ta’ quddiem is-sodda deher dlam qawwi u sieket. Bħallikieku kont għadni kemm qomt minn raqda lluppjata. Imnieħri u ħalqi għandhom togħma ta’ kimika u moħħi bħal brama li tħalliet fuq ir-ramel tinxef fix-xemx. Kien dan it-tip ta’ sentiment li ħassejtu jiżvela ruħu f’diversi partijiet ta’ rasi, brama tnixxi bil-mod, u mediċina. Jien u dieħel fil-café, nisma’ grupp ta’ nies jitkellmu dwar it-trapjanti tax-xagħar. Qed jitfartas fin-nofs ta’ rasu, jgħid wieħed. Kulħadd it-Turkija sejjer, hux? Jasal, jgħidli li l-flokk tiegħu għandu toqba taħt abtu u jurini. Tajjeb għas-sajf, ngħidlu. Il-banketti li fuqhom qegħdin bilqiegħda jduru u nagħtu dawra lil xulxin u nibqgħu sejrin hekk minuta sħiħa. Induru u nitkellmu. Iżda Virginia Woolf tikteb ħafna dwar it-temp. Inħossni ċert li xi ħaġa trid tinbidel. Bidla drastika, jew naqta’ s-sentimenti. Jista’ jkun li abbandunajt lili nnifsi daqshekk?


13 ta’ Lulju 2024

Virginia Woolf mill-ġdid. Ma kelli l-ebda idea li kienet taf issuq. Jew għall-inqas, tgħid li tgħallmet biss kemm issuq lejn il-kampanja biex tkun waħedha. Kitbet l-istruzzjonijiet kif tistartja l-karozza fuq biċċa karta. Entrata oħra dwar il-ħajja minn Woolf, din mill-Ħadd, 20 ta’ Novembru: “il-ħajja kaskata, żerżiqa, turrent: kollha f’daqqa”. Dispjaċir li xtrajt dawn il-croissants għaljin. Il-mara qiegħda fuq il-mobile, ma tindunax li qegħdin quddiemha nistennew. Inħarsu lejn il-ġelati. M’għandhomx tabelli biex jindikaw liema togħma għandhom. Imbagħad naraw li hemm tabella kbira mdendla wara ras il-mara b’lista tal-ismijiet kollha tal-ġelati. Vanilla u Pistachio. Jien u S inħarsu lejn xulxin u nitbissmu għax il-mara għadha ma ndunatx. Iii skużawni, kont mitlufa fi ħsibijieti, tgħidilna. Kif nista’ ngħinkom? Tazza żgħira pistachio, u cornet tal-vanilla. Għajnejha blu ċari, ħarsa li treżżaħ u xagħarha iswed faħma. Għandha tbissima simpatika li tolqtok. Nerġa’ nara ftit mis-seba’ staġun ta’ The Real Housewives of Beverly Hills qabel norqod. Amelia Gray vera għadha żgħira.


