Joey tgħidli li l-ewwel darba li saret taf li tħobb, kienet nieżla mill-mużew tas-subien lura d-dar għand ommha Marì. Bħal drabi oħra, dakinhar Joey waqfet ma’ Johnny il-ħanut tax-xorb li hemm wara l-knisja, hu biex jilgħab tnejn flipper, u hi biex tħares lejh. Johnny kien iniżżlu miegħu wara l-mużew għax meta jgħaddu mill-bandli, l-oħrajn kienu jitnejku bih. Johnny — sentejn ikbar minn Joey u joqgħod fl-istess triq — kien kbir u buċċ, u kulħadd jibża’ minnu. Joey kienet diġà tidher li sinjorina u kulħadd kien jgħaddiha biż-żmien. Mhux ħaġa kbira li kienet Marì stess li qabbdet lil Johnny iżomm għajnejh fuq binha. Marì ma kien fiha xejn, u Joey kien baqa’ jgħix magħha sakemm kellhom idaħħluha ġo dar tax-xjuħ. Iffissat fuqha, idur biha, jiżbgħolha u jomxtilha xagħarha, jaħsilha, iħitilha l-ħwejjeġ u jlibbisha, ipittrilha wiċċha bil-Mary Quant, u tant ħadha bi kbira meta mietet li qabdu breakdown kbir u beda jmur il-quddies tal-ħamsa kuljum, bilqiegħda fuq in-naħa tal-irġiel. Ma’ missierha, storj’oħra. Joey dejjem baqgħet imwerwra mix-xebgħat li qalgħet m’għand missierha meta kien sema’ li t-tifel sinjorina. Miet meta kienet għadha żgħira, imma tant baqgħet tibża’ minnu, li anki meta kibret, qatt ma libset mid-dar! Dakinhar, waqt li Johnny kien qed jilgħab il-flipper, spiċċat tiċċassa lejn wieħed li kien qed ibul għal ġo barmil taż-żingu fir-rokna ta’ wara tal-bar. Ma setgħetx taqla’ għajnejha minn fuqu u fuq ġismu. Johnny induna. Kulħadd induna. Johnny qatt ma reġa’ ħa lil Joey miegħu biex jilgħab il-flipper. Beda jibqa’ nieżel bih id-dar u wara jitla’ jilgħab waħdu.
Joey jgħidli li nduna wkoll li kien hekk ftit ġimgħat wara, waqt li kien nieżel il-funeral ta’ Ġurġa l-ħajjata mit-triq tagħhom lejn iċ-ċimiterju. Is-subien kollha telqu jiġru ’l fuq biex ma jarawx it-tebut u jisimgħu l-biki u l-ilfiq. Wara ċ-ċimiterju hemm is-siġar taż-żebbuġ ta’ Mabel, fejn kienu jmorru bit-trabokk biex jaqbdu l-pitirrossi. Jgħidli li kien hemm nittien xiħ minn barra r-raħal, jinħeba wara s-siġar jilgħab bih. Is-subien l-oħra telqu jiġru imma hu baqa’ hemm, jiċċassa lejh. Ix-xiħ beda jsejjaħlu u Joey resaq viċin. Qallu biex imisshulu u tah twenty-five cents. Joey beża’ u telaq jiġri jaħbihom għax immaġina li jekk tarahom ommu, tkun taf minn fejn ġabhom. Mar jaħbihom taħt is-siġra tal-bajtar fit-tarf tal-għalqa ħdejn ir-razzett li kellhom viċin iċ-ċimiterju. U kull meta kien iħares lejn is-siġra tal-bajtar, kien jiftakar fis-siġar taż-żebbuġ meta difnu lil Ġurġa. Darba qam filgħodu, u meta ħareġ biex jaħsel wiċċu bl-ilma tal-bir sab gaffa tqatta’ l-art fejn ħeba l-flus; ħaddiema tal-gvern kienu ġew jibnu blokka flats. Tgħidli li s-siġra kienet fejn illum għandi l-kamra tas-sodda tiegħi jien, li xi mkien mirdumin taħt rasi hemm flus il-qoħob ta’ tfulitha.
Joey kienet taf lil ommi sew, u kienet tilbes. Jasal is-Sibt, titla’ d-dar t’ommi u tibda tqalleb fil-gwardarobbi ta’ Antoinette, it-tfajla t’ommi. Kienu għamlu snin twal poġġuti, kemm flimkien kif ukoll ma’ żewġ Amerikani jaħdmu ma’ taż-żejt il-Libja u jonfqu l-qligħ f’Malta, xahar hemm u xahar hawn. T’ommi kien Jack, minn Bakersfield, California, u ta’ Antoinette kien Junior, minn Oklahoma. L-erbgħa li huma taħt l-istess saqaf fil-wied tal-Iklin, siġar tal-berquq, klieb tar-razza Ġermaniżi, żewġ xadini Brigitte u Jack, pixxina, u kmamar bla tmiem f’nofs imkien. Ommi kellha bar tas-sinjorini l-Gżira: ħaditu bl-isem Cafè de Paris imma wara ftit dejjaqha — kien wisq qisu restorant tal-familja — u dawritu f’bar jismu Hungry Tiger. Fis-sebgħinijiet, jew kont tmur tixrob is-Sunrise Bar għand il-Mahoney, quddiem il-Ġnien tal-Gżira, u tara lil Antoinette tinża’ fuq il-mejda tal-biljard waqt li tinbaram għal xi diska ta’ Amanda Lear, jew kont tmur il-Hungry Tiger, pass ’il bogħod tul ix-xatt, tindiehes mas-sinjorini, min liebes ta’ mara, min liebes u daqshekk, l-aqwa li faqgħa. Dan kien ukoll iż-żmien fejn il-Gżira bdew ġejjin l-Amerikani taż-żejt: ix-xatt kien hemm stabbilimenti li fihom dawk l-irġiel li ma kellhomx għalfejn imorru lura l-Amerka fix-xahar off, kienu jintefgħu jberbqu flushom fix-xorb, fit-tipjip u fil-qoħob. Tidħol it-titjira tal-Libyan Arab Airlines, u t-Tripoli Bar ta’ Triq l-Imsida, quddiem l-istadium, it-Tulip Bar ta’ Triq Testaferrata, kif ukoll iċ-Chequers u l-Black Gold maġenbu, jimtlew bi rġiel twal u bjondi lebsin ir-Rolex u l-jeans jew xi boiler suit bil-marka tat-Texaco jew Oasis Oil fuq daharhom. Il-Gżira gawdiet finanzjarjament minn fuqhom, u bdiet teklissa sew il-Belt. Strada Stretta ma baqgħetx li kienet: ħadd ma kien għad baqa’ ħlief xi sinjorina jew tnejn jipprovaw jeħilbu l-aħħar qtar. Imma l-Gżira saret ġebbieda: il-ħajja tax-xatt bdiet timtela postijiet fejn stajt tibqa’ tixrob il-lejl kollu man-nisa u s-sinjorini Maltin, u jekk ittik is-siegħa, taqsam it-triq u tmur tagħmel fil-Ġnien.
Joey kienet tinżel imlibbsa u mpittra, saff eyeshadow abjad mad-dawra, faxx lapes max-xfar, u kulur skur ilellex fuq il-kappell t’għajnejha. Gloss u glitter aħmar, ras nokkli bil-backcombing u l-ġnub miġbudin u llixxati lura b’pettne tad-djamantini. Meta kienet tilbes ta’ mara, kienet tħobb tagħżel xi libsa tal-Haro, li kellhom ħanut tal-ħwejjeġ Tas-Sliema, moda impurtata f’Malta minn familja Anglo-Iżraeljana li kienu jgħixu hawn. Kellhom stabbiliment tal-ħwejjeġ ieħor il-Belt, u r-restorant LeRoy ġewwa Tigné. Lil din il-familja tal-Haro, iz-zija t’ommi, Salvina kienet għall-ewwel isseftrilhom u mbagħad bdiet tieħu ħsieb it-tfal tagħhom għax kienet taf titkellem bl-Ingliż. Kienet fuq tagħha u ommi dejjem tiġri magħha u ġieli kienet tmur magħha għandhom. Din id-dar lil ommi fetħitilha orizzonti ġodda u internazzjonali ħafna, u l-Haro kien nissel fiha sens ta’ moda, avolja qliezet u qomos tal-irġiel biss kienet tilbes. Junior, imma, kien galantom u jberbaq sew fuq Antoinette u l-gwardarobbi tal-Iklin kienu kmamar sħaħ fil-basement tad-dar, li fil-weekend spiss jispiċċaw mimlijin sinjorini jitpittru quddiem mera rettangolari kollha bozoz mad-dawra u ħwejjeġ, parrokki, u tkaken għaddejjin minn id għall-oħra ħa jaraw min se jilbes xiex. Antoinette kellha mijiet ta’ lbiesi, tant li ġieli l-kontestanti tax-shows bħal Miss Sunshine kienu jilbsu kważi biss ħwejjeġ mill-gwardarobba tagħha, qisha l-benefattriċi tat-travestì. Wara joħorġu jiżżagħblu l-Hungry Tiger u jiġu lura l-għada, kulħadd daħna, kollha daħq, żuffjett, ikkampjar, riħa ta’ xorb u sigaretti, u min jorqod ’l hemm u min jorqod ’l hawn. Imma l-parrokki kienu dejjem jidħlu lura ġol-kaxxi tal-kartun roża b’ħabel gold biex iġġorrhom minnu, imqiegħda hemm ġew fuq irjus tondi tal-ġablow li fuqhom Joey kienet tpinġi għajnejn, imnieħer u xufftejn bil-make-up t’Antoinette, u meta jiġu lura miż-żagħbil tal-lejl, kienet taqla’ l-eyelashes foloz u twaħħalhom fuqha. Il-parrokki kienu joħduhom darba fix-xahar il-Village Gossip, għand Manwel u l-Mimì, għal wash u blow dry.
Imma Joey mhux dejjem kienet tilbes ta’ mara: ġieli kienet tilbes biss. Tilbes, għal Joey u sħabha, klikka sinjorini fis-sebgħinijiet, kienet tfisser żewġ affarijiet: jew ilbiesi ta’ mara jew ħwejjeġ tal-moda kkampjati sew, li għalkemm ma kinux ovvjament ta’ mara, xorta kont tidher li int hekk bihom. Il-mod ta’ lbies spiss kien jiġi ddeterminat minn fejn tkun sejra tixrob u tiżfen: jekk il-Hungry Tiger jew il-Pips, ta’ mara; jekk il-każin, tilbes biss.
Niftakar l-ewwel darba li rajt mejda sinjorini l-każin: xagħar kbir u tond kollu nokkli, qomos tax-chiffon issikkati bl-għonq u l-polzijiet tal-bellus iswed, qliezet dojoq tal-bellus, u żraben għoljin mill-art imma mhux fuq takkuna. Timmaġina li roqgħa sinjorini ġo każin libsin hekk kienet dehra stramba u skomda għal kulħadd, imma fil-verità ma kienx il-każ: l-ewwel nett, ħafna minn dawn is-sinjorini kienu magħrufa sew fir-raħal, u kważi kuljum kont tarahom u ssellmilhom filgħodu, sejrin ix-xogħol ġo xi hotel, inaddfu, jew xi fabbrika tal-ġinsijiet bħala ħajjata. It-tieni nett, meta kienu jkunu flimkien, ma kontx tiftaħ ħalqek malajr magħhom għax kienu jduruk. U għalkemm din l-osservazzjoni ma kinetx titlissen pubblikament, is-sinjorini li kienu jpoġġu l-każin kellhom fil-fatt rwol definit miċ-ċirkostanzi tal-ekonomija sesswali u d-dekor tal-mara, li spiss, fl-irħula, la kienet tidħol fil-każini u lanqas iddum tant barra. Dan il-vojt, flimkien mar-regolazzjoni tal-ġisem tal-mara u n-nuqqas ta’ tagħrif dwar il-kontraċettivi, swew ta’ opportunità għas-sinjorini li kienu jilbsu. Fuq mejda fil-kantuniera tal-każin, wara l-ħdax, jibdew ġejjin id-drinks. Min bagħat wieħed, min tnejn, tlieta… min għajjatlek ħdejh ħa jgħid kelma, u min għamillek sinjal ħa tmur barra, forsi kien jaf b’xi post hu, jew forsi kellek iċ-ċwievet ta’ xi mkien int. Ħafna sinjorini kienu jikru flat flimkien, iħallsu ftit, u jużawh skont il-bżonn. Spiss lejn in-naħa ta’ ġewwa, lejn il-Mosta. Qoħob, imma qoħob tas-sinjorini mhux il-qoħob li taf int, għall-flus. Qoħob kien it-terminu li tuża biex tikkuntrarja l-ewfemiżmi: flok tbatti l-oxxenità, iżżidha. Tgħabbi u tgħidlu qoħob, għax iktar faqgħa! Darba lil Joey staqsejtha: imma għala int? Għax jien nagħmel affarijiet li hi ma tagħmilx; għax hu jagħmel lili affarijiet li ma jistax jagħmel lil dik li għada pitgħada se tkun omm uliedu; għax ma jridx li hi qatt tkun taf li jħobb it-taħwid; għax hi tipprova, imma ma tafx daqsi; għax xorob u saħan; għax ’qas hu stess ma jaf. Għax bħalissa għala żobbu hux mara jew raġel bis-saħna l’għandu! Imma hu ma jgħid xejn. Is-skiet u s-satra kienu l-qofol tas-saħna.
