Din hija l-kitba ppubblikata dax-xahar:
-
- Ottubru 2024
Biex Tara Kif Jgħixu
l-Oħrajn Top of the World hu popolari ħafna fuq siti li jissuġġeruh bħala post fejn wieħed imur jimxi, jammira n-natura, il-veduta u l-istorja. Wieħed li jħobb jiġġerra fl-inħawi mal-lejl jista’ faċilment joħloq trinità ta’ żoni adatti għal skappaturi varji fil-viċin, irkejjen adatti għal namur f’karozzi pparkjati waħda wara l-oħra sakemm tiġi xi leħħa blu taħxi l-buzz kollu. Għandek l-inħawi tal-MCAST u l-Ġnien tal-Għarusa tal-Mosta, Top of the World fin-nofs, u ż-żona ta’ wara l-iSplash and Fun. Riċentament, il-ġnien tal-Mosta laqqat proġett ta’ riġenerazzjoni, minn dawk li sirna niddilettaw bihom, u ż-żona ġiet relegata għal dik bl-inqas privatezza fit-tali trinità. Id-dlam tal-parkeġġ ta’ biswit il-binja militari mdawra fi skola tal-arti u d-disinn, inbidel f’illuminazzjoni goffa daqs ground tal-football, u l-ġnien sar miżgħud dawl isfar atmosferiku, baxx mal-art, fejn ħafna saru jiġu għal xi date ħelwa, inkella jbewlu l-kelb mad-dawra tal-Victoria Lines, li jaqtgħu ħesrem max-xibka li ddawwar il-Fortizza tal-Mosta. Top of the World żgħir, jagħlaq għall-karozzi u forsi jipparkjaw erba’ karozzi kollox wara xulxin. Jekk tasal tard, jew fil-ħondoq tal-lejl, hawn jaf ma ssibx issorġi, u jkollok timmanuvra ddawwar ’il barra, bid-dawl jagħti għal ġol-vetturi wieqfa, jaqbad silwetti movimentati f’mumenti ta’ passjoni u ħġieġ. Jew jikxef tnejn ipejpu, jew jagħtu daharhom lil xulxin. Ħafna drabi tispiċċa ddawwar fi dlam ċappa, bl-amment, kontroll sħiħ tal-vettura b’intwizzjoni, għax bid-dawl mixgħul tħossok qisek is-searchlight tal-Ingliżi tgħarrex għal xi għadu ġej bil-vapur minn fuq l-orizzont. Allura titfi biex tkun edukat u ma tarax xeni privati, li taħt is-satra tad-dlam imperreċ fuq għolja qasma, jissarrfu f’xeni semipubbliċi.
-
- Djarju 01.06.2024
Kollox veru kollox falz
Hemm skritturi Eġizzjani mill-1200 QEK li jiddeskrivu sintomi tal-emigranji. It-tabib Grieg, Ippokrati, fl-400 QEK jikteb dwar uġigħ ta’ ras bit-taqlib viżiv. Fit-tieni seklu EK, Aretew tal-Kappadoċja jiddeskrivi fenomenu ta’ wġigħ ta’ ras li jaffettwa naħa waħda biss—u minn hawn nieħdu l-kelma moderna emigranja; bil-Grieg ἡμικρανία (hēmikranía), jiġifieri nofs il-kranju. Kien hemm żmien fejn kienu jaħsbu li l-emigranji kienu marka ta’ intelliġenza, u żmien ieħor fejn l-emigranji kienu meqjusin marka ta’ moħħ dgħajjef—speċjalment fost in-nisa li, meta kienu jbatu minn uġigħ kroniku kienu (u xi kultant għadhom) jitqiesu bħala “isteriċi”. Avolja l-emigranji jistgħu jaffettwaw lil kulħadd, huma ħafna iktar komuni fin-nisa—waħda minn kull ħames nisa; wieħed minn kull ħmistax-il raġel—fatt li jispjega għala ma tantx nafu dwarhom u x’jikkawżahom, peress li sal-lum, fil-mediċina, l-uġigħ tan-nisa mhux stmat bl-istess mod daqs l-uġigħ tal-irġiel. U l-uġigħ diffiċli tesprimih. Nista’ nipprova niddeskrivi s-sitwazzjoni; nista’ npinġilkom pittura ta’ ġismi jbati. Imma l-fenomenoloġija tal-uġigħ ma tiġix trażmessa. Il-kliem li għandna biex niddeskrivu l-uġigħ hu dgħajjef: rasi taħraq, ittanbar, twaħwaħ. Il-verità tal-uġigħ mhix hemm. Hi verità li tinsab midfuna fit-taqliba ta’ kull ġisem. Esperjenza kbira u waħdanija. Jien: fis-sodda, wiċċi mqarras, nitqalleb u nagħfas rasi b’idi; ġismi f’dak il-mument jikkmanda li nagħtih l-attenzjoni. Fil-ħin tal-uġigħ m’hemmx passat u futur; m’hemmx pjanijiet u spekulazzjoni. Hemm biss il-ġisem u l-mument.
-
- Ottubru 2024
Es Sidr #2
Ramel u muntanji
Qattajt il-vaganzi tas-sajf tal-1980 kważi kollha d-dar t’ommi tal-Iklin. Il-patt magħha biex noqgħod hemm u nkun nista’ ngħum sa billejl, kien li nagħti daqqa t’id, nieħu ħsieb l-annimali, naħsel il-karozzi u niżbogħ ix-xatba. Il-pixxina kienet id-dinja tiegħi: nifta’ l-ġebel fin-naħa l-fonda u nogħdos għalih, intellaq ma’ min jinżel jgħum, u nara x’qabża se nivvinta: jew gabrijoli minn fuq il-madum jew għal rasi minn fuq il-bejt. Ngħum min-naħa għall-oħra u lura fil-qiegħ u nżomm in-nifs. Nitla’ niekol il-patata maxx, nagħti l-laħam u l-ħut bil-moħbi lill-klieb, u nerġa’ ninżel fl-ilma. Is-sajf tal-1980 ma lbistx flokk wieħed. Għamilt sajf bil-malja, norqod, inqum, ngħum u ninħasel fiha. Kienet malja żgħira, bi strixxi ħomor u blu, u stilel bojod—bandiera tal-Amerka. Fid-dar tal-Iklin tgħallimt naqra, nigdeb, innaddaf l-annimali, nagħżaq, ngħum, nitkellem bl-Ingliż, u nibża’. Speċjalment nibża’. Ta’ tifel kont dejjem nibża’ mid-dlam, u l-Iklin kont noħlom li hemm l-erwieħ għaddejjin purċissjoni minn wara l-bieb tal-ħġieġ tal-kċina u jduru dawra mas-siġra l-kbira tal-berquq, iġorru rashom f’idhom. Qatt m’għedt lil ħadd li kont narahom fil-ħolm, u qabel norqod kont nagħfas l-imħadda fuq wiċċi u meta nkun kważi se nifga ngħid lili nnifsi, aħjar nibża’ milli mmut. Ħabib tiegħi fil-klassi għamel żmien twil jgħidli li jara x-xitan jistennieh ġej mill-iskola fuq it-taraġ li kellhom malli tidħol mill-bieb. Jien, l-erwieħ tiegħi żammejthom għalija. Biss, il-biża’ fi tfuliti xi drabi kien jieħu xejra iktar konkreta. Is-sajf tal-1980, żewġ ħallelin kienu daħlu fuqna f’nofs ta’ lejl waqt li jien kont rieqed ma’ Filumena, omm il-mara t’ommi. Ommi kienu l-Gżira, xogħol. Jien kont rieqed ma’ Filumena, hi fil-kamra tagħha maqfula biċ-ċavetta u jien fil-kamra tiegħi, l-ewwel waħda wara l-bieb ta’ barra, fuq ix-xellug, bit-tieqa tagħti għax-xatba. Qajmuni d-dawl ta’ karozza u l-inbiħ tal-klieb. Għall-ewwel ħsibt li kienu waslu ommi u allura għalaqt għajnejja biex norqod. Imma ftit minuti wara li rajt id-dawl tal-karozza jintefa, bdejt nisma’ ħsejjes u tgedwid mhux tas-soltu. Kienu tnejn. Bdejt nismagħhom jissaraw mal-bieb ta’ barra.
-
- Ottubru 2024
Antoloġija 1
Antoloġija 1 hija l-ewwel pubblikazzjoni stampata ta’ Aphroconfuso u tiġbor fiha l-biċċa l-kbira tal-kitba li dehret fl-ewwel sena tal-ġurnal. Din il-ġabra tinkludi esejs, stejjer, poeżiji, djarji, xogħol kollaborattiv u kitba oħra li mhux faċli tikklassifikaha. B'kollox tinkludi 34 xogħol minn 24 kittieb: Aaron Aquilina, Karl Baldacchino, Simon Bartolo, Warren Bartolo, Kurt Borg, Antoine Cassar, Daniel Cossai, Leanne Ellul, Noah Fabri, Ryan Falzon, Charlene Galea, Miriam Galea, Joe Gatt , Romeo Roxman Gatt, Rowena Grech, Jimmy Grima, Davinia Hamilton, Omar N’Shea, Kris Polidano, Matteo Pullicino, Matthew Schembri, Maria Theuma, Leslie Vassallo u Loranne Vella. Joe Gatt u Loranne Vella, edituri.
-
- Ottubru 2024
Dwar sens ta’ ħarifa
Nazzarda ngħid li l-esej biddilli ħajti u l-mod kif inħares lejha. Ngħid dan bir-riskju li dal-kliem jinstema’ klixè. Infatti, għalija l-esej bħala tip ta’ kitba jitgeżwer f’dan ir-riskju. Ħafna drabi, jien u nikteb l-esej, kien ikun hemm vuċi ġo fija li tgħidli: “Imma min se jimpurtah minn din il-kitba personali? Dawn il-memorji huma sinifikanti għalik biss.” Dan hu riskju reali ħafna. Li nista’ ngħid hu li jkun żball jekk l-esej personali jipprova jħares biss ’il ġewwa jew lura biex bħallikieku jaqbad xi ħaġa pura u verġni. L-esej sabiħ meta jkun kapaċi jfettaħ, iwessa’ u jespandi lil hinn mis-singolarità tal-Jien sabiex qarrej li ma jafekx jista’ jieħu xi ħaġa minnu. U minnek.
-
- Djarju 05.09.2024
Nirrealizza li ma nafx nixtieqx inkompli ngħix ħajti waħdi
Fis-sena 1976, Andy Warhol beda jżomm id-djarju tiegħu billi jiddettah lill-kittieba Pat Hackett (is-segretarja tal-Factory) fuq it-telefown u baqa’ sejjer hekk ħdax-il sena. Bl-istess mod, David Wojnarowicz ipprefera jiddetta d-djarju tiegħu milli jiktbu. Huwa rreġistra leħnu waqt li qed jitkellem fuq l-audio tape mill-1981 sal-1989. Iktar tard, dawn ġew ippubblikati bħala Weight of The Earth. B’kollox irrekordja ħdax-il djarju audio tape, mill-1981 sal-1982, imbagħad reġa’ beda fl-1988 sal-1989. “Qed inpejjep sigarett u nistenna li xagħri jinxef, nipprova nifhem x’se nagħmel.” Xewqa li d-djarju tiegħi niddettah ukoll; nimxi u nikteb, nimxi u niddetta d-djarju.
Abbona