14 ta’ Lulju 2024

Ix-xmara għaddejja, ħadra. Iċ-ċikkulata fuq il-mejda dabet fil-karta tagħha. Inpoġġiha fil-friġġ. Naqra Manon Lescaut? Nimxi sal-Marais ma’ S. Nieqfu għal kafè u panina bil-ħass u l-ġobon fl-Istitut Żvediż. Nimxu ftit iktar. Mhux ċert fejn irridu mmorru, għandna aptit naraw l-arti imma fl-istess ħin m’għandniex aptit. Induru lura u naqsmu s-Seine. Nieqfu l-café Korean il-ġdid, irrid li jipprova x-shortcake tal-frawli tagħhom. Niġbor xi kotba oħra waqt li hu qiegħed fuq it-telefown ma’ ommu. Għajjenin wisq biex nixtru tofu, u mmorru dritt għandi. S għandu l-ktieb tal-istejjer qosra ta’ Mansfield miftuħ u mdendel fuq il-koxxa. Édouard Louis jikteb fuq l-istorja tal-Instagram tiegħu: L-estetika tal-ħajja waqt il-vaganzi, inqumu f’nofsinhar, kolazzjon u qari bejn nofsinhar u t-tlieta, fit-tlieta noqgħod waħdi biex naħdem (naħdem fil-kċina, passjoni li ħadt minn Marguerite Duras), nerġgħu niltaqgħu fis-sebgħa u nofs ta’ filgħaxija. Il-ktieb Mansfield issa jinsab miftuħ u ċatt, iħares ’l isfel, fuq il-mejda. Dejjem ninsa fejn hu s-swiċċ tad-dawl għall-hallway u għalhekk nispiċċa nimxi fid-dlam sakemm insib il-lift. Erġajt qed inħobb il-kittieba li qrajt ħames snin ilu. Nerġa’ nħares lejn l-iskeda taż-żmien li ktibt tmien xhur ilu għall-proġett tiegħi. Qum kmieni filgħodu, lesti l-magna tal-kafè, iġġebbed mal-art, mur mal-mejda u sforza lilek innifsek biex tikteb. Jew inkella qum, agħmel erba’ sigħat taqra, u tibdiex tikteb qabel nofsinhar. S imur iċ-ċinema ma’ wieħed li jiltaqa’ miegħu biss fiċ-ċinema. Niġi lura d-dar biex inkompli nikteb. M’għandi xejn fil-friġġ xi nsajjar minkejja li għamilt ix-xirja iktar kmieni llum. Eżempju, William Godwin qabad notebook li kien juża bħala djarju, u qasam kull paġna individwali f’seba’ biċċiet, għas-sebat ijiem tal-ġimgħa. Forsi ma nafx naħdem fuq abbozz wieħed, iżda tnejn f’daqqa, biex wieħed jimbotta lill-ieħor.


15 ta’ Lulju 2024

Anzjuż dwar il-kitba. Kull darba li nikteb, inħossni qisni qed nikteb għall-ewwel darba. Naħseb mill-ġdid dwar kemm inħobb il-Letteratura tal-Qedem. Ovidju, Omeru, Esodju. Kemm huma densament ippakkjati s-sentenzi tagħhom. Meta jiġu ppreżentati f’lingwa oħra, kważi tistħi mis-sens li joħroġ. Imma dan huwa ħsieb inutli. Huma jiktbu mill-ġdid il-ħolqien f’kull frażi li jniżżlu, ħolqien sħiħ, tassew. Fil-grupp tal-Whatsapp jerġgħu jiġu diskussi l-insetti tas-sodda sa tard billejl. Jien insegwi u naqra kull messaġġ imma ma nikteb xejn. Tfajla jisimha V tibgħat video ta’ erbatax-il sekonda ta’ insetti mgħaffġa fuq il-lożor tagħha. Fil-video tgħid, żgħar, naħseb baqq, kienu kollha mxerrda kullimkien u ppruvajt noqtolhom. Persuna oħra, li n-numru tal-mobile tagħha jidher mingħajr isem, tgħidilha li mhumiex baqq, li jkunu baqq biss jekk ikunu ċatti u orribbli u jaqbżu. Tgħid lil V li għandha tkellem lir-receptionist jew xi ħaġa, peress li dawn l-insetti li qed jidhru fil-video huma pesti u jinfirxu malajr ħafna. V tidher imdejqa, tgħid li għadha kif waslet u sabet dan ir-“rigal. Il-messaġġ ta’ persuna oħra jgħid: L-aħjar huwa li tinforma lir-receptionist mill-aktar fis possibbli sabiex tkun tista’ tagħmel xi ħaġa, qabel ma dawn l-insetti jinfirxu f’kull appartament. Persuna bl-isem S tissuġġerixxi li jekk għandek ħall abjad, tnaddaf kullimkien u torqod sew għax dawn jibżgħu mill-ħall. Persuna bl-isem R tikteb li ħafna minna ilna bihom diġà xi ftit jiem issa. V tgħid li l-insetti kienu diġà hemm, meta kienet daħlet. J jikteb, nagħti parir lil kulħadd fil-bini prinċipali biex jiċċekkja l-ħwejjeġ u l-basktijiet JEKK daħlu l-ANNEX. P għandha suspett ieħor: Forsi huwa permezz tal-magna tal-ħasil li ġew trażmessi? Għax f’inqas minn 60∘c ma jmutux. Tibgħat l-emoji tal-mara ta’ xagħarha iswed li qed tgħolli spallejha. S: L-amministrazzjoni għandha taġixxi malajr biex trażżanhom. Persuna oħra tibgħat messaġġ tgħid li għandha emerġenza tal-aħħar minuta u qed tfittex mikrofonu shotgun għal DSLR, biex tissellfu. Ma norqodx minnufih għax nisma’ ’l-ħaddiema jarmaw il-barrieri tal-ħadid fit-triq, naħseb minħabba l-Jeux Olympiques.


16 ta’ Lulju 2024

Niltaqa’ ma’ J f’Rue Geoffroy l’Asnier fl-10h30. Jerġa’ jitla’ fuq biex iġib ġakketta għax jirrealizza li pjuttost kesħa. Nistaqsih jekk iridx imur Le Peloton għax hemm ikollhom croissants u jagħmlu wkoll kafè deċenti. Huwa jgħid iva b’mod inċert. Nistaqsih jekk jippreferix imur f’brasserie Franċiża u jgħid li jippreferi. Nilmaħ lil F taqsam it-triq, tkaxkar ir-rota fuq il-lemin tagħha. Inxejrilha, ixxejjirli lura. Tgħidli li x’aktarx qbadtha tagħmel espressjonijiet strambi b’wiċċha hi u taqsam it-triq. Dan għaliex dalgħodu kienet għadha kemm rat tabib biex tkellmu dwar l-episodji tagħha fejn qed tesperjenza vertigo. It-tabib qalilha biex tmur għall-MRI scan illejla u għalhekk kienet qed tħossha stramba dwarha. It-tabib qal li huwa biss bħala prekawzjoni, jista’ mhu xejn serju. J jgħidilna li ommu wkoll ilha tbati minn vertigo u kienet għaddiet mill-istess proċeduri. Immur Dover Street Market ma’ J, wara li nixtri pinna, notebook, u karkur għal ġewwa. Huwa kien diġà mar darbtejn f’dawn l-aħħar ġimgħa u nofs. Kien ra xi żraben li għoġbuh iżda ma kellhomx id-daqs tiegħu. Meta nidħlu, mill-ewwel irrid nerġa’ noħroġ. Veru niddejjaq nidħol fil-ħwienet tal-ħwejjeġ — sens ta’ stimulazzjoni eċċessiva u sens ta’ x’inhu l-punt li qed inħares lejn il-ħwejjeġ. Nitilgħu fuq mill-ewwel, hemm gwardjan kull żewġ metri. Ngħidulhom bonjour kollha. Inħarsu lejn il-ħwejjeġ u niċċekkjaw il-prezzijiet. Xi drabi, J jaqbad biċċa, xi dublett jew xi flokk, u jitfgħu ma’ ġismi biex jara kif jidhru fuqi. Iż-żraben qegħdin bis-sale. Nistħi nistaqsi lil tal-ħanut jekk nistax nipprova wieħed, u b’hekk jistaqsi J għalija, u mbagħad inkompli l-konverżazzjoni jien. Jiġini u jogħġobni. J jipprova par ukoll. Iġibulu d-daqs tiegħu, però b’kulur differenti. Ngħidlu li jogħġobni u li naħseb li jixraqlu. Ma nidhirx qisni buffu, hux? jistaqsini. Jien ngħidlu le, u tal-ħanut tgħidlu eħe, imma għalhekk sbieħ, għax qisek buffu. Imbagħad jien naqbel magħha. Għalkemm jiġih tikka kbir, jiddeċiedi li jġibu xorta — għax sabiħ u mhux għali. Tal-ħanut tgħidilna li hi tippreferi tixtri ż-żraben tagħha ftit ikbar mid-daqs ta’ saqajha, hekk kif tgħolli u xxejjer fl-arja l-pala ta’ saqajha fiż-żarbun u aħna nħarsu lejha u naraw li veru, iż-żarbun jiġiha ftit kbir. Nixtri par żarbun, aħmar, tad-ditta Asics. Meta nasal id-dar, inneħħih mill-kaxxa, nistiva l-kaxxa fil-placard u npoġġi ż-żarbun fejn il-bieb. Minn ħin għall-ieħor, inqum mill-iskrivanija, nerġa’ mmur fejn il-bieb, naqbad iż-żarbun u ngħollih ma’ wiċċi biex narah mill-viċin. Mhux biex nikkonferma jekk, wara kollox, jogħġobnix jew le iżda biex nikkonferma l-eżistenza tiegħu. Ma nagħmel xejn ħlief inċaqlaq iż-żewġ munzelli kotba fuq l-iskrivanija b’ċentimetru lejn il-lemin.


17 ta’ Lulju 2024

Inħalli d-djarju miftuħ ġurnata sħiħa, bħallikieku jekk jitħalla miftuħ, ikun jista’ jassorbi kull materjal jew ħaġa li javviċinawh. Nimmaġina, eżempju, kelb b’għasfur fuq rasu, mixjin fl-appartament tiegħi, u ladarba joqorbu lejn id-djajru, jiġu trasferiti fih u jinbidlu fi kliem u f’sentenzi. Tabs miftuħa fuq il-web browser: “Emma Roberts films”, “Vanessa Bell”, “Lafayette Anticipations”. Il-ħabib ta’ J jgħid li fil-fatt se jiltaqa’ magħha fil-ħajja reali dalwaqt, għax ħabib tiegħu huwa ħabib tajjeb tagħha. Iż-żewġ twieqi kbar tiegħu jagħtu direttament fuq il-Mémorial. Jippunta lejn id-diversi kameras tas-sorveljanza li hemm quddiem it-twieqi tiegħu u jgħidilna li kultant jistgħu jħossu l-moviment tiegħu fl-appartament u jduru lejh minnufih. Ninsab ċert li wħud minn dawn il-kameras jistgħu jaraw minn ġol-ħitan ukoll. Veru nħossni stramb, jgħid, qisni taħt osservazzjoni. Inqumu mis-siġġijiet tagħna u nxaqilbu ġisimna minn ġot-tieqa biex naraw jekk il-kamera tas-sorveljanza ddawwarx wiċċha lejna. Iddawwar wiċċha lejna u nistagħġbu u nidħqu u nxejru. Fuq wieħed mill-ħitan tiegħu, kien dendel drapp b’kitba rrakkmata u żewġ figuri li jidhru qishom Rumani. Id-drapp huwa abjad u l-kitba kienet saret bil-kulur tal-fidda u miktuba bil-korsiv. Jgħid li l-kitba kien għamilha meta kien hawn fl-2018. Waħda mis-sentenzi tgħid xi ħaġa bħal meta bżaqt fuq wiċċi dak il-lejl, kienet l-aktar ħaġa romantika li qatt ħassejt. Jgħidilna li wara li l-ġuvni beżaq fuqu, baqa’ jistaqsih jekk hux okay, u baqa’ jieħu ħsiebu. Ngħidilhom l-istorja ta’ meta darba wieħed ġabha f’għajnejja u mbagħad qatta’ ħmistax-il minuta jqattarli l-qtar tal-għajnejn. Jgħidilna li l-aktar nies intelliġenti li qatt iltaqa’ magħhom huma kollha segwaċi ħerqana tal-franchise Real Housewives. Tassew? nistaqsih. Ninżlu isfel u nisimgħu tnabar u trumbetti jdoqqu, donnhom ġejjin minn fejn ix-xmara. Naħsbu li hija xi tip ta’ banda. Nimxu ’l hemm. Meta naslu l-ħsejjes jieqfu u ma naraw l-ebda banda. Induru, u nimxu fil-Marais. S iwieġeb il-messaġġi tiegħi. Jgħidli li sejjer lura d-dar, iżda se jmur jixtri falafel fi triqtu. Nistaqsih jekk ħax gost u jgħidli iva. J qed jiggwidana. Sejrin Le Duplex, bar tal-gays. Kont daħħaltha f’moħħi li huwa club, u fil-fatt meta naslu, nerġa’ niftakar li mhuwiex club. Hawn kelb sufi iswed mixħut mal-art, ngħidulu coucou, imbagħad inpoġġu ma’ mejda għolja. Jien ma rridx nixrob. J imur jordna: pinta bjonda u nofs pinta bjonda. Dustan kien jiġi spiss hawn. Isemmih bosta drabi fil-kotba tiegħu. J jistaqsini jekk hux qed inħossu l-fatat ta’ Dustan bħalissa. Jien ngħidlu le.


18 ta’ Lulju 2024

Għodwa naqra u nixrob il-kafè. It-triq ta’ quddiemi vera silenzjuża. Il-bankini mdawrin b’linji ta’ barrieri tal-ħadid. S jistaqsini għalfejn inżomm iż-żewġ siġġijiet-pultruni jħarsu ’l ġewwa minflok nagħmilhom imdawrin lejn it-tieqa, għal veduta ferm isbaħ. Ngħidlu ma nafx, li verament għandu raġun, ikunu aħjar iħarsu lejn it-tieqa, biex inkun nista’ nara l-veduta u s-siġar li hemm fit-triq, kif ukoll inkun nista’ nserraħ saqajja fuq ir-radjatur. Il-fatt li dal-ħsieb ma kienx għaddieli minn moħħi jġegħelni nħossni qisni katavru ħaj. Kont wisq disratt? Ma nafx nieħu gost? M’għadnix naf nagħraf il-ġmiel? Qed inħossni indifferenti għal kollox?


19 ta’ Lulju 2024

Nitrejjaq b’pain au chocolat sa nofsinhar. Nidħol ġo żewġ ħwienet tal-ħwejjeġ biex forsi nixtri flokk taċ-ċingi jew xi ħaġa ħafifa għas-sajf, però ma jogħġobni xejn. Minflok, immur café, niċċekkja għandix biżżejjed flus għal iced latte. Għandi. Inpoġġi u naqra sa paġna ħamsin. Imbagħad jien u miexi nħossni mħeddel ħafna, qisu ħa jtini ħass ħażin. It-temperatura telgħet f’salt. Nerħilha lejn id-dar u nintefa’ quddiem il-fann. Niddeċiedi li ż-żarbun li xtrajt it-Tlieta m’għadux jogħġobni u nixtieq li qatt ma xtrajtu. S jibgħatli biex jgħidli qed jaħsibha jmurx jgħum fil-pixxina jew imurx jieħu drink. Ngħidlu li naħseb li huwa wisq kmieni biex imur jieħu drink. Jgħidli ħa jmur il-pixxina u jibgħatli ritratt tar-rifless tiegħu f’mera ta’ bieb fit-triq: liebes ix-xorz abjad u l-polo neck abjad bit-tikek suwed li xtara dil-ġimgħa. Ngħidlu biex wara li jlesti mill-pixxina, jibgħat jgħidli x’affarijiet immaġina li ra fil-qiegħ tal-pixxina. Tipo oġġetti u hekk, niktiblu. Ftit sigħat wara, waqt li qiegħed il-park ma’ sħabu, nistaqsih x’kien ra fil-qiegħ tal-pixxina. Jgħidli li kien nesa li kont tajtu dal-eżerċizzju. Kien nesa jimmaġina, għax beda jiffoka wisq fuq li ma jegħriqx.


20 ta’ Lulju 2024

Ridt immur Berthillon biex nieħu ġelat fil-coupe tal-fidda. Nimxi tul il-barrieri tal-ħadid sakemm insib fejn jieqfu u fejn tibda d-daħla għat-triq li tagħti għall-pont. Il-gwardjani jitolbuni l-pass jeux. Nurihom il-QR code fuq il-mobile. Il-gwardjana tkabbar il-QR b’subgħajha u tiskennjah. Imbagħad tħares lejn wiċċi għal ftit sekondi. Ok, tgħidli. Ebda bniedem fit-triq ta’ quddiem ix-xmara, ħlief żewġ persuni li għaddejjin bir-rota. J kien bagħatli messaġġ ftit jiem ilu biex jgħidli li għandi naħtaf l-opportunità u mmur mixja max-xmara dal-jiem, hekk kif hija żona griża, aċċessibbli biss min-nies li joqogħdu f’dawn l-inħawi. Nasal fuq il-pont. Ix-xmara. Nidħol fil-ħanut u nistaqsi lir-raġel jekk jagħmlux ġelat fil-coupe, u nurih ritratt fuq il-mobile bħala referenza. Jgħidli li le, il-ġelat fil-coupe jagħmluh fil-ħanut ta’ faċċata, li għandu l-faċċata kannella tal-injam, iżda bħalissa huwa magħluq. Naqsam it-triq u nimxi lejn il-ħanut li semmieli biex nara hemmx miktub il-ħinijiet tal-ftuħ. Għandhom karta mwaħħla mal-bieb: Glacier Berthillon Réouverture le Mercredi 4 Septembre 2024 à 10h. Inkemmex xufftejja. Għal mument ma rridx nemmen li huwa magħluq u li se jerġa’ jiftaħ xahrejn oħra: kważi nħoss li forsi b’xi mod nista’ nikkonvinċihom jiftħu issa stess. Imbagħad inneħħi dal-ħsieb u ngħid lili nnifsi li m’għandix għalfejn inħossni meqrud minħabba ġelat. Inħossni Virginia Woolf meta ħarġet tixtri lapes f’Londra. Nerġa’ naqsam it-triq, hemm ħanut b’Berthillon miktuba b’tipa nnukklata u la ġenba u fil-vetrina għandu l-ġelati. Nidħol żewġ passi ’l ġewwa u nara li għandhom torri coupes tal-fidda maqlubin rashom ’l isfel u fuq xulxin fejn il-bar. Nistaqsiha lil tal-ħanut, li laqgħetni bi tbissima mċarrta u għajjiena, jekk tagħmilx ġelat fil-coupe, u nuriha l-istess ritratt li kont urejt lir-raġel fil-ħanut l-ieħor. Hi tispjegali l-istess ħaġa li kien qalli dak ir-raġel. Però, tgħidli, nista’ nagħmillek ġelat fil-coupe u bix-chantilly u hekk, iżda mhux stravaganti daqs ta’ dar-ritratt, bid-disinn u bil-biskuttina. Niftaħ għajnejja beraħ u ħalqi jieħu l-forma ta’ o żgħira. Okay, tajjeb xorta waħda għalija, ngħidilha. Trid tpoġġi ġewwa jew barra? tisaqsini. Inpoġġi fuq il-mejda t-tonda ta’ barra. Immexxi l-qasrija bil-pjanta falza li kienet qed iżżomm il-menù milli jtir, u nara x’togħmiet tal-ġelat għandhom. Għalkemm naf diġà li se nieħu xi ħaġa bażika bħal vanilla u frawli. Ftit minuti wara li nordna, tiġi b’coupe tal-fidda b’żewġt iblalen tal-ġelat u muntanja chantilly fuqhom. Fuq platt tond b’tissue kwadra ħamra u kuċċarina mit-twal. Wara li nlestih, nibqa’ bilqiegħda għal tliet kwarti oħra, u nlesti l-ktieb. Xi trankwillità hawn, hux, tgħidli, meta nidħol biex inħallas.


21 ta’ Lulju 2024

Nofsu rieqed, S jistaqsini jekk il-gallettini Pepito li ħlomt dwarhom il-lejl ta’ qabel kinux tal-frawli. Kont irrealizzajt li l-impuls li jogħġobni fid-djarju ta’ Woolf huwa t-tiwi għal ħafna drabi tal-irridixxenza tal-kitba. Id-djarju xi jrid minnu nnifsu? Il-ġurnata fil-qiegħ tal-kelma djarju, dies, kemm taf tiġġebbed? Biex jekk ikollok bżonn iddur lejn xi ħaġa, issibu dejjem hemm. Id-djarju xi ħaġa li ġġegħelni ngħix. Forsi s-sens ta’ nuqqas ta’ kitba formali ħassejtha qisha kalamita bejn il-ħsieb u l-kitba. In-namra lejn il-ġustapożizzjoni ta’ affarijiet li jħokku ma’ xulxin. Żgur, id-djarju qatt mhu djarju. Id-djarju huwa għorab. Tip ta’ ħarba oħra? Woolf stess tammetti li ma rnexxilhiex tikteb fih kuljum. Il-Ħamis, 28 ta’ Marzu, 1929: “Verament ħaġa tal-mistħija; ebda djarju qatt ma tħalla għal daqshekk tard fis-sena!” U darb’oħra, fil-11 ta’ Ġunju 1922, hi tiffrustra ruħha li ma rnexxilhiex tikteb fid-djarju, “Tal-mistħija! Tal-mistħija! Tal-mistħija! Mis-27 ta’ April sal-lum, ma tniżżlet l-ebda kelma. Forsi ma nista’ naħseb f’xejn iktar imxerred, komuni, dejjem-preżenti, mid-djarju nnifsu. Kitba bl-addoċċ. Jekk taqrah, ma nibqgħux ħbieb. Id-djarju huwa introvert? Woolf bdiet iżżomm djarju mis-sena 1896, meta kellha erbatax-il sena. Dan id-djarju tagħmel referenza għalih fl-ewwel entrata tad-djarju tas-sena 1897. Fl-istess waqt li oħtha Vanessa u ħuha Stephen kienu qed jagħmlu l-istess, jiktbu d-djarju tagħhom. Li kien ovvju kien li d-djarju kellu rabta maż-żmien, l-avveniment. It-tendenza tiegħu għad-dokumentazzjoni, apparat li jħares ’il quddiem, li jerġa’ jiġi skopert aktar tard, il-klixè tiegħu biex iżomm frażijiet inesprimibbli. Dan kollu deher boring. Il-kapaċità tiegħu għall-organizzazzjoni: id-djarju jaf eżattament meta ġrat il-ħaġa. Id-djarju b’pożizzjoni ossimoronika: huwa xorta ta’ impenn iżda huwa wkoll nuqqas ta’ impenn: sempliċement meqjus bħala marginalia, il-kittieb jikteb fih bħallikieku bl-għaġla, malajr. Iħabbar. Ftit wara li Woolf lestiet l-abbozz tal-esej tagħha dwar il-mara u l-finzjoni, “A Room of One’s Own”, spiċċat fi stat ta’ niket u dipressjoni. Reġgħet waqfet tikteb fid-djarju. Il-konnessjoni bejn id-djarju, il-waqfa u l-qerda. Kif Ted Hughes ħaraq id-djarju ta’ Sylvia Plath wara li mietet. L-istess djarju li kienet qed tikteb fih qabel ma qatlet lilha nnifisha. Niftakar nisma’ lil Sheila Heti tgħid li hija kuntenta li, wara li d-djarju tagħha ġie ppubblikat, sħabha ma sarux jobogħduha. Id-djarju ta’ Cecilia Lisbon f’The Virgin Suicides. “Playground Love” tal-Air iddoqq fl-isfond. Tiġi interrotta mill-vuċi tan-narratur li jiddikjara “Cecilia kienet l-ewwel li telqet” u mbagħad il-mużika tkompli. Cecilia Lisbon tagħmel suwiċidju ftit wara li grupp ta’ subien jaslu fid-dar tal-aħwa bniet Lisbon għal festin. Wara li nqalgħet il-grada ppuntata li Cecilia kienet qabżet għal fuqha, il-grupp tas-subien li saru ossessjonati bil-bniet bdew jiġbru tifkiriet mingħandhom. Fost it-tifkiriet, ġabu d-djarju ta’ Cecilia li Parkie kien kiseb mingħand Skip Ortega, l-assistent tal-plumber li kien sabu ħdejn it-tojlit fil-kamra tal-banju. Tim Weiner jaqra lis-subien: “Instabbiltà movimentali. Ħares lejn l-għajnejn, it-tikek fuqhom. Qegħdin kullimkien. Minn dan jaqtagħha li Cecilia kienet tħobb toħlom, li ma kellhiex kuntatt mar-realtà. “Meta qabżet, x’aktarx ħasbet li se ttir. Tifel ieħor jaqra entrata oħra. “It-Tnejn, 13 ta’ Frar. Illum kilna pizza tal-friża. Is-subien jgħaddu d-djarju, kollha kemm huma jaqraw l-entrati li jridu. “Il-Ħamis. Il-mamà għamlet cream corn għall-pranzu. Ħażin. Immens. Ieħor. “Mary ċaqqmet is-snien ta’ fuq ta’ quddiem meta kienet il-bandli għax kienet qed iġġib ruħha qisha idjota. Cecilia kitbet ħafna wkoll dwar is-siġar tan-nemmies. “Kemm-il paġna tista’ tikteb dwar siġar li qed imutu?” jistaqsi wieħed mis-subien. “Lux iġġennet wara Kevin Haines, taż-żibel. Kienet tqum fil-ħamsa ta’ filgħodu u toqgħod qisha mhix hi fuq it-turġien ta’ quddiem, bħallikieku ma kienx ovvju għalfejn. Hija kitbet ismu b’marker fuq il-bra u l-ħwejjeġ ta’ taħt kollha tagħha u l-mamà sabithom u bbliċjat il-Kevins kollha. Lux qattgħet il-ġurnata kollha tibki. Permezz tad-djarju ta’ Cecilia, is-subien jibdew isiru jafu kollox dwar il-bniet, u dwar “il-ħabs li tkun tifla” .

Dekorazzjoni art-nouveau