L-Orizzont. Valletta. It-Tnejn, 23 ta’ Ġunju 1986. Żewġt irġiel ta’ 26 sena jmutu traġikament dal-lejl f’inċident ikrah tat-traffiku li fih kienu involuti vann u karozza, fil-post ta’ Għajn Riħana, Burmarrad. Iż-żewġt irġiel li kienu rekbin fil-karozza mietu mad-daqqa, fuq il-post tal-inċident. L-irġiel huma Spiridione Bonnici mill-Marsa, li kien is-sewwieq, u Raymond Fenech li kien il-passiġġier. L-inċidient ġara għall-ħabta tan-12.30 am. Ġara li l-karozza misjuqa minn Bonnici fid-direzzjoni tal-Mosta baqgħet dieħla ġo vann li dak il-ħin kien qed jieħu xi ħaddiema ta’ Xandir Malta lejn darhom wara t-tmiem tal-programmi. Mad-daqqa, il-vann inqaleb u s-sewwieq, Mike Buttigieg (30) ittieħed l-isptar. Miegħu kien hemm ukoll erba’ passiġġieri. Is-sewwieq għandu xi ksur. Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Noel Cuschieri ġie infurmat bl-inċident u għamel aċċess fuq il-post tad-diżgrazzja megħjun mill-Ispettur Anġlu Baldacchino. Huwa ordna l-awtopsja fuq iż-żewġ katavri.
Il-Frida tgħidli li l-Pips qabad sew fl-1980. Charlie, sid il-post, kien għamel żmien jgħix il-Kanada u kien ukoll ħadem fil-barijiet ta’ Soho. Meta reġa’ lura Malta, fetaħ il-Pips u l-Frida tħobb tfakkarni li mal-Pips ġiet era ġdida għas-sinjorini. Beda l-ikkampjar fil-pubbliku u l-ilbies minn filgħodu. Waslu l-pirmli tal-Premarin u bdew ix-shows erotiċi. Fetħu l-hairdressing salons moderni u ħarġu fis-suq prodotti ġodda tax-xagħar. F’dan il-perjodu twaqqfu komunitajiet ta’ sorellanza u bdew teknoloġiji tal-ġeneru ġodda li llum qegħdin arkivjati fil-memorji kollettivi tas-sinjorini u t-travesti imma li qatt ma ġew miktuba, memorji ta’ nies li sfaw iltiema tal-modernità gay li daħlet u ħassret il-politika tal-ikkampjar. Ġabet minflokha l-maskulinità u sawritha fl-identità normattiva tal-politika tal-ugwaljanza. Irrid nipprova nirkupra ftit mill-arkivju ta’ dawk is-sinjorini li użaw l-ikkampjar bħala mezz biex joħolqu identità kollettiva li biha setgħu jirreżistu l-assimilazzjoni u li żammithom ’il barra mil-loġika ta’ futur normattiv. Irrid nipprova nirkupra minn dak l-arkivju ta’ memorji tal-ikkampjar li kien il-mezz li bih is-sinjorini ħolqu diskors imġissem ta’ mossi, mutetti, imġiba, ilbies, u affett li bih setgħu mhux biss jagħrfu lil xulxin bħala familja alternattiva, imma li bih setgħu wkoll jinnegozjaw l-intimità u d-deżiderju barra min-normi riġidi tal-ġeneru.
Il-Pips kien f’kantuniera tat-triq prinċipali ta’ San Pawl int u dieħel minn Burmarrad wara li taqbeż il-pompi tal-petrol, eżatt fejn jiltaqgħu u jitgħaqqdu t-truf marġinali ta’ żewġ żoni urbani, San Pawl il-Baħar u Buġibba, u fejn jitħalltu d-differenzi soċjosesswali tat-tnejn li huma. San Pawl bil-familji li jaħarbu mis-seksik, il-monotonija u l-arja fetida u umduża tar-raħal fis-sajf, iġorru l-provinċjaliżmu tagħhom lejn ix-xatt u jfittxu l-wens taż-żiffa niedja u mielħa li tidħol mill-bieb fuq l-antiporta u mit-twieqi miftuħin. U Buġibba bil-flettsijiet mikrija rħis li fix-xitwa kienu jfittxuhom il-poġġuti, l-ingarżati, il-qħab, il-pufti u l-liżbjani biex jaħarbu ħarba fejn ma jafhom ħadd, fejn jekk iddaħħal lil xi ħadd, ma jimpurtax, għax hawn jew kulħadd turist jew kulħadd għandu tiegħu. Il-Pips kien l-għoqda li tgħaqqad dawn iż-żewġ żoni, filgħodu bit-turisti Ingliżi u Ġermaniżi jieklu, u filgħaxija bit-travesti, il-pufti u l-liżbjani jagħmlu x-shows, iħufu u jiżżagħblu.
Il-Frida, il-Gladys, il-Fiona, il-Joycey u sħabhom l-oħra kienu ħarġu fix-xena ftit qabel fetaħ il-Pips. Ħarġu eżatt meta għaddiet il-liġi li biha l-Gvern Laburista ddikriminalizza l-omosesswalità fl-1972, u allura meta kienu jitħalltu mal-veterani tax-xena, il-kbar kienu jsejħulhom “il-pufti ta’ Mintoff”. Għall-ewwel is-sinjorini kienu jintefgħu l-Furjana, għand Tessie tal-Flagship, imma meta ċ-Ċejċa fetaħ il-bar fil-kantuniera l-oħra ta’ Balzunetta, bdew jintefgħu hemm quddiem il-Mall u l-Argotti. Ma kellha xejn iċ-Ċejċa ta fil-ħanut, ħlief imwejjed tal-formajka u ashtrays tal-landa ta’ Farsons. Gladys minn dejjem kienet nebbiexa u kienet tħobb twaddabhomlha mal-ħajt jew issabbathomlha mal-madum biex jagħmlu kjass. Morna l-ewwel darba mal-Magħluba tal-Marsa. Hi kienet ħaditna hemm. Tafha? Waħda niexfa, kienet poġġuta ma’ Ġermaniż. Dejjem bil-fishnet bojod u parrokka tan-nokkli. Kienet marret hemm tieħu drink u ċ-Ċejċa qalilha biex tibda ttellagħna għandu. U ħaditna. F’kemm ili ngħidlek bdejna ninżlu Balzunetta kuljum, il-familji llamtati għaddejjin jippassiġġaw il-Mall bit-trabi fil-pushchairs u aħna fuq barra nħufu l-irġiel mill-bankina ta’ Balzunetta, skoss sinjorini kulħadd liebes ikkulurit, daħna ta’ ħaxixa tisturdik, għajjat, twerżiq, xorb, ippuftjar, ikkampjar u żagħbil. Imma kien żmien tajjeb għax l-irġiel kienu jħobbuna. U dejjem b’xi mutetta. Darba kont qiegħda npejjep sigarett u nserraħ mal-koxxa tal-bieb u nara wieħed ġej bil-ħmara, waqaf, u beda jittantani. Jien kont l-hena tiegħi nibilgħu f’sormi b’kulħadd u meta konna nkunu klikka sinjorini flimkien, konna nagħmlu l-arja. Mort nippużalu u nippoppa sormi mal-ħmara u Gladys bdiet teħodli r-ritratti magħha. Aħna hemm, kollha makeup u glitter u tkaken u handbags u spray tax-xagħar u xalel ileqqu u hu ġie bil-ħmara. Darb’oħra tgħidx kemm ġrejna — kien ġie wieħed bit-trakk tal-ħnieżer u ried itella’ lil Gladys miegħu ġo fih u joħodha r-razzett ta’ Ħal Għargħur. Kienu jkunu rġiel kbar imma lilna kienu jħobbuna sew. Konna nkunu xi tletin sinjorina u b’kollox kien ikun hemm mitt raġel minn tal-inqas. Aħna ma’ rġiel normali konna mmorru, u huma sinjorini kkampjati bħalna kienu jħobbu.