L-importanti kien li ħadd ma jarah ikellmek, jew li ma tkellmux meta tarah barra. Għax int kulħadd jaf li pufta, imma hu jagħmel hekk għax ikollu bżonn iġibha u jistrieħ. U tiegħu tifla sew. Ġa rieqda ħdejn ommha. Tiskanta kemm l-istrutturi tas-sorveljanza tal-verġinità tal-mara fetħu s-suq għall-intimità bejn l-irġiel flok rażżnu s-saħna. Jane Ward issejħilha omosesswalità sitwazzjonali, jiġifieri li wieħed straight u buċċ, meta ma jsibx ma’ min imur, jew meta jsib imma ma jmurx għax tifla sew, imur ma’ raġel. Hemmhekk orrajt: hu mhux hekk, hu jagħmel hekk sforz id-dagħdigħa ta’ virilità li ma tħallihx iżommu fil-qalziet jew iġerrih imma jrid jieħu dak li jiġi f’idejh. Ipermaskulinità sanzjonata mis-soċjetà. Suġġett li ma jġorrx it-toqol tal-identità imma mħaddan mill-“jien” universali. Orrajt, forsi mhux se jagħmilha fil-beraħ, imma sħabu jafu għax miegħu kienu l-Pips jew il-Hungry Tiger, iduru miegħu u jġibulu drink wara l-ieħor, jerdgħu mid-dividendi tal-maskulinità tiegħu. Sanzjonat għax hu buċċ, għax ireddgħu, għax top. Ma jaqilgħux imma jtih. U sakemm itih, mhuwiex gay.
Il-Miss Sunshine u l-Miss Banda kienu dinjiet paralleli li fihom is-sinjorini kienu jilbsu ta’ nisa u joħorġu jimmudellaw f’kompetizzjoni li fiha kienu jimitaw ’il-Miss Malta. Dawn l-avvenimenti kienu jirrikjedu spazju pjuttost kbir, allura kienu jsiru ġol-lukandi, ġeneralment ta’ grad naqra baxx. Għal żmien kienu jsiru l-Paradise Bay Hotel, iċ-Ċirkewwa. Dawn kienu avvenimenti strambissimi: għall-parteċipanti, ix-show kien okkażjoni biex juru lilhom infushom u lil sħabhom kemm huma ħelwin, tajbin u faqgħa meta jkunu libsin ta’ mara. L-għan kien li tkun stealth ħafna u allura tgħaddi bħala mara, jiġifieri li inqas ma l-udjenza tinduna li int “raġel”, iktar tkun tajba u jkollok ċans tieħu t-titlu ta’ Miss Sunshine jew Miss Banda — il-fenomenu li llum jissejjaħ “passing”. L-udjenza kienet predominantement eterosesswali, u l-effett għalihom kien komiku; imorru biex jidħqu. Għalihom, din il-kummiedja tal-ġeneru kienet parti mill-idea tal-konsum għall-gost. Però, għall-parteċipanti kienet kummiedja maqbuda f’estetika serja u kostruzzjoni ta’ identità fuq preċiżjoni prostetika. L-ilbies, il-parrokki, it-tkaken, u l-make-up kienu prostetika neċessarja, bħalma kienu teknoloġiji tal-ġisem li jipproduċu affetti u mutetti ta’ jdejn, xufftejn, għajnejn u mossi. Għalkemm għalik l-għan kien serju — li tgħaddi — għall-udjenza dan kollu kien farsa, u allura l-ġesti kienu jiġu ttrivjalizzati. Stajt tkun mara biss għal dawk is-sinjorini li huma bħalek.
Barra minn dawn l-avvenimenti, għal żmien twil is-sinjorini li kienu jilbsu — kif ukoll xi nisa trans — kienu jsibu naqra ta’ introjtu modest billi jaħdmu fi stabbilimenti tat-turisti ġewwa Buġibba u l-Mellieħa bħala “female impersonators”. Spiss dan kien isir fil-barijiet fejn kienu jmorru jixorbu l-Ingliżi waqt il-btajjel tagħhom Malta; konsum li fih żgur ma kinitx tintilef l-asimetrija ta’ poter f’kif it-turist kolonjalist iħares lejna. Uħud mis-sinjorini, però, kienu jagħmlu introjtu ikbar mix-shows: Brigitte St John, u warajha Katya, kienu minn tal-ewwel li qabdu din il-forma ta’ intrapriża, però, it-tnejn kienu ġejjin minn klassi soċjali differenti ħafna u kellhom mentalità u kultura ħafna iktar internazzjonali minn ħafna sinjorini oħrajn Maltin. Il-punti ta’ riferiment ta’ Katya, pereżempju, kienu ġejjin minn sfond edukat. Xi mkien fl-arblu tar-razza ta’ Katya kienet tgħid li hemm il-pittur Giuseppe Calì, u xi kultant kienet tuża dan il-kunjom anki għaliha stess (imma bħas-soltu, forsi biex titnejjek). Fl-appartament tagħha, fost mijiet ta’ ritratti ta’ ċelebritajiet u kaxxi vojta tat-Tiffany & Co, kellha r-Requiem ta’ Mozart, l-arji ta’ Maria Callas, kotba tal-poeżiji, linji mill-films miktubin bil-lipstick fuq il-mera, frammenti ta’ memorji dehbiena, veri u fittizji, ta’ konoxxenzi bħal Madame Claude, stilisti Pariġini tal-couture, dinastiji sud-Amerikani taż-żejt, kittieba-ċelebrità u ballerini famużi. Is-sinjorini tal-klassi tal-ħaddiema bħal Joey kellhom artisti Taljani lejn min iħarsu: il-Vanoni, ir-Rettore, u Marcella. U fl-ismijiet ġodda li kienu jadottaw, kienet tinkixef id-domestiċità tal-preżentazzjoni somatika: Pamela, Fallon, Krystle, ismijiet mis-soap operas il-ġodda, xhieda li l-identità li bdew jibnu ma kinitx moħmija mill-qari ta’ rivisti tal-moda internazzjonali, titjiriet fuq il-Concorde, festini, vernissage u diskoteki Pariġi u New York, imma minn iljieli ġewwa ma’ ommhom quddiem televixin Grundig.
Kien hemm ukoll, min ħa l-ilbies pass iktar ’il quddiem u xidd ukoll prostetika kimika. Fi Triq l-Imsida ġewwa l-Gżira quddiem l-istadium, għand Twanny tat-Tripoli Bar, fuq waħda mill-imwejjed bil-wiċċ roża jew isfar tal-formajka kien jiżvolġi x-xogħol krepuskulari u bil-moħbi fuq kif stajt tibda tieħu l-Premarin, estroġenu f’forma ta’ pilloli, normalment disponibbli bħala HRT, terapija ormonali għan-nisa waqt il-menopawsa u wara. Diġà kien hemm min ħa l-Premarin u għamel it-tranżizzjoni kompleta: Brigitte St. John kienet l-ewwel waħda li għamlitha, u Katya dritt warajha; niftakar ritratt-kartolina li Brigitte kienet bagħtet lil Katya minn Ruma tgħidilha li kienet kuntenta b’ħajjitha fil-caravan ma’ tagħha. Katya kienet qaltli li Brigitte għallmitha ħafna u li kienet tafha sew; tgħidli li kienet l-isbaħ showgirl ta’ żmienha u li meta telgħu Londra Brigitte, Mary Mutetti u Rita Pożi, Brigitte mill-ewwel sabet xogħol bħala żeffiena fin-nightlife. Fis-sebgħinijiet, Brigitte u Katya kienu jittieħdu bis-serjetà x’aktarx minħabba l-fatt li ma kellhomx sinjalazzjoni somatika li stajt tagħrafha mill-ewwel. Kienu minn klassijiet soċjali ogħla, u kienu oġġetti ta’ fetiċċju u erotiżmu dekadenti li ma kinux totalment aljeni mal-klassijiet għolja li kienu jivvjaġġaw u jfittxu intimità sesswali eżotika ġaladarba barra minn xtutna. Imma mhux kull sinjorina kienet tieħu l-Premarin, u min kien jieħu, mhux neċessarjament ried jagħmel tranżizzjoni sħiħa u kompleta; fil-fatt, ftit naf nies li riedu jieħdu dak il-pass. Għal bosta sinjorini li bdew jieħdu l-ormoni, iż-żobb ma kienx idejjaqhom daqshekk; li kien idejjaqhom kien is-suf, il-leħja, u t-terrur li jaqgħalhom xagħarhom. Iż-żobb, wara kollox, kien imfittex minn ħafna rġiel li jħufu għall-intimità ma’ persuna li tilbes.
Il-Lippa tatek isem ġdid. Għallmitek eżatt kif għandek titkellem, kemm mal-psikjatra Abram Galea, kif ukoll mat-tabib Anġlu Psaila, u ma’ Charles Swain, it-tabib tal-kirurġija plastika. Mingħand Swain ridt imnieħer pulit, imdawwar naqra ’l fuq imma mhux wisq ’il fuq li l-imnifsejn iħarsu ’l barra. Imnieħrek kien pjan fit-tul; bil-paga ta’ chambermaid il-Paradise Bay kien ikollok tibqa’ tgħix għand ommok, titla’ u tinżel b’tal-linja, u twarrab għal sentejn sħaħ. Lil Abram Galea kellek tgħidlu li kissirt il-mera tal-kamra tal-banju apposta għax ma tiflaħx tħares lejk kif int, li qed titfarrak mentalment, li qed titqażżeż minnek innifsek u jkun se jtik l-istonku meta ħuk il-kbir isejjaħlek Joseph. Joseph! U jerġa’ ħaqq l-ostja Joseph! Ma tiflaħx tħares darb’oħra lejn ir-ritratt tal-preċett fuq il-ħajt ħdejn il-bieb ta’ barra, imkabbar daqs pittura tal-qaddisin ġol-knisja. L-unika raġuni għala ma qattajtux trietaq hi għax Ċanċu tal-Ħamrun kien iħobb jirtokkja l-uċuħ naqra żżejjed u qisu nduna bik għax fuq għajnejk għamillek eyeliner blu, għamillek snienek bojod qishom għadam tas-siċċ u l-ġilda ta’ wiċċek ġabhielek ċeramika. Lil Anġlu għedtlu li ma jistax ikun tibqa’ sejra hekk, li qed tħoss attakk kbir, li xbajt minn Joseph, u li ridt il-Premarin.
Joey kienet għadha qatt ma missithom imma ħafna minn sħabha iva. Meta bdiet, sebħet fuqha għodwa molekolari ġdida. Il-Premarin, għal Joey, kien proċess teknoxamaniku, komunikazzjoni trasversali mal-ormoni li kienu jagħmluh Joseph. Fost is-sinjorini li jilbsu, il-Premarin malajr bdiet issir festina bijopolitika li titnejjek bir-reġim tal-psikjatrija, psikanaliżi, farmakoloġija u mediċina eġemonika u bdiet issir proċess li Paul B. Preciado jsejjaħlu dikolonizzazzjoni somatika mit-teknopatrijarkat eteronormattiv.
Bħal ritwal somatiku, kull filgħodu tfaqqa’ pirmla vjola tal-Premarin minn ġol-kartuna u tiblagħha, tmexxi s-swaba’ ta’ jdejk għal fuq sidrek biex tħoss jekk hemmx xi għoqda qed tibbies, nofsok imwerwer u n-nofs l-ieħor ħerqan. Xagħrek qed jissaħħaħ, ileqq, jiffolta u jiggoffa. Qed jitwal malajr. Il-ġilda bdiet tirtab. M’għandekx iktar suf ma’ biżlejk u allura m’għadekx tqaxxru bix-xafra. Il-leħja m’għadhiex tixrief u tigref; saret dell taħt geddumek u l-foundation qed jgħattiha aħjar. Għajnejk qed jibbru, qed isiru iktar ħelwin. Bdejt tħossok iżgħar. Qed tarak tisbieħ. Qed tieħu gost bin-nies iħarsu iktar lejk; minn raġel ikrah għax mhux maskili biżżejjed sirt sinjorina ħelwa: tilbes ta’ mara u tikkonfondi ’n-nies, tilbes ta’ raġel u jaħsbuk ġuvnott barrani. Orrajt, hemm min idejqek għax jiflik, taparsi jolqotlok bejn saqajk meta tkun bilwieqfa fuq tal-linja biex iħoss intix raġel. Imma d-dividend tal-ormoni huwa ħafna ikbar mill-iskumdità soċjali u l-invażjoni fuq l-irkejjen ta’ ġismek.
Meta ħasset l-ewwel boċċa tibbies taħt sidirha, Joey bdiet tinżel tħuf il-Belt. Mhux għax il-Belt kienet il-qofol tal-libertà queer; dan ikun argument metroċentrist ħafna li jagħmel mill-irħula u l-villaġġi dak li t-teoristi queer isejħulu żoni “purgatorju”. Dan ma kienx il-każ; fl-irħula Maltin kien hemm possibbiltajiet queer. Biss jibqa’ l-fatt li l-Belt kellha ħafna iktar affordanzi queer minn postijiet oħra u minħabba f’dan, kienet post ċentrali fil-coming out ta’ ħafna nies. Fost dawn l-affordanzi kien hemm l-anonimità, in-numru ikbar ta’ sinjorini li jfittxu din l-anonimità fil-beraħ pubbliku, kif ukoll il-fatt li l-kbar kienu għassa għaż-żgħar li għadhom ħerġin fix-xena. Niftakar meta ħriġt, wieħed mis-sinjorini li sar ħabib kbir tiegħi qalli, konna nafu li ma ddumx ma toħroġ. Ovvjament, qabel toħroġ ma tkunx konxju li b’ġismek u lbiesek tkun qed titfa’ s-sinjali kollha fil-pubbliku. Meta toħroġ, titgħallem taħbihom meta ma tridx li tidher, u tesibixxihom ma’ sħabek meta tkun f’post sigur. Il-Belt bdejt niltaqa’ ma’ Joey iktar ta’ spiss u bdejt ninduna sew li l-Premarin kien qed jagħmel tiegħu. Il-Belt, is-sinjorini ż-żgħar kienu jfittxu s-sigurtà pubblika billi jintefgħu flimkien, jew taħt l-Ajkla, jew taħt Kristu Re, jew fuq il-Funtana, jew fuq iċ-ċint ħdejn it-taraġ tal-latrina fejn ir-riħa ta’ bewl kienet toħloq konfin li jżomm ’il barra ’n-nisa u li l-irġiel jogħxew ġo fih; jitkellmu, imissu ’l xulxin, jidħqu u jinsew l-eterosesswalità taghhom. (Teoristi queer ifakkruna, mill-banda l-oħra, li l-latrini tan-nisa jaħdmu bil-kontra: fil-latrini, in-nisa jmorru biex ixiddu l-eterosesswalità femminili.) Ninħbew fil-beraħ tal-venda, minkejja li r-riħa tal-bewl taż-żwiemel tal-karozzini titħallat ma’ dik tal-imqaret u tal-ħalib meta r-riħ jiġbed. Aħna fuq naħa, u r-Rambo u l-punks fuq oħra. Imma Kristu Re jikxfek. L-Ajkla tikxfek. Il-Latrina tikxfek. Il-Funtana tikxfek.
Jikxfuk. Tant li meta missier il-Lippa, li kien xufier, wasal minn vjeġġ b’tal-linja u qabadha tikkampja mad-Duluri taħt l-Ajkla, ġie indannat ħalqu kollu ragħwa, intefa’ jgħajjarha pufta, ħareġ ġismu, temmagħhulha u staqsieha: Dan trid int, pufta kollok? Dan tħobb?
Meta kont inpoġġi fuq it-travertin tal-qawwi, lixx, kiesaħ u mraħħam tal-Funtana, dahri lejn it-Tritoni, stajt inħares lejn il-venda tal-Ħamrun fuq ix-xellug, ta’ Bormla quddiemi, u ta’ San Ġiljan fuq il-lemin. Taħseb li l-Funtana taħbik fost il-ħafna karozzi u xarabanks ġejjin u sejrin, nies deħlin jew ħerġin mix-xogħol, bejjiegħa jarmaw u jżarmaw, ġuvinur u tfajliet jistennew madwar il-gabbana tal-casettes tal-kutrabandu bl-istampa fotokopjata żlieġa, pass ’il bogħod minn roqgħa tarmak imxarrab b’ilma li qed jissielet ma’ għadira ta’ ħalib qares u mranġat mill-gabbana tal-MMU, għajnejk iżebbġu u jħufu mit-Tritoni saż-żwiemel ibulu ħdejn tal-imqaret u xufiera tat-taxi jħufu lit-turisti bjondi. Imma l-ħars jibda ġej minn kull angolu għal fuq il-Funtana, u int titqiegħed fiċ-ċentru. Minn hemm stajt tagħti indikazzjoni ċara lil min qed iħufek jekk intix tagħti kunsens u jekk intix sejjer jew le. Il-koreografija tal-ġisem waqt il-ħufar kienet tagħti dawn l-indikazzjonijiet b’mod ċar: lil min tħuf m’hemmx għalfejn jersaq viċin lejk; il-kuntatt bl-għajnejn biżżejjed, jekk ħarstek teħel ġo ħarstu allura jkun qallek li jridek tmur warajh. Ma jitbissimx, u lanqas titbissem int. Ħadd minnkom ma jitkellem; int, forsi għax tibża’ li jiftaħ ħalqu u jkun xi sinjorina li tneħħilek kull aptit; hu biex jaħbi minnu nnifsu l-fatt li jħobb. Il-Funtana kienet l-antipanoptikon ta’ Apap u Anastasi: kienet il-post fejn kont tosserva u tiġi osservat, tħuf lil min hu dieħel u min hu ħiereġ waqt li tesibixxi lilek innifsek speċjalment għal min kien jidħol bil-karozza jdur darba darbtejn mal-venda jħares lejk. Imbagħad, għall-ħabta tal-ħamsa ta’ waranofsinhar jew is-sitta ta’ filgħaxija, kien jibda l-ħufar għall-avukati, in-nutara u l-ħaddiema taċ-ċivil ħerġin minn Putirjal, mexjin lejn il-karozza tagħhom ipparkjata fil-grawnd tal-Furjana. Sinjal bl-għajnejn, u kont titlaq lil sħabek għal ftit u tmur tgħabbi. Timxi warajh, tidħol fil-karozza, tinżlu t-tnejn sa Belt-is-Sebħ, tniżżel is-seat, terdagħhulu, tniżżel il-ħġieġ tat-tieqa, tpejjep sigarett, u titla’ lura bil-pass. Ħafna drabi, kont tgħabbi biex ikollok x’tirrakkonta lil sħabek wara. Fil-beraħ tal-venda tal-Belt kien jiżvolġi d-dramm tal-kollass tan-normalità: il-Funtana kienet mansab, il-ħaddiema tal-Belt kienu l-għasafar migratorji, u int il-kaċċatur bl-iskrataċ.
Il-Belt Joey kienet tinżel minn fuq tal-linja ġġorr tibdila u parrokka f’basket tal-plastik. Baqgħet ma tilbisx mid-dar. Ġieli kont nilmaħ ukoll lil Frankie tal-Belt nieżla mill-karozza tal-Marsa. L-ewwel darba li rajt lil Frankie dieħla l-Belt kont qiegħed bilqiegħda fuq il-Funtana naqra lil Fanon. Frankie kienet tremenda! Frankie kienet viżjoni queer mistika f’nofs baħar normalità Putirjal. Meta kienet tinżel minn fuq tal-linja, f’rasi kienet tinbidel is-sonorità tal-venda. Ejja nħarsu lejha kif riedet hi: minn isfel għal fuq. Par buz tal-alakka sal-għaksa bit-takkuna rqiqa; riġlejha rqaq u mlibbsin bil-fishnet tights suwed; xorz tal-ġilda iswed, nofs sormha barra; qmis halter neck tat-tigra; beritta tal-PVC sewda, qisha tal-pulizija. Xagħarha qasir, ibbliċjat. F’idha ġakketta tal-jeans. Wiċċha rqiq u naqra tawwali; għajnejha miżbugħin imma fil-ħofra. It-tattoos żlieġa, anki ta’ fuq il-wardiet ta’ sormha. Tinżel, ma tħares lejn ħadd. Timxi dritta, rasha ’l fuq. Ma tibża’ minn ħadd, le, le, le, anzi, tbeżżgħak hi għax għandha arja ta’ kriminal. Awstera. Xamanika. Esibizzjonista. Kuntradittorja. Il-preżenza tagħha ġo nofs Putirjal tiġbed l-attenzjoni lejn il-kollass tal-ġeneru kif tafu int biex hi tkun dak li taf hi, u ma jimpurtahiex minnek. Frankie qatt ma riedet tkun mara bħal nisa oħra; Frankie kienet kobba ta’ mossi, mutetti, u tessut imġissem, fiżiku u materjali, li jivvjolaw in-normi dominanti biex taħrab mit-tassonomiji kolonjali u mis-sikkaġni tan-normalità. Dejjem sejra ħadd ma jaf fejn; tagħmel ħadd ma jaf xiex. Kienet qed iżżur minn dinja li teżisti biss għaliha. Bl-apparenza tagħha, Frankie kixfet id-dissidenza storika ta’ ġisimha, għannqet l-anormalità, ħaddnet ġenealoġija ġdida li twarrabha mis-semplifikazzjoni tal-binarju mara/raġel. Frankie kienet għatxana għall-insubordinazzjoni. Anarkika. Punk tal-ġeneru. Frankie ma gietx tittallab għal-libertà għax donnha kienet diġà mnebbħa li l-libertà żgur mhux ser teħodha mingħand min m’għandux u qatt ma daq il-libertà hu stess. Imma Joey kienet qaltli biex inżomm ’il bogħod minnha għax inkwiet, u jien għadni sal-ġurnata mqaddsa tal-lum jisgħobbija li qatt ma sirt nafha.
Joey bdiet tinżel is-City Lights spiss u ġieli kont ninżel magħha. L-ewwel darba li nżilt qaltli biex noqgħod ħdejha; inġbidt lura għax fhimtha li se mmorru nħufu flimkien. Imma qaltli hekk sempliċement biex tedukani fil-protokoll tal-ħufar ġewwa s-City Lights. Kienet tidħol bejn il-bieb taċ-ċinema u l-purtiera u tbiddel malajr fid-dlam. Kienet twissini biex ma nitlax fuq għax fuq naqra salvaġġ, ma tmurx issib xi bhima ħanżir. Tassew; fuq m’għandek ’il ħadd iħares fuqek. Qaltli biex immur fir-ringiela ta’ quddiem u noqgħod hemm. Jekk jiġi xi ħadd ħdejk, imbagħad ara int. Beda film Taljan, filli Cinquecento bajda ddur fuq is-sampitrini u filli waħda b’katina rqiqa ma’ qaddha terda’ ta’ wieħed u tinħexa mal-ieħor. Ħassejt id-demm tiela’ għal rasi: il-purtiera tqila u kannella tal-bellus laqtitli wiċċi meta dħalna u ħalliet riħa ta’ ħmieġ, sigaretti u umdità fi mnifsejja; għaddiet minn quddiem għajnejja l-unika esperjenza li qatt kelli ġo teatru taċ-ċine, mhux ċert hux Ħal Balzan jew Birkirkara waqt il-Ġimgħa l-Kbira, nara dramm tal-passjoni li wieħed mill-isbaħ ġuvintur tar-raħal kien irreċta fih. Daħal wieħed bilqiegħda fuq in-naħa tal-lemin tiegħi u f’ħakka t’għajn ġie ieħor fuq in-naħa tax-xellug. Mill-kantunieri t’għajnejja bdejt nara movimenti żgħar waqt li l-mużika ta’ Senza Tregua ta’ Piero Umiliani bdiet timla s-sala mill-film fuq l-iskrin. Tal-lemin, liebes libsa bil-ġlekk u ngravata, tella’ bagalja tal-avukati fuq ħoġru, fetaħha, ħareġ flixkun tal-ħġieġ skur żgħir, niżżel il-bagalja, fetħu, poġġieh taħt imnieħru u ħa żewġ nifsijiet qawwijin ’il ġewwa. Minn wara rasi, għaddieh lil ta’ maġenbi, li għamel bħalu, u wara niżżlu taħt imnieħri. Ir-riħa biss għoddha sturdietni. Ġbidt nifs ’il ġewwa jien ukoll, għal wieħed tnejn. Ħassejt qalbi trid toħroġ b’saħħa tremenda mill-kaxxa ta’ sidri u demmi kollu tiela’ jirraxxja għal rasi. Fl-istess ħin, bdejt inħoss erba’ jdejn iserrpu ma’ kull kantuniera ta’ ġismi, tagħfis ma’ sidri, wara għonqi, kuxxtejja, bejn saqajja. Par idejn minnhom daħlu taħt il-flokk, u l-par l-ieħor ġol-qalziet waqt li rasi bdiet thewden u tirbombja bl-intensità, l-irwejjaħ, it-tbagħbis, it-tlambis u r-ritmu tal-mużika porno. F’daqqa waħda ġejt f’sensija, ftaħt għajnejja u quddiemi, taħt l-iskrin, nara lil Frankie, wieqfa tħares lejna, nuċċali tax-xemx mera, beritta tal-ġilda qisha tal-pulizija, u qmis tat-tigra miftuħa. Neħħiet in-nuċċali u b’għajnejn daħkanin ħarġitli lsienha, qabdet ġisimha, u żegilget ’il barra.
Imma ġos-City Lights, Joey ma kellhiex kwiet f’ġisimha; kienet titla’ fuq u tinżel, u wara ftit terġa’ titla’, dejjem qisha qed tfittex xi ħaġa, jew lil xi ħadd. Darba qaltli li ma ssibx mistrieħ għax meta tkun ma’ wieħed, tkun diġà qed taħseb fuq xi ħadd ieħor li tista’ tmur miegħu — qaltli li bħas-sigaretti: ġieli, waqt li jkollha sigarett imqabbad f’ħalqha, jaqbadha l-aptit li tqabbad is-sigarett li jmiss. Kienet tagħmel is-sigħat hemm, speċjalment nhar ta’ Tnejn meta sħabha l-hairdressers kienu jkunu off u jinżlu jħufu. Hawnhekk, xi sinjorini kienu jisfruttaw l-okkażjoni biex idawru lira: waqt id-dagħdigħa ta’ porno, poppers u rdigħ, kont issib għaddej bil-moħbi kummerċ modest minn taħt. Waħda mis-sinjorini, Raymond il-Vanona, kienet tbigħ il-kalmanti u l-Premarin bil-kutrabandu, u Rita l-buċċ kienet saret kummerċjant tat-testosteron: fit-toilet, Rita kienet tiġi ttaqqab lis-sinjorini buċċ b’400 milligramma Deca-Durabolin jew 100 gramma Winstrol, skont l-istaġun. F’dan iż-żmien, l-estetika tal-ipermaskulinità bdiet dieħla bil-mod il-mod wara li l-ewwel terapiji tal-HIV bdew iħallu sinjali viżibbli ħafna fuq ġisem dawk li kienu qegħdin fuqhom, speċjalment it-telfa tal-massa muskulari saħansitra fil-wiċċ, li spiss kien jispiċċa mixrub u megħlub għuda. Minħabba f’dan, it-tobba bdew jiktbu r-riċetti biex jibda jittieħed it-testo biex il-ġisem jerġa’ jiżviluppa. F’ħakka t’għajn kulħadd beda jbagħbas bit-testo u wara ftit saret kimika standard biex l-ottika tas-sinjorini ssir waħda ta’ ġisem jarmi s-saħħa, ta’ muskulatura magħquda u virili, ta’ ġisem li ma jagħti l-ebda ħjiel ta’ mard jew infezzjoni. F’dawn il-mumenti ġewwa s-City Lights, is-sinjorini li jilbsu kienu jibnu sorellanza ġmielha, kemm bejniethom kif ukoll mas-sinjorini buċċ. F’dan iż-żmien kienet għadha ma bdietx is-segregazzjoni skont l-ormoni li tieħu u skont kif tikklassifika l-identità tiegħek; lanqas kien kemm rabta bilfors permanenti ma’ kif tibni l-persuna li ridt tkun. Li tkun sinjorina kienet esperiment tal-ġisem, u l-ormoni — kemm jekk Premarin, kemm jekk Deca jew Winstrol — kienu mezz ta’ kif tuża l-prostetika biex timmarka fejn hu l-livell ottimu li jaħdem għalik fil-proġett li hu ġismek. Min kemm jitlef il-leħja u jispuntalu naqra sidru, min is-sider ikabbru sew, min jibni l-muskoli, min jilbes ta’ mara, min jilbes ikkampjat ħafna, u min jiġri l-Belt bil-flokk taċ-ċingi tal-Gold’s Gym. Però s-City Lights, is-sorellanza spiss kienet tieqaf hawn, għaliex l-għan li tgħabbi qatt ma tħalla jsir sekondarju, u f’ekosistema libidinali li fiha s-sinjorini ma jmorrux ma’ xulxin minħabba speċi ta’ tabù tal-inċest, ħafna ma kinux jaħlu l-ħin itaqtqu.
Joey bdiet tilbes ukoll biex ikollha introjtu żgħir barra mix-xogħol li kienet tagħmel bħala chambermaid il-Paradise Bay Hotel matul il-ġimgħa u fil-fabbrika tal-ġinsijiet part-time fil-weekend. Bdiet tagħmel ix-shows il-Pips il-Ġimgħa u s-Sibt filgħaxija. L-ikbar inkwiet tagħha kienu żewġ affarijiet: kif se ssib żarbun bit-takkuna jiġiha u kif se taħbi ġisimha biex fil-leotard issikkata bejn saqajha jidher lixx. L-ewwel problema solvietha malajr: il-Lippa ħaditha għand Facchetti l-Marsa. Ħadilha l-qies ta’ saqajha u għamlet par platforms biex ma ddardarhiex bit-takkuna mill-ewwel. Wara kollox, kienet beħsiebha li tiżfen u taqbeż fuq il-palk. It-tieni waħda kienet naqra iktar uġigħ ta’ ras: Amy qaltilha biex iżżid l-ormoni imma Joey ma kinitx lesta għal kollox. Ommha kienet għadha ħajja, is-sider kbir qatt ma riditu. Dak iż-żmien kienet iktar komuni tkabbar sidrek bl-ormoni biss, għax min kien jiflaħ iħallas għal operazzjoni barra minn Malta? U barra minn hekk, meta kienet tiltaqa’ ma’ Pawlu, kienet taħxih hi. Kienet taf li wħud mill-irġiel kienu jfittxuha għalhekk u ma riditx tobżoq fil-platt li tiekol minnu. Tgħallmet taqfel biċċa lakstu mal-ġilda u tiġbed kollox lura minn wara biex kollox jidher lixx u ċatt, avolja skomdu. Sħabha li kienu fuq iktar Premarin ma kellhomx l-istess problema għax l-estroġenu kien inixxfilhom ġisimhom.
Joey bdiet sejra tajjeb tilbes għax-shows u bdiet titla’ Paceville. Studio 54 bdew jagħmlu serati bix-shows, u hawnhekk niftakarha tqalleb fid-diski t’ommi sakemm sabet “Fabulous (Lover, Love Me)” li fiha Amanda Lear bdiet tilgħab bl-ambigwità tal-identità tagħha stess. Ħasset li setgħet tilgħab mal-udjenza bl-istess mod li Amanda Lear lagħbet ma’ tagħha. Snin wara, ftakart f’dan il-mument waqt show tax-Shimoa Crisis il-Lady Godiva. Riedet tpattiha lil ċorma sinjorini li, ġimgħa qabel, vilment ħejjew u wettqu funeral għaliha s-Sibt billejl ġewwa Paceville, b’Katya liebsa tal-Arċisqof tmexxi purċissjoni ta’ bikkejja lebsin bil-vistu jġorru t-tebut tax-Shimoa u jqassmu s-santini. Ix-Shimoa bdiet ix-show ta’ tpattija liebsa ta’ mara u — bħal Inanna fin-niżla tagħha lejn id-dinja tenebruża ta’ taħt l-art biex tmur u teqred lil oħtha Erexkigal u toħdilha d-dominju tad-dlam — bdiet tinża’ ħwejjiġha saff saff, tneħħi lbiesha kollu u tistaqsi, f’lipsynch ma’ Marc Almond, xi l-ostja tfisser li tkun raġel.
Joey kienet ukoll rat lil ftit minn sħabha, Ashley il-ħajjat pereżempju, fuq episodju ta’ Malta u lil Hinn Minnha. Joe Dimech kien intervista xi sinjorini fuq il-post tax-xogħol tagħhom dwar l-esperjenzi ta’ ħajjithom. Joey bdiet thewden jekk is-sinjorini hux qed isiru wisq viżibbli. Lejl minnhom konna tkellimna sew fuq dal-episodju taħt il-lampier il-kbir tal-Ġnien tal-Gżira: min qabel għax qal li għalxejn noqogħdu ninħbew u nagħmluha tabirruħna li ma neżistux, u min ħadha bi kbira għax ġejna qisna taż-zoo, li n-normali m’għandhomx jindaħlu f’dak li nagħmlu aħna; issa ormaj drajna ngħixu ta’ mostri. Pierre, mużiċist u DJ fix-xena, kien irrekordja l-episodju u għamel mix: ġimgħa wara, fuq id-dancefloor tas-Seabed konna mitlufin minn sensina mar-ritmi elettroniċi ta’ Patrick Cowley meta f’daqqa waħda, bejn żewġ ħolqiet ta’ melodija, smajt leħen Sylvester jogħla u jirbombja u l-eku ta’ warajh kien leħen Joe Dimech jistaqsi lil Ashley jekk tħosshiex mara.
F’din id-dinja, it-taħlit bejn is-sinjorini li jilbsu u s-sinjorini buċċ kien ħafna aktar fluwidu minn dak li ġie wara l-policy vision tal-2016. Din il-viżjoni ġdida eskludiet lil dawk is-sinjorini li ma kinux parti mill-estetika tan-normalità li riedet l-ugwaljanza, il-libertà, u ċ-ċittadinanza sovrana — imma li f’moħħha kellha wkoll kontijiet bankarji, ħlas bin-nifs, xiri ta’ proprjetà fuq djun mal-banek, aċċess għall-wirt tal-poġġut, u viżibbiltà fil-komunitajiet tal-intrapriża. Is-sinjorini mill-ewwel ittarrxu bis-silenzju u għamew bid-dawl ta’ din l-esklużjoni. Meta l-komunità ħarġet tiċċelebra fl-2017, ħarist madwari u f’nofs il-folla lmaħt il-vojt ta’ ħuti li kbirt magħhom, iltiema tal-omonormattività, il-ħajbu tal-Premarin, il-make-up, il-parrokki, it-tkaken, l-affetti u l-mutetti bħal dell tqil f’nofs il-ferħ, il-bnadar, u d-dagħa bid-demokristjani parlamentari.
Biss, jekk is-sorellanza kienet palpabbli, l-intimità sesswali bejn is-sinjorini kienet rarissima. Ir-raġel tal-Vanona, pereżempju, ħadd ma kien jafu. Kienu ilhom jgħixu flimkien snin, imma kien “normali”. Qatt ma rajnieh; jew ħa, inzertajnieh ħiereġ xi darba mingħandha. Il-Vanona qatt ma marret ma’ wieħed gay, u lanqas Joey. U lanqas ħafna sinjorini oħra ta’ dik il-ġenerazzjoni. Il-gay kien totalment eskluż mill-isfera u l-ekonomija libidinali tagħhom. Ma nafx kif tmorru ma’ xulxin intom, kienet tgħidli Joey, tant li kultant kienet iġġegħelni nħossni qisni ksirt tabù doppju. Kien qisu inċest tal-orjentazzjoni, minflok tad-demm. Qisu amoralità kerha li gay imur ma’ gay. Qisu t-tabù tal-inċest li impurtaw mill-isfera eteronormattiva kompla l-loġika tal-binarju mara/raġel fl-idjoma gay/normali; għax il-binarju kien orrajt, imma l-monarju le. Le. Mhux aċċettabbli. Illum, tikteb Jane Ward fil-ktieb Not Gay: Sex Between Straight White Men, hemm tabù ekwivalenti li jsaħħar lil gays meta josservaw irġiel eterosesswali li jagħmlu ma’ rġiel oħra biss jekk dawn huma etero bħalhom. It-tabù bejniethom hu li tmur ma’ raġel gay.
Meta l-verġinità tal-mara kienet għadha ppreġjata u parti mid-dota li jgħaddi l-missier lil ħatnu, u meta s-sess tan-normali kien għadu vaġinopenetrattiv biss, is-sinjorini u l-gays stagħnew sew. Għax kif qaltli Joey, one, konna nerdgħuh u two, konna ninħxew f’sormna. Dan kien ta’ modernità tremenda, u ta’ eżotiċiżmu li kważi lanqas kien jitqies bħala sess: qisu d-Disneyland tal-ħaxi, tmur biex tara u titqalla’ imma mhux biex tieħdu lura d-dar miegħek u tgħixu ta’ kuljum. Wara nofsillejl, wara sigħat il-każin jew il-bar, in-normali kienu jinżlu jduru dawra bil-karozza biex ireddgħuh lil xi ħadd. Lejl minnhom fid-disgħinijiet, meta kont qed nitkellem mat-Tabù taħt il-lampier il-kbir qaltli li l-affarijiet ma baqgħux l-istess mindu telgħu n-Nazzjonalisti fil-gvern, u mindu n-nisa bdew jerdgħuh. Xegħlu l-ġnien u ntfiet il-kamra tas-sodda. Joey ukoll kienet bdiet tħoss li l-liberazzjoni tal-orgażmu tan-nisa, u tas-sess orali u anali fost l-eterosesswali, bdew jindaħlulha fis-suq tagħha u jwaqqgħulha l-ekonomija. Baqgħet tinżel tħuf, b’xi qmis tax-chiffon u ġakkettina tal-astrakhan jew tal-bellus, imma l-karozzi bdew isiru aktar u aktar rari. Bdiet tilbes għalxejn.
It-Tabù mhux talli waqfet tilbes, talli neħħiet anki sidirha, li issa kienet ilha tkabbru bil-Premarin żmien twil. Kienet bdiet tieħu l-Premarin, bħal ħafna minn sħabha l-gays, mis-sekondarja. Ir-radar tas-subien kien jitħabbel fit-toilets: in-normali jbulu bilwieqfa bil-bieb miftuħ, u jitkellmu ma’ subien oħra fit-toilet l-ieħor jew barra; is-sinjorini bil-bieb imsakkar u bilqiegħda. Quddiem il-mera, is-subien iħażżu “liba” u jpinġu żobb bil-gem markers; huma jiċċekkjaw il-frenza u jaraw jekk jidhrux tajbin. Indizji ta’ impenn biex id-dehra tkun tajba: xagħarhom naħa miżbugħa aktar ċar, misluta fil-widna l-leminija, ċinturin ileqq fil-ħoloq tal-qalziet tal-uniformi. Fis-sebgħinijiet u t-tmeninijiet, dak li llum jissejjaħ non-binary ma kienx jeżisti eżattament iżda xorta waħda kien hemm spazju li jħaddan sinjorini, trave, androġeni u identitajiet oħrajn li bosta drabi lanqas minnhom stess ma kienu definiti preċiżament. Kien moviment diġà abbastanza kbir qabel il-ġentrifikazzjoni li ġiet impurtata Malta mas-sinjorini tad-dijaspora li marru jgħixu u jaħdmu Londra, inbelgħu mill-politika ta’ identità omonormattiva, u ġew lura jidentifikaw bħala cis.
Il-ġentrifikazzjoni ġabet magħha lbies ġdid. Il-policy vision setgħet taħdem biss jekk il-mimeżi tan-normalità kienet f’postha u l-omonazzjonaliżmu li tikteb dwaru Sarah Schulman qawwi u sħiħ. Bejn il-kultura tal-atletiċiżmu u l-clones, u s-sinjalar li l-gays huma normali u ċittadini sovrani, l-aġir ikkampjat kollu affetti u żeglig ġie qisu effett jew konsegwenza ta’ kumpens. Hawnhekk daħlet Malta t-tieni modernità gay: il-gay cis buċċ. Ftit sinjorini baqgħu jilbsu, u inqas kienu dawk li baqgħu jieħdu l-Premarin. Kien hemm min waqqaf il-Premarin ħesrem u beda prostetika ġdida: it-testosteron (prostetika kimika) u ħwejjeġ tal-isport (prostetika materjali), prostetika li saħħet dak il-fenomenu li Lisa Duggan issejjaħlu l-omonormattività. L-ecstasy u l-ketamina ħadmu sew f’dan l-ambitu minħabba li jekk l-ikkampjar kien waqaf bħala żvog, issa daħlu ż-żfin ta’ iġsma mibnijin nofshom imneżżgħa u għarqana mar-raxxjaturi tal-pirmli u daqqa K fuq id-dancefloor.
Però din is-segregazzjoni akuta tal-gays omonormattivi għalihom ħalliet warajha ltiema li ma kinux jafu x’se jaqbdu jagħmlu f’din l-eġemonija l-ġdida. Min mar online u beda jippreżenta ta’ mara virtwalment. U min taha għas-sadomaso, fejn il-parrokki u t-tkaken, il-logħob emozzjonali u l-abbuż soċjosesswali issa ġew maqluba f’role plays simboliċi u prostetika ta’ lakstu, gomma u ġlud. Min intefa’ jibla’ l-ecstasy u l-ketamina u għaqqad ir-ritmi ta’ ġismu mal-melodiji ta’ DJ Kekina u DJ Pierre fuq id-dancefloor tas-Seabed u n-Natashas. Min qaxxar xagħru u ntefa’ jitlob. Min iġġennen u tellgħuh frankuni. Min ħareġ bord u baqa’ d-dar għand ommu .