•  

Sensiliet

  1. Invokazzjonijiet

    Beverly Agius

    Aphroconfuso,
    jaqaw sirt taf li qed niktbek?

  2. Murmurazzjoni

    Luke Joseph Buhagiar

    Żifna bħal dik. Sturnell jgħixha minn ġewwa iżda qatt ma jaraha minn barra. Bniedem jinzertaha minn barra iżda titjirietha qatt ma jtarrxuh minn ġewwa. Għandha mid-divin fejn id-divin għandu mill-ipprojbit. Sbuħitha tinnamra mal-waħx, fwiħitha tiġbed lejn xi mkien ieħor anke jekk il-qatgħa spiss tmewweġ u titmewweġ fl-istess post. Jekk l-anatomija tistudja l-istruttura tal-ġisem u l-fiżjoloġija l-funzjonalità, fil-każ tal-murmurazzjoni liema waħda minn dawn hi mqar possibbli?

  3. Nifs: Kaos u Poeżija

    Franco “Bifo” Berardi (tr Karl Baldacchino)

    F’dal-ktieb il-ġdid, li hu ddedikat lill-kundizzjoni ta’ qtugħ ta’ nifs kontemporanja tagħna, nirritorna għall-metafora tal-poeżija bħala l-unika triq għall-ħarba mis-soffokazzjoni. Illum il-poter hu bbażat fuq relazzjonijiet astratti bejn entitajiet numeriċi. Filwaqt li l-isfera finanzjarja hija ggvernata mill-algoritmi li jgħaqqdu l-frattalji ta’ xogħol prekarju, l-isfera tal-ħajja hija invaduta minn flussi ta’ kaos li jipparalizzaw il-ġisem soċjali u joħonqu n-nifs u jifgawh. M’hemm l-ebda ħarba politika minn din in-nassa: il-poeżija biss, bħala l-eċċess ta’ skambju semjotiku, tista’ terġa’ tattiva n-nifs. Il-poeżija biss tgħinna fl-apokalissi li diġà qed tifferoċja taħt l-effett ta’ deċennji ta’ assolutiżmu finanzjarju. Il-poeżija biss se ttaffi t-tbatija ta’ moħħ l-inġinier u ta’ moħħ il-poeta, u se tkun qed taġixxi biex treġġa’ lura l-ħakma tal-isfera finanzjarja fuq il-lingwa.

  4. Għalhekk Qed Nivvjaġġa bil-Mod

    Kristina Borg

    Dan il-vjaġġ jifforma parti minn fażi ta’ riċerka u esplorazzjoni f’kuntest iktar wiesa’ tal-proġett tiegħi You Are What You Buy, li issa ilu għaddej għaxar snin u nixtieq nifhem fejn sejjer, fejn jista’ jmur, jekk forsi wasalx fit-tmiem tiegħu, jew hux qiegħed f’xi fażi ta’ transizzjoni, ta’ bidla. Ħadt il-fondi tal-Kunsill Malti għall-Arti għal sena sabbatika, li sabbatika mhi xejn. Il-fażi reċenti tal-proġett u dik kurrenti qed iħarsu lejn it-tibdil tal-klima, lejn il-politika tal-ikel fil-kuntest tal-gżira li ngħixu fuqha, u lejn kif nistgħu nipprattikaw forom diversi tal-ekonomija. B’daqshekk għedt ħafna, u m’għedt xejn, imma l-iskop ta’ dan it-thewdin ta’ bħalissa mhux li nanalizza l-proġett. Anzi, fil-fatt inħossni privileġġata. Mhux għax ħadt il-fondi; vera li għandi aċċess biex napplika, imma dawk dejjem nitbagħal għalihom, daqqa jiġu, u daqqa ma jiġux. Inħossni privileġġata għax nista’ nżur pajjiżi oħra u nwessa’ l-orizzonti tiegħi, imma a skapitu ta’ min? Ta’ xiex?

  5. Fejn Ħallejtha r-Rota Meta Ħrabt?

    Karl Schembri

    L-immaġni tar-raġel bir-rota baqgħet f’moħħi għal snin twal mindu pproċessajtha u kienet ippubblikata. Meta faqqgħet il-gwerra fuq l-Ukrajna, reġgħet feġġet lura f’moħħi b’iżjed qawwa. X’sar minnu dal-proxxmu bla isem? Fejn mar bir-rota, dat-teżor żgħir imħolli lilu f’nofs dil-ħerba? U kienet proprju din l-immaġni f’moħħi meta ktibt “Fejn ħallejtha r-rota meta ħrabt?” X’sar minnu dar-raġel, u hemm xi ħadd li jimpurtah? Il-ġenerożità lejn ir-refuġjati Ukreni filwaqt li l-Ewropa tkompli tibni l-ħitan tal-fortizza kontra kulħadd, tfakkarna fil-barbariżmu tal-mexxejja tagħna. B’din il-poeżija, u l-oħrajn kollha miġbura hawn, ridt infakkar lill-mexxejja tagħna f’dan ir-raġel anonimu miexi bir-rota, li jista’ jmut bħala konsegwenza tad-deċiżjonijiet tagħhom.

  6. Es Sidr

    Omar N’Shea

    Għandi f’idi file tad-ditta Dex, tal-kartun, kulur is-sadid. Fil-ġenb tiegħu, fuq ix-xellug, hemm fejn tikteb in-numru tal-file, l-isem, l-indirizz, id-data u r-referenzi. Niżżlet is-sena 1974, isimha Mrs Josephine Otman Salem, l-indirizz 5 Triq Merino, Ħal Lija, Malta, u d-data, “Feb 1974”. Fuq il-ġenb tal-file hemm l-istess linji biex timla l-istess informazzjoni; b’hekk, meta tqiegħdu wieqaf fuq xkaffa, tkun tista’ tara liema hu. L-isem li kitbet hawn huwa Sylvia Debono. L-indirizz, 39 San Bastjan, Ħal Qormi. Id-data hija l-istess bħal dik li hemm fuq il-faċċata: Frar 1974. Il-kalligrafija hija tagħha, għax nagħrafha. Fuq wara m’hemm xejn miktub. Il-file mimli, imbulmat b’ittri miktubin mill-istess id u li kumbinazzjoni tixbah lil tagħha, organizzati skont id-data ta’ meta nkitbu, bl-ewwel waħda fuq u l-aħħar waħda taħt nett. Kellha ħabta żżomm kollox u żżommu organizzat; kull ittra, kartolina, messaġġ, biċċa karta, ċavetta, u ritratt.

  7. Is-Sovranità tal-Ikel

    Nicole Borg

    Kif nistgħu bl-ikel li nieklu, nissalvagwardjaw is-saħħa tagħna u ta’ artna, imma wkoll is-saħħa ta’ dawk il-ftit nies li permezz tagħhom għandna dan l-ikel? Kif nistgħu nieklu b’mod li jħallina nirrifjutaw il-paradigma neoliberali li qed naraw fl-ikel modern, b’mod li jġedded il-wirt? Kif nistgħu nġibu ruħna b’mod li jiffaċilita s-sostenn tal-għajxien għall-bdiewa? Kif nistgħu nieklu b’mod li jgħinna nagħrfu l-iskarsezza tal-ikel Malti bħala effett postkolonjali? Kif nistgħu nerġgħu nindiġenizzaw l-ikel tagħna, billi nimpedixxu l-azzjoni korporattiva u nsaħħu l-interess fil-ġid komuni? Nafu x’ħa jsir minnu l-ikel tagħna? L-ikel sar għażżien wisq. L-ikel Malti mhuwa Malti xejn, l-ikel tagħna għadu kkolonizzat, b’identità batuta li tinħall fl-ilma.

  8. Inkejja

    Ryan Falzon

    Qabel daħal il-VRT, l-aċċessibbiltà, l-abbundanza u l-faċilità li bihom kienu jissewwew karozzi bħal-Lada, il-Marina, il-Yugo u mudelli speċifiċi tal-Ford u l-Fiat, għenu sabiex dawn il-karozzi servew fuq li servew. It-terminu “ħobż il-fqir” għadu spiss jitla’ f’konverżazzjonijiet dwar użanzi u mudelli antiki, fejn ċerti mudelli għadhom meqjusa bħala punt ta’ aċċessibbiltà, meta l-klassi tal-ħaddiema lejn l-aħħar tas-sittinijiet kienet saret taffordja toħroġ karozza ġdida, waħda kull familja, li biha bdiet tmur u tiġi mix-xogħol fil-kumdità u l-privatezza.

  9. Kullana ta’ Għanjiet Dwar il-Ħolm

    Kris Polidano

    Il-Malti jitkellem dwar il-forom tal-verbi. Bl-istess mod, hemm il-forom ta’ kif nippożizzjonaw ruħna meta nkunu reqdin. Fil-forma nsibu l-kontenut — dal-prinċipju narawh fil-qasam tal-bini u f’dak ta’ kif infasslu l-għodod tal-komunikazzjoni tagħna. Il-forom tal-verbi jiddeterminaw it-tifsira. Bl-istess mod, il-forom ta’ kif norqdu u nindifnu kollha għandhom il-konnotazzjonijiet tagħhom.

  10. Bur Mgħeż

    Omar N’Shea

    Bur Mgħeż għeb fil-baħħ. Sparixxa. Kieku ma kinux dawk l-uħud li jsostnu li semgħu lil missirijiethom isemmuh, kont taħseb li ivvintah Napuljun Tagliaferro f’konġura ma’ Temi Zammit. Anki l-isem sparixxa, u sparixxiet ukoll il-grammatika tal-istat kostrutt tiegħu. Imma kif iġġibu lura mill-mewt? Kif toħorġu minn qabru stess? F’dawn l-esejs li ġejjin se nipprova nirkupra ’l-Bur Mgħeż minn għejun differenti. Mill-memorja tal-Imqabbin, fejn mhuwiex sit arkeoloġiku li kellu okkupazzjoni ristretta għal perjodu determinat, imma lokalità ta’ ħafna identitajiet u ismijiet; “ta’ Bur Mgħeż”,Tal-Isqof,Tan-Naxxari, “ta’ Ċetta Pizzi”.

  11. Splużjonijiet

    Jimmy Grima

    Il-familjarità tal-Maltin mal-isplussivi tmur lura żmien twil. U l-bomba ta’ Ottubru 2017 splodiet f’kultura u f’mentalità li ma kienu aljeni xejn għall-isplużjonijiet. Biss biss, artiklu mit-Times minn Frar ta’ dik l-istess sena juri serje ta’ karozzi-bomba li jmorru lura għaxar snin. Il-Maltin ilhom jaħżnu ġo fihom fis-skiet, u l-bombi ma faqqsux mil-lum għall-għada. Il-ħoloq tal-militar, il-kapitaliżmu, ir-reliġjon u l-kriminalità kollha ħoloq waħda fl-oħra bħal katina. U kellha tkun l-iskuża tat-teatru u ż-żmien li kompla jtawwal minħabba l-pandemija sabiex nibda dir-riċerka. Hekk spiċċajt intlift f’dawn il-ħoloq kollha.

Dekorazzjoni art-nouveau