Il-Frida u l-Gladys kienu ħarġu fix-xena fl-istess żmien. Kienu jintefgħu l-Furjana, ġo bar fejn l-Isptar Boffa sakemm iltaqgħu mal-Kimmy u ż-Żinobju u qalulhom li s-sinjorini kienu jpoġġu fuq in-naħa ta’ Balzunetta. Il-Gladys kienet mibnija, daharha mmuskulat fuq par saqajn kolonni, imżejna b’qadd żgħir u b’daħqa minn widna sa widna tikxef sett snien kbar u bojod u b’saħħithom, wiċċ mixgħul b’par għajnejn ferrieħa u mimlija tleqqija, u ras nokkli afro. Kienet għamlet ħajjitha kollha tħossha qisha d-dinja ma kinitx postha, qisha kellha bżonn tkun xi mkien ieħor, qisha ġiet hawn għal ftit biex idduq l-imrar tan-normalità. Biex ittajjar din l-għaxwa ta’ qalb, kellha ħabta tingħalaq fil-kamra tal-banju, tinża’ għarwiena, titfa’ żobbha u l-bajd lura, u tintefa’ tiżfen u tippupja quddiem il-mera żgħira tonda bil-frejm tal-plastik oranġjo, u għal ftit tmur lura lejn il-post mnejn ġiet. Hekk qaltilha lill-Frida meta għamlu ħbieb Taħt l-Ajkla. Il-Frida kienet qabbditha d-drawwa li jiltaqgħu ftit qabel, imorru jbiddlu taħt is-siġar taż-żnuber maġenb it-taraġ tal-Isptar Boffa, waħda tagħmel il-makeup fuq wiċċ l-oħra, u joħorġu. Kienet ħadet isimha ftit wara li ltaqgħu, meta Gladys Knight and the Pips ħarġu Midnight Train to Georgia, li malli tiġi fuq il-jukebox, kienu jgħidulha li bdiet id-diska tagħha u hi taqbad it-tazza tal-Bacardi li tkun qed tixrob, titla’ bilwieqfa fuq xi siġġu u tintefa’ tkanta u tinbaram magħha. Il-Frida kienet ħadet laqamha mingħand waħda Beltija li kienet tkun magħha, għax kultant il-laqmijiet kienu jintirtu. Meta l-Frida u l-Joycey bdew jaħdmu part-time ġo lukanda Buġibba, ix-Chez France, il-Gladys daħlet magħhom, u t-tlieta ntefgħu jagħmlu x-shifts ta’ filgħodu, inaddfu l-kmamar, jagħmlu s-sodod, iservu l-kolazzjon u xi kultant jaħslu l-lożor u l-purtieri d-dar għal xi ħaġa żejda. Meta bdiet tilbes, il-Gladys ma kinitx pupa bħal Kimmy, li għal ħafna kienet tgħaddi ta’ mara, imma kienet tiddi b’erotiċiżmu tremend, kont tara ħerġin minnha raġġi ta’ hena u saħna. Fis-sinjorinaġni, il-Gladys sabet il-mod ta’ kif toqgħod eżatt ġo ġisimha u ġod-dinja li nbeżqet fiha.
Ta’ pufta, tgħidli l-Frida, jien ma kontx inħossni bħall-gays. U nħarsu f’għajnejn xulxin u nitbissmu. Konna spiss nidentifikaw bħala sinjorini qabel daħlet l-użanza tat-terminu borgiż “gay” li miegħu daħal ukoll apparat ta’ ħsieb li rabat l-orjentazzjoni sesswali mal-identità. Għalina s-sinjorini tal-klassi proletarja, biex tkun pufta ridt tilbes ikkampjat sew u għall-inqas terdgħu jekk mhux tinħexa. L-irġiel li kienu jiġu magħna ma kinux jagħmlu bħalna, jew għall-inqas konna nistennew li ma jerdgħuhx jew idurulna. Mhux għax ma kinitx tiġri, anzi. Imma aħna konna nħobbu n-normali u jekk idurulna, in-normalità, u l-virilità li konna nassoċjaw magħha, kienu jdubu quddiem għajnejna. L-omosesswalità tagħna konna naqrawha bħala forma ta’ deżiderju iktar milli identità: l-identità sesswali għalina ma kinitx tiġi minn dak li għandek bejn saqajk, imma mir-rwol li tieħu fl-intimità, u għall-irġiel li kienu jogħġbuna, l-omosesswalità kienet biss sitwazzjonali, jiġifieri li jagħmlu ma’ rġiel oħra sforz il-bżonn jew għall-fatt li ħafna sinjorini kienu lesti jerdgħuh u jdawru lil dawn l-irġiel fl-oġġett ta’ deżiderju tagħhom, fl-istatwa titulari tal-kult taż-żobb. B’hekk, l-irġiel normali setgħu jidħlu fl-ispazji queer u jibnu intimità mas-sinjorini mingħajr ma jidentifikaw bl-istess mod bħalhom. Setgħu jmorru ma’ raġel u jsejħu lilhom infushom normali sakemm jieħdu r-rwol attiv li jreddgħu jew jaħxu biss. L-intimità, allura, ma kellha bżonn la l-istqarrija tal-identità u lanqas il-konfessjoni ta’ xi orjentazzjoni moħbija; ma kien hemm l-ebda bżonn li tikxef xi identità mistura jew repressa. Anzi, ħafna drabi, l-irġiel kienu jidħlu fl-ispazji tas-sinjorini bi strateġiji kumplessi li bihom kienu jgħollu ċ-ċans li jgħabbu u jipproteġu r-reputazzjoni tagħhom. Il-Frida u jien it-tnejn nidħqu meta niftakru li l-irġiel kienu jiġu għand iċ-Ċejċa jew il-Pips dritt mill-każini u jġibu magħhom il-ġuvintur żgħar biex jinkuna jew iħajruna. F’dawn l-ispazji, bdiet ħierġa forma strutturata ta’ intimità immedjata fil-post innifsu: irġiel akbar fl-età, li kienu normali, kienu jidħlu ma’ xi ġuvni iżgħar u gustuż u jużawh bħala lixka; iġibuhom magħhom għax kienu jafu li l-ġuvintur ma tantx kellhom esperjenza fis-sess, u huma kienu jinnavigawlhom l-aċċess għas-sinjorini. Id-dividend li kienu jieħdu huma biex lis-sinjorini jirranġawlhom imorru mal-ġuvintur ħelwin kien li jew is-sinjorini jmorru magħhom ukoll jew għall-inqas iħalluhom inemmsu. Allura, l-intimità mal-ġuvintur normalment kienet teħtieġ xi forma ta’ relazzjoni nnegozjata mal-persuni li kienu jillixkaw bihom, jew b’inklużjoni diretta jew bil-preżenza awtorizzata tagħhom bħala medjaturi, arranġament trijadiku li kien jirrifletti mudell ikbar u usa’ ta’ ekonomiji erotiċi strutturati skont l-età u forom ta’ omosesswalità sitwazzjonali komuni fis-sebgħinijiet, fejn id-deżiderju kien jiċċirkola permezz ta’ figuri intermedjarji u fejn l-identità maskili kienet tinżamm permezz ta’ ambigwità jew parteċipazzjoni nnegozjata.
L-omosesswalità, għalina, kienet prinċipalment forma ta’ deżiderju li, biex tilħqu, kellek tibni apparat teknoloġiku tal-ġisem li konna nsejħulu kkampjar. L-ikkampjar fix-xena queer tagħna ħa xejra partikolari li kienet differenti minn dak li tiddeskrivi Susan Sontag f’Notes on Camp, fejn tgħid li l-ikkampjar huwa mod estetizzat ta’ kif tagħmel sens mid-dinja ta’ madwarek, attitudni li tiffoka fuq l-imħabba għal dak li hu artifiċjali u esaġerat, fuq l-istil iktar milli fuq il-kontenut, fuq dak kollu li jimmanifesta fi spirtu ta’ stravaganza u li jrodd ħafna serjetà lil dak li huwa trivjali. Għalina l-ikkampjar kien teknoloġija tal-ġisem li writna minn ċkunitna, minn dawk il-mossi, il-pożi u l-mutetti li konna niddilettaw bihom u li kienu jfawru minn ġisimna u kulħadd jipprova jrażżanhomlna. Kienu joħorġu f’leħen irqiq meta nitkellmu, f’xi żegliga tas-sorm meta nimxu, f’riġlejn imserrpin meta noqogħdu bilqiegħda, jew f’xi żifna kollha xengil tar-ras meta jdoqqu Let’s Stay Together waqt festin tal-familja, min jidħaq, min jitkaża. Meta kbirna, ġarrejna magħna dawn it-teknoloġiji mġissma u dawwarniehom f’apparat ta’ femminilità teatrali u esaġerata li jħaddan l-eċċess kollu li hu d-deżiderju u li l-omosesswalità użatu biex bnitilna aċċess għall-irġiel normali. Fis-sens li nirreferi għalih hawnhekk, allura, l-ikkampjar ma kienx biss sensibbiltà estetika jew mod ta’ kif tara l-artifiċju — pereżempju li tara lil Gaddafi u l-pultruna tal-bellus vjola bl-antimacassar tal-bizzilla taz-zija bħala fenomeni kkampjati — imma kien arkivju bijokulturali li permezz tiegħu konna nissenjalaw kemm qrubija simbolika ma’ tfulitna kif ukoll sorellanza bejnietna u strateġija ta’ aċċess erotiku. L-ikkampjar kien jimmanifesta fil-mod kif nilbsu, nimxu, nitkellmu: nilbsu ħwejjeġ stravaganti u ġeneralment magħmula minn drappijiet tan-nisa, inżegilgu sormna, nużaw kliem u espressjonijiet effemminati u b’kantaliena, ngħollu ħaġeb ’il fuq waqt li nbaxxu għajnejna ’l isfel u nippoppaw xufftejna ’l barra meta jogħġobna xi ħadd jew meta rridu nitnejku. L-ikkampjar kien teknoloġija viżiva: ma kienx biss stil jew imġiba, jew xi kodiċi sigriet u leġibbli biss għall-omosesswali, kif ħasbet Sontag, imma kien ukoll politika ta’ viżibbiltà. Meta tikkampja, il-ġisem tkun qed toħorġu min-normi tal-imġiba mistennija u allura bdejna nagħmlu lilna nfusna viżibbli fil-pubbliku. U forsi anki rkibna fuq il-karru tal-artisti tas-sebgħinijiet u t-tmeninijiet li bdew joħolqu repertorju wiesa’ ta’ stil u estetika stravaganti, teatrali, jew intenzjonalment eċċessivi, u aħna s-sinjorini stajna forsi ninħbew ftit wara l-moda meta bdejna noħorġu lebsin ikkampjat fit-toroq. Imma jekk l-istravaganza tal-artisti kienet qed tfittex li tinnova l-moda, aħna konna qed nużaw l-istess stravaganza bħala affordanza għall-eżistenza, mezz biex nitbiegħdu mill-binarji riġidi tal-ġeneru jew biex niżżerżqu fuq il-fruntieri tiegħu. L-ikkampjar, allura, sar tip ta’ prestazzjoni li fih nixxenglu, niżżarmaw u nerġgħu ninbnew mill-ġdid. Din il-qabża performattiva nistgħu forsi nagħmlu ftit iktar sens minnha permezz tal-kunċett ta’ diżidentifikazzjoni ta’ José Esteban Muñoz: nistgħu ngħidu li konna qegħdin nidentifikaw imma wkoll ma nidentifikawx mal-estetika popolari, fis-sens li konna, iva, qed nimitaw lill-artisti imma mhux għal skop mimetiku biss; aħna s-sinjorini konna qed noħolqu spazju ġdid għalina nfusna bejn il-mudelli dominanti ta’ femminilità u l-esperjenzi tagħna ta’ minoranza u nesaġerawhom bil-mossi u l-mutetti ta’ tfulitna li ħallejniehom jissedimentaw u jsiru parti minna. L-ikkampjar tagħna ma kienx biss kopja mimetika, imma kien manjeriżmu kreattiv li ħadem fuq l-estetika dominanti biex idaħħal fiha esperjenzi li normalment jitħassru jew jiġu nnegati. U allura, kif jargumenta sew Muñoz, id-diżidentifikazzjoni tintuża bħala strateġija ta’ sopravivenza minoritarja, mod ta’ kif tgħaddi, tgħix u toħloq futur f’kultura li ma kinitx magħmula għalik. Meta bdew jidħlu fil-lingwaġġ espressjonijiet bħal “jien la naħa u lanqas oħra”, l-ikkampjar kien diġà qed joffri mod kif wieħed jgħix lil hinn mill-kategoriji fissi tal-ġeneru. Fl-istess ħin, kien fetaħ ukoll il-possibbiltà ta’ djalogu u intimità ma’ rġiel eterosesswali, intimità u relazzjoni li kienu jeħtieġu li s-sinjorini jżommu għaddejja l-femminilità teatrali biex joħolqu l-possibbiltà tal-intimità. Il-Frida tgħidha direttament: Il-gays normali ma kinux jintefgħu magħna għax dawk kienu jbeżżgħuhom lill-irġiel. Ma kontx tkun liebes xi qalziet tal-irġiel u jiġu miegħek. Ridt tkun sinjorina. Ridt tkun ikkampjata. F’dan is-sens, l-ikkampjar kien ukoll performattività utopika, jew kif jgħid sew Muñoz, żerriegħa ta’ futur alternattiv li toħloq il-possibbiltà ta’ ħajja li mhix offruta mill-istrutturi soċjali eżistenti, speċjalment dawk li jħanbqu l-ħin kollu fuq il-futuriżmu riproduttiv li jġib miegħu l-loġika tat-tfaddil tal-flus, tal-ippjanar tal-familja, u tal-għaqal. Konna qegħdin inġibu l-futur fil-preżent, ngħixu l-ikkampjar bħala espressjoni ta’ preżent li ma jmut qatt, ta’ għajxien ibbażat fuq it-twemmin li għada ma jafu ħadd.
Meta fetaħ, il-Pips qabad mill-ewwel u għas-sinjorini ġab miegħu opportunitajiet ġodda, fosthom il-bini ta’ komunità ta’ sorellanza. Il-Pips kien aħjar minn barra, għax fejn il-Maltin, kulħadd jidher ġwejjed, kien jgħid Charlie. U għandu raġun għax kien żmien tajjeb sew sew meta fetaħ. Tista’ taħseb x’kien ra Soho imma kellu ħabta jgħid li bħal hawn qatt ma ra. Għax meta ngħidlek is-saħħa ta’ rġiel li bdew ġejjin! In-nisa kienu għadhom naqra ġewwa u l-irġiel bdew ġejjn minn kullimkien. Tant kien hemm saħħa ta’ rġiel u tant konna qed nieħdu pjaċir li spiċċajna nikru l-flettsijiet quddiemu aħna. St Helen’s Court. Ilħaqtna St Helen’s Court? Jien ma lħaqtux meta fetaħ allura nistaqsi lill-Frida jekk kienx ċar mill-ewwel li xi ħaġa kienet inbidlet. Ħeqq, ara l-oħra! Xejn ma lħaqtu int fil-bidu? Ngħidilha li lħaqtu fl-aħħar tat-tmeninijiet. Tista’ taħseb x’ra hemm ġew. Saħħa kbira ta’ rġiel. Fl-għaxra, jibdew ġejjin mill-irħula kollha. U aħna bdejna nagħmlu x-shows, jien, il-Mimì, it-Tabù, il-Brenda, u l-irġiel bdew ġejjin b’saħħa kbira, anki mal-mara bit-trabi fil-pushchairs kienu jiġu u taparsi qed jixtru drink mal-bar u jittantawna. Ix-shows kienu kemm opportunità biex tilbes il-persona li tkun ħloqt għal dik is-serata bi prostetika ta’ lbies, żfin, attitudni u mutetti, kif ukoll ċans biex tisseduċi ’l-udjenza. Jeżistu ftit filmati arkivjati tal-Pips; filmat minnhom huwa ta’ wieħed mir-repertorji magħrufin tagħhom, li qed nara bħalissa u li l-Frida tgħidli li kien tal-lejl tat-22 ta’ Ġunju 1986. Dakinhar, il-Brenda kienet bħas-soltu għamlet id-diski ta’ Sandie Shaw, Ruth Wallis u Shirley Bassey, kanzunetti li bihom kienet tevoka diva tal-cabaret b’umoriżmu nittien, forsi anki xi ftit perikoluż, waqt li t-Tabù, bix-shows ta’ Anna Oxa, bdiet iġġissem il-karattru merkurjali, kważi mistiku, ta’ kreatura androġena u enigmatika. Bħas-soltu, is-serata kienet iddominata mill-Mimì tagħmel ix-shows ta’ Grace Jones. Il-Pips, il-Mimì bdiet mhux biss tersaq lejn id-demolizzjoni kompleta tal-ġeneru imma bdiet ukoll tilgħab fuq il-fruntieri tal-erotiżmu u s-sesswalità. Fil-filmat, il-Mimì tidher qed tagħmel Sinner u The Hunter Gets Captured by the Game, liebsa perpura drapp iswed trasparenti u strixxa ġilda sewda kemm kemm tgħattilha quddiem, f’koreografija ta’ żfin sadomasokistiku li fiha Richard, liebes ta’ raġel sadist mgħammad b’maskra ta’ bojja, beda jsawwat u jaħqar lill-Mimì bi frosta waqt li hi tingħi u tinbaram fuq il-madum abjad u iswed iteptep bir-rifless tal-istilel u t-tlellix mill-mirja tad-disco ball li kien hemm mas-saqaf. Il-Mimì kienet ħadet ix-shows fuq livell ieħor: ma kien hemm l-ebda komiċità fihom, u lanqas kien hemm il-logħob mal-udjenza biex jippruvaw jaqtgħu jekk hix mara jew raġel; le, ix-shows tal-Mimì kienu mumenti fejn l-erotiċiżmu eċċessiv ta’ ġisimha kien jaqbeż il-fruntieri ta’ laħamha u jimla l-Pips bid-deżiderju.
Lil hinn mill-ħajja tal-Pips, imma, jew f’ożmożi magħha, il-Mimì u t-Tabù bdew jibnu familja alternattiva sħiħa fi blokka l-Mosta, komunità ta’ sorellanza li fiha n-nisa trans, is-sinjorini u l-liżbjani għexu flimkien, ħadu ħsieb xulxin, u laqgħu wkoll ħafna nies għandhom u tawhom rifuġju tul is-snin. Kien fl-istess żmien li l-Frida, il-Fiona, il-Joycey, il-Gladys, iż-Żinobju, u l-Vara kienu bdew il-komunità tagħhom San Pawl il-Baħar stess, fil-blokka ta’ flettsijiet bl-isem St Helen’s Court, quddiem il-Pips. Kienu ilhom jaħsbu biex jitilqu mid-dar u jibdew jikru flimkien, imma għal ħafna sinjorini li titlaq mid-dar ma kinitx faċli. L-aħwa eterosesswali spiss kienu jkunu miżżewġin u kien allura jaqa’ fuq is-sinjorini li jieħdu ħsieb il-ġenituri.
Tgħidli, dak li ħadna aħna l-pufti, ħutna jiżżewġu u jiġu jitnejku, l-aqwa li hemm aħna d-dar. Kien jiswielna tajjeb, għax ħadd ma kien jiftaħ ħalqu jew jgħid nofs ta’ kelma kontrina f’wiċċna bil-biża’ li nitilqu ’l-ġenituri lampa stampa. Imma ’qas konna nies li kulħadd kien se jħaddimhom. Il-prekarjat li jsemmu llum nidħlu kexxun konna fih. Mhux ta’ b’xejn uħud minna ħarġu jaħdmu fit-toroq. Kif stajna nlaħħqu bil-ftit flus li konna qed indawru bl-erba’ sigħat ta’ filgħodu? Il-Frida tgħidli li mindu miet missierha u ħutha parpru ’l hemm, hi u ommha biss baqa’ u l-bżonnijiet tal-ikel u t-tobba u l-kiri tad-dar u l-ispejjeż tad-dawl u l-ilma waqgħu f’idejha. Min kien se jħallas għall-ikel jew il-pirmli, min kien se jħallas meta tmur il-fridge jew il-washing machine, min kien se jħallas meta l-bejt ikollu bżonn jitballat u jinkesa, meta jinkiser il-madum, meta titmermer iż-żebgħa tal-ħitan u ddur għalihom il-moffa sewda, tibda tielgħa mill-qigħan u tifrex sakemm traħħam il-kmamar bid-dlamijiet, meta tinkiser l-għamara jew is-susa tibda tiekol l-ilbiesi għax il-boċċi tal-kamla mhux ilaħħqu, meta hi u ommha jaslu għaż-żebgħa ta’ xagħarhom għax l-abjad jixraq biss lin-nisa puliti, għax dawk xagħarhom lixx u jieħdu ħsiebu bil-prodotti fini mhux bħal tagħhom goff u xott u lagħqa żebgħa biss iġġibu sura. Min se jħallas meta ommha jitmermrulha snienha u jkollhom jaqilgħuhomlha u jagħmlulha d-dentatura, u għal oħtha ż-żgħira li daħħlitha f’rasha li tibqa’ l-iskola għax tħobb tistudja flok toħroġ taħdem minn issa u ttiha daqqa t’id? U jekk tiżżewweġ, min se jħallsilha? Ġejjin ħutha l-kbar li ommha dejjem taħbilhom u taqbeż għalihom, li jaħasra għandhom wisq x’jagħmlu bit-tfal, għandhom wisq spejjeż? Ħuti jiġu fil-Ħdud jew fil-festini, u jxommu biss l-indafa, jew jaraw biss it-tiżjin, l-ilbies u xagħar ommi u jgħidu lit-tfal tagħhom, kemm hu ħelu z-ziju u kemm jaf inaddaf u jżejjen.
Il-Fiona kienet marret fuq il-Frida u kellmitha waħedha biex jikru flimkien, għax il-Fiona kienet riżervata, kwieta, tal-affari tagħha u tiżżagħbel kemm tiżżagħbel, kienet tħobb tmur id-dar u ssib il-kwiet. Kienet tħobbu d-debuxxar imma kienet tħobb ukoll il-ġabra. Il-Frida kienet weġbitha li ma setgħetx titlaq ’l ommha waħedha għax mindu miet missierha, ommha ġiet tiddependi fuqha għat-tindif, it-tisjir u l-ħasil tal-ħwejjeġ u għall-flus. lmma ddeċidiet li tikri xorta waħda mal-Fiona, kemm għax lill-Fiona kienet tħobbha immensament u kienet taf li issa li bdiet tieħu l-Premarin ma kienx possibbli li tibqa’ tgħix fit-triq fejn kienet toqgħod, kif ukoll biex hi stess ikollha fejn tmur toqgħod mill-Ġimgħa sal-Ħadd, u jekk tgħabbi matul il-ġimgħa. Peress li dak iż-żmien kienet qed taħdem ix-Chez France bħala chambermaid, kienet tiskapulaha billi tgħid lil ommha li kienet se tagħmel ix-shift ta’ billejl. Il-Frida turini ritratt tagħha fil-kamra. Matul il-ġimgħa, il-Pips kienu jiġu t-turisti puliti jew xi raġel b’saħna ta’ bagħal off mix-xogħol. Imbagħad aħna kif rajna li ħa jaqbad, kif rajna dak il-burdell kollu, krejna mill-ewwel. Il-Fiona staqsietni biex nagħmlilha pjaċir u nikri l-flett magħha. Qaltli li miegħi kienet tħossha l-iktar komda għax miegħi kienet taqbel l-iktar. U ħsibtha sew għax ma tantx flaħt inħallas, imma krejtu magħha. Kemm kienet ferħana! Qaltli biex intiha nofs il-kera biss, u hi kienet se toħroġ id-dawl u l-ilma għax jien fil-weekend biss kont nużah. Il-Ġimgħa u s-Sibt kont norqod hemm u ġieli xi darba ’l hemm jew ’l hawn fost il-ġimgħa. Konna nħallsu erbgħin lira u kelli l-kamra tiegħi. Qlajt qalgħa s-sodda u s-saqqu, għattejt il-konsenturi u d-dbabar tal-moffa bir-ritratti tar-Rettore u l-Marcella u l-Fiona xtrat id-drapp għall-purtieri imma jien kont nieħu gost inkun fil-kamra u nara d-dawl tal-Pips jidħol fil-kamra u jdawwal is-sodda. Fuq it-twaletta kont poġġejt ir-ritratti u l-inċens u l-fwejjaħ; il-kumplament ta’ ġidi kollu fwejjaħ infaqtu.
Imma jekk St Helen’s Court beda jsir post ta’ komunità queer u sorellanza bejn it-travesti, is-sinjorini u n-nisa trans, kellu wkoll il-funzjoni li joffri speċi ta’ refuġju temporanju għal uħud mill-ħaddiema tal-gvern li fit-tmeninijiet kienu ħarġuhom jaħdmu fuq barra. Fl-1981, Mintoff kien irxoxta l-milizzja tad-dejma medjevali u dawwarha fil-korp tad-Dejma. Id-Dejma kienet ħarġet mill-Korp tal-Pijunieri u kienet maħluqa bl-iskop li tħaddem liż-żgħażagħ li kienu qiegħda fuq proġetti pubbliċi ta’ infrastruttura. L-isem kien deċiżjoni konxja biex il-ħmistax-il elf ħaddiem tad-Dejma jkollhom sens storiku ta’ solidarjetà kollettiva u identità nazzjonali, kif ukoll sens li l-gvern kien qed jieħu ħsiebhom. “Biex ma nħallux lil dan il-fjur ta’ pajjiż jintilef se nerġgħu niftħu korp ieħor, differenti minn ta’ qabel. Se jidħlu fih dawk ta’ bejn it-18 u l-25 sena. Għal erbatax-il xahar biss, biex wara jsibu xogħol fl-industrija u jidħlu oħrajn flokhom. Din il-forza se jkun jisimha ‘d-Dejma’, għax irridu nfakkru fl-antik,” kien qal Mintoff waqt diskors ġewwa Birkirkara fil-31 ta’ Mejju tal-1981. “Fl-antik, il-Maltin kienu ffurmaw id-dejma li kienu joħorġu billejl biex iħarsu u jiddefendu lil pajjiżna. Kull sena se nibdew indaħħlu forza biex niddefendu lil Malta.”
Aħna bdejna npejpu l-ħaxixa, qaltli l-Frida, u kienet għadha tibda fost is-sinjorini, għax aħna minn tal-ewwel biex tarana niżżattu u nippruvaw id-drogi ġodda. Matul il-ġurnata aħna nħitu, naħslu l-parrokki, inpejpu l-ħaxixa u niġbdu l-poppers u l-ħaddiema tad-Dejma jaħdmu fit-toroq u jiġru b’karozzi qishom Landrovers. Dak kien żmien ta’ Gaddafi ħabib tagħna, żmien ta’ nies jistennew għal sigħat twal barra l-uffiċċju ta’ xi ministru biex jirranġalhom mal-bank ħa jissellfu xi ħaġa tal-flus għax il-kbira se tiżżewweġ u s-swali saru għoljin, iż-żgħira se tagħmel il-preċett u trid libsa u festin, u l-ħajt tal-kamra tal-banju tmermer u qed jaqa’ l-madum. U kien hemm min kien mad-Dejma imma kien jippreferi jiġi għandna. Kienu jkunu xogħol fuq barra matul il-ġurnata, u minflok imorru jaħdmu fit-toroq, kienu jiġu hemm meta jaqbadhom l-aptit, min dieħel għand waħda u min dieħel għand l-oħra. It-tfajliet ma kinux jimmaġinaw li l-għarajjes tagħhom se jiġu magħna. Kienu jaħsbu li l-irġiel qed iwaqqgħuna għaċ-ċajt u meta kienu jaqbdu lil tagħhom iħares lejna, jaqilgħu plejtu u jwaħħlu fina li qed nittantawhom. Nistaqsiha jekk tiftakarx meta lejla minnhom konna San Ġiljan u ħarġet waħda tgħajjar lill-Manwela, li kienet għaddejja qisha vara minn quddiem stabbiliment tax-xorb. “Tiegħi ta’ veru, tiegħi dan irid mela tiegħek, x’int tħarislu?” Manwela, bil-kalma kollha, daret u qaltilha, “Int lili qed tgħid? Għal dak? Qalbi, dak l-ewwel jiġi miegħi, u mbagħad jiġi miegħek, minn ġo sormi għal ġo ħalqek.” Tgħidli, għax huma hekk kienu jgħidulhom lin-nisa tagħhom: kemm waqqajnieh għan-nejk lil dak il-pufta. Huma ma jidhrux allura ħadd ma jissuspetta. Illum l-istess; niċċettja fuq Facebook — irġiel miżżewġin, kollha bil-mara imma jkunu iktar liberi fuq chat. Hu jiċċettja miegħi u l-mara rieqda.
Il-Frida taħseb li kemm it-twaqqif tal-istituzzjoni tal-omosesswalità kif ukoll tal-qafas legali ġabu dinja ġdida magħhom però gerrxet lil dak it-tip ta’ rġiel li kienu jħawdu mas-sinjorini fit-tmeninijiet u ħallew lil ħafna minnhom iltiema tad-deżiderju. Issa b’dawn il-liġijiet u ż-żbub, l-irġiel li kienu jħawdu magħna saru jibżgħu. Jew forsi għax ġiet l-AIDS, ma nafx. Jew forsi dik il-lejla misħuta tat-22 ta’ Ġunju. Jew forsi kollox ma’ kollox. L-AIDS l-ewwel ma qaltilna biha kienet Gladys — konna qed naraw gazzetta Ingliża filgħodu u qaltilna, “ara x’hawn!”, lili u lil Joycey. Qabadha biża’ tremend. Imma ma kellhiex tmut biha. Ara kemm kienet tibża’ minnha, xorta mhux biha mietet. Niżżu ħajr ’l Alla aħna li ma laqqatnihiex dak iż-żmien għax ma kinux idumu biex imutu. U l-Pips stajna laqqatnieha sew daqskemm kien hemm life. F’lejla kieku ridt stajt tgħabbi anki ħamsa. U mbagħad filgħodu niltaqgħu, jew inkunu l-flett flimkien, u naraw min mar ma’ min u nindunaw li tal-Capri tal-Qrendi mar ma’ tnejn jew tlieta minna; anki huma kienu jmorru darbtejn jew tlieta. Imma ma laqqatnihiex. Ma ħassritniex minn wiċċ id-dinja lilna l-pufti. Kellha tkun lejla misħuta li temmet il-briju tal-Pips.
Times of Malta. 23 ta’ Ġunju 1986. Żewġt irġiel imutu f’inċident matul il-lejl f’ħabta bejn Ford Prefect u Isuzu vann tal-kiri għall-ħabta ta’ 11.45pm. L-inċident seħħ ħdejn il-kappella ta’ Għajn Riħana. Il-vittmi huma Charles Bonnici [sic] u Raymond Fenech. Il-Prefect kienet qed issuq lejn Burmarrad u l-Isuzu lejn San Pawl tat-Tarġa. Fil-vann kien hemm is-sewwieq, Mike Buttigieg (30) u riekba miegħu erba’ ħaddiema ta’ Xandir Malta: Simon Farrugia ta’ 20 sena mir-Rabat, Grezzju Farrugia ta’ 21 sena minn Marsascala, Peter Cossai ta’ 22 sena minn Birkirkara, u Martin Mercieca ta’ 21 sena miż-Żejtun.
Il-Frida tgħidli li l-AIDS bdew ilaqqtuha l-gays li jsiefru biex imorru destinazzjonijiet turistiċi gay, u xi mkien f’post intern moħbi anki minnha stess forsi temmen li l-gays ġabuha b’idejhom meta bdew isiefru għax bihom is-sistemi globali tal-poter u l-kapital bdew jiddistribwixxu l-mard fil-klassijiet il-baxxi. Martin taż-Żurrieq, ilħaqtu int, dak kien jinħexa mal-gays gays. U jien hawn, nibża’ ninħexa. Mhux qed nilgħabha tad-dejqa ta, imma nibża’ ninħexa. Imma lill-Bambin Alla ngħidlu, imnalla, għax jien nibkiha li ma nistax ninħexa. Għax ma nħossnix kompleta li ma nistax ninħexa. Jien ma nħossnix kompleta, u fl-istess ħin, anki nħoss li raġel ma nistax naqdih. Daħħaltha f’rasi li nimrad, u blukkjajt lili nnifsi. Kemm inweġġa’ ħi! Meta għalaqt sittin sena, mort il-Bombi. Kien hemm wieħed kont ili għalih, barrani, dejjem inħufu lil xulxin u qatt ma jiġri xejn. Dakinhar imma ma kien hemm ħadd, jien kont imħajra u mort kellimtu. Qalli li kien ilu jissaltja biex jipprova. Inżilna fil-foss, u ħallejtu. Imma tgħidx kemm għajjatt bl-uġigħ. Ħriġt mill-Bombi kollni dmija. U taf kif jiġrilek, tasal id-dar, idur għalik is-sens ta’ ħtija, rasek tibda ttektek biex tmur tagħmel it-test u minflok mort nagħmel it-test, inżilt għarkupptejja quddiem din l-istatwa tal-Madonna u nfexxejt nibki u nitlob u nwegħedha li ma nħallix raġel ieħor jaħxini. Naħseb li dakinhar li għamilt l-aħħar. Illum għandi 72 sena. Hawn ġejt nitlob quddiem din, u tippunta lejn in-niċċa tal-Madonna li għandha fil-bitħa ħdejn il-garaxx, kollha ġebel tal-gagazza, bukketti tal-fjuri waterproof, u kuruni tar-rużarju mdendlin m’għonqha. Aħna fiha nemmnu, hi kollox għalina. ’Qas qatt ma ħriġna nħufu jew naħdmu fil-festa tad-Duluri. Ma tarax. Anzi, konna ninżlu l-Gżira, il-Madonna tal-Ġebla, u mmorru warajha fil-purċissjoni man-nisa tax-xogħol għax ’qas huma ma kienu joqħbu fid-Duluri.
L-istrateġija kienet li ħadd mill-irġiel normali li jmorru mas-sinjorini ma jmur lura d-dar ħati ta’ xi ħaġa li l-oħrajn ma kinux ħatja tagħha wkoll. L-irġiel kienu jiġu guy sħiħ, u jekk wieħed kien imur, kollha kellhom imorru, tgħid il-Frida. Jien, ovvjament, wara l-battikati kollha li kont nieħu biex nilbes, ma kontx irrid nibda nagħmel mill-ewwel u kont indum intawwalha naqra. L-ewwel niżżagħbel u nħalli ċ-ċekċik għal wara. Filgħodu konna nqumu u nirrakkuntaw kollox lil xulxin, parrokki mtajrin ’l hinn u ’l hawn, tkaken fit-taraġ ta’ barra, ġkieket tal-fufu jew tal-polyester kollha tlellix, fliexken tax-xorb, loqmiet tas-sigaretti u aħna nagħmlu l-kafè u nidħqu daħq kbir. Qisha trobbija ġdida. Dejjem b’xi storja. Darba daħal wieħed Għarbi l-Pips u lill-Fiona beda jgħidilha: xaaruk ġamijl xaaruk ġamijl. Qaltli, x’inhu jgħidli dan, u għedtilha li qed jgħaddilha kumpliment, li qed jgħidilha kemm għandha xagħarha sabiħ. U l-Fiona qaltli mill-ewwel ngħidlu li fis-sagħtejn ta’ waranofsinhar, xagħarha kien għadu fuq il-ħabel tal-inxir. Jew xi kultant ikun hemm tnejn minna li nindunaw li konna morna mal-istess raġel. Anki xi kultant inkunu morna miegħu fl-istess ħin, mhux għax hemm xi ġibda bejnietna, imma biex insaħħnuh.
Din kienet il-liberazzjoni tagħna, is-sinjorinaġni tagħna, li nilbsu kkampjat, nagħmlu x-shows, u mmorru ma’ dawn l-irġiel li ħadd ma kien jissuspetta. Imma l-Pips anki din bidel: peress li s-sinjorini marru jgħixu f’komunità żgħira kollha flimkien, bdew joħorġu lebsin anki filgħodu ġieli. Beda l-ikkampjar filgħodu. Bdew ġejjin il-laqmijiet fuq kulħadd. Bdew jiftħu s-salons moderni tax-xagħar u bdew itawlu xagħarhom bl-ormoni. Il-Lips timxi San Pawl iżżegleg qisha qed tomgħod iċ-chewing gum b’sormha; il-Vara bil-parrokki kull kulur; ir-Reġina tmur taħdem is-salon bit-tkaken pencil; il-Popija bil-bolero u d-dbielet tal-jeans. Il-For Your Eyes Only kellha libsa safra twila biċ-ċinturin kulur id-deheb, kienet torqod u tqum fiha, kif kienu jgħidu l-klijenti tas-salon li fetħet Buġibba. Id-Duluri dejjem bl-ilbiesi li kienet tixtri mill-bazaar tal-knisja b’risq is-Santa Infanzja, u kulħadd jaqbad magħha jgħidilha l-Infanzja Chic. Il-Joycey kienet tissellef l-ilbiesi tal-mara li kienet tmur tnaddaf għandha filgħaxija, ilbiesi għoljin u tad-ditta li kien jixtrilha r-raġel m’għand it-Touch of Class. L-Iżgribble b’xi qmis tax-chiffon u dublett tal-ġilda isfar li tiddobba mingħand it-tfajla ta’ Marthese l-buċċ li issa kienet bdiet toqgħod magħhom ukoll. U r-Roberta tħit kollox hi: flokkijiet bix-xenxilli taħt id-dirgħajn, dbielet twal issikkati bil-qasma twila sal-qadd, ilbiesi halterneck, anki kaftans kienet tagħmel.
Ħriġt fix-xena kmieni u lħaqt is-sinjorini bħall-Frida u l-Joycey fl-aqwa tagħhom. Fil-verità, qatt ma ħriġt għax ix-xena trabbejt fiha. Imma meta bdejt nitfarfar, kont niġbed iktar spiss lejn il-Belt fejn stajt inkun ftit anonimu u fl-istess ħin iktar viżibbli. Bħal sħabi, kont nitfa’ tibdila fil-basket u nbiddel fit-taraġ tal-Yellow Garage, fir-riħa miżża ta’ bewl li kienet tilqa’ lil kull min jiġi l-Belt u jipparkja isfel fil-foss. Il-Belt hekk kienet tilqgħek, l-ewwel b’fewġa ta’ riħa ta’ bewl taż-żwiemel mill-għadajjar li kien ikun hemm quddiem il-funtana, wara, bit-tieni fewġa mil-latrini fil-ġnub, waħda fuq kull naħa, tax-xellug li tagħti għal Belt is-Sebħ fejn iħufu s-sinjorini, u tal-lemin fejn il-gabbani tat-te, fejn ma jħufux, u mbagħad bit-tielet fewġa li titla’ mill-Yellow Garage qishom qed jitfewqu s-sisien tal-blat tal-franka. Daqqa kont nitfa’ fil-basket xi qalziet ikkulurit kollu fjuri u takkuna, daqqa xi flokk kulur il-fidda ssikkat u buz tal-platform, daqqa xi qmis tax-chiffon trasparenti kollha ward ikkusksjat fuqha. Ħwejjeġ li nkunu xtrajna mill-ħwienet tan-nisa jew mill-bazaar tal-knisja. Niggoffa xagħri b’pettne-furketta tan-nokkli, jekk ma nkunx għadni ġej minn blow-dry għand Eddie tal-Ħamrun, inħażżeż żewġ linji lapes ma’ xfar għajnejja, nidlek dilka l-kpiepel bil-glitter abjad jew iswed, u mmur lejn il-funtana niltaqa’ ma’ sħabi. Fil-bliet, in-nies queer imorru jfittxu ċ-ċittadinanza sovrana fil-kollettiv u jsiru refuġjati, iżarmaw is-sisien tal-familja normattiva u jibnu familja oħra bbażata fuq is-sorellanza li ddawwar u tivvinta mill-ġdid il-ġerarkiji li nirtu mill-istat u l-istituzzjonijiet normattivi tiegħu. Lebsin ikkampjat, nitkellmu b’affetti esaġerati, inxejru jdejna u nżegilgu biex nimxu, niġbdu l-attenzjoni lejna mhux biss biex ngħabbu, forsi lanqas biex ngħabbu, imma biex nidhru, biex inkunu faqgħa, biex nuru li qegħdin f’ġemgħa, biex nuru li hemm ħafna minna, biex indejqu lin-normali bl-ikkampjar, biex forsi mingħajr ma nafu, nagħmlu att politiku sovversiv. Illum inħares lura u nagħraf kemm il-libertà minoritarja tagħna kienet iddur fuq il-politika tal-kollettiv biex tisfida l-enfasi li konna naraw madwarna kullimkien fuq l-individwalità u l-post tagħha fil-loġika tal-liberaliżmu normattiv.
Meta ħriġt fix-xena jien lejn nofs it-tmeninijiet, il-habitus queer Malti kienet diġà laqtitu l-ewwel mewġa ta’ modernità u kien diġà maqsum fi stratigrafija kumplessa: ħafna minn sħabi tal-klassi tal-ħaddiema, bosta minn familji li kieku llum jiġu klassifikati bħala ħaddiema prekarji, kienu jilbsu jew il-ħin kollu jew spiss. B’xi mod jew ieħor, kollha missejna mal-ilbies. Għalija ma kienx hemm mod ieħor kif stajt nesprimi l-omosesswalità tiegħi milli naċċedi għal dak li kont nagħmel fi tfuliti bil-ħabi ta’ kulħadd. Qatt ma ħriġt mid-dar liebes, imma konna mmorru ninħbew u nbiddlu u noħorġu minn ġos-sisien ta’ Bieb il-Belt lebsin u mżejna. Wara l-ilbies, bdew ġejjin il-pirmli tal-Premarin. Hekk iltqajt mal-Amanda. Jien kont naħdem ġo ħanut tal-kotba u hi tagħmel il-ġranet titlajja l-Belt, tielgħa u nieżla t-toroq prinċipali, tbandal ħarsitha bejn in-nies li qed jifluha minn rasha sat-tarf tat-takkuna u r-riflessi tagħha fil-ħġieġ u l-mirja tal-ħwienet, sorveljanza li titbandal mill-pubbliku għall-privat u lura. Kienet għadha tifel, magħmula ċkejkna, gustuża, tremendament ikkampjata. Wiċċha dejjem miżbugħ, biex timxi tippoppa u żżegleg sormha, titkellem kantaliena, u terħilha. Jgħidulha li tintelaq fuq l-idejn. Jgħidulha li xkubetta. Jgħidulha li tagħmel għal ġisimha. Kienet diġà qed tintefa’ mal-Lippa u mal-Gloria. Imma dawk kienu għamluha. Dak iż-żmien, ftit kienu li għamluha. Meta l-Lavinia ġiet minn Londra wara li għamlitha, niżlet mill-ewwel l-Axis tiżfen b’dublett qasir ta’ Azzedine Alaïa magħmul minn dendul tal-perli kulur il-fidda u taħtu malja tal-għawm bajda. Wieħed wieħed bdiet iddaħħalna t-toilet tal-club, tintefa’ bilqiegħda fuq il-flushing daharha mal-madum, iżżerżaq il-malja fil-ġenb, tikxfu u turihulna. Jien qatt ma kont rajt wieħed magħmul. Ħafna minna qatt ma konna rajna għoxx u ma kellniex ma’ xiex inqabblu. Imma kulħadd qalilha kemm kien faqgħa. Il-Lavinia kienet għamlitha għax kienet għamlet karriera toqħob Londra, u kien irnexxielha tidħol ma’ aġenzija tajba; qoħob pulit. Malta, kellek taħdem għal rasek. L-Amanda kienet diġà bdiet taqdi xi wieħed ’l hemm u ’l hawn imma mhux dejjem kienet titħallas; kienet tgħidli, mela jien mhux tad-demm u l-laħam ukoll, jekk jogħġobni xi tridni nagħmel. Konna ilna nitkellmu fuq il-Premarin, għall-ewwel taparsi biex inżommu xagħarna milli jaqgħalna u biex inneħħu darba għal dejjem is-suf tal-lejħa u l-erba’ tentufiet ma’ sidirna u wara ftit biex inġibu l-ġilda fina. Meta bdiet tieħu l-Premarin, beda jispuntalha sidirha u bħal-Lavinia, kellha ferħ ta’ ġenn biex tikxfu: spiss kont inkun bilqiegħda f’kantuniera tal-Prego waranofsinhar naqra xi ktieb, imdawwar bin-nutara u l-avukati li kienu jpoġġu hemm mal-klijenti tagħhom, u hi kienet tarani minn barra, tidħol iżżegleg, u kif tasal fit-tarf tal-bank, fejn il-Prego kien jiftaħ bl-imwejjed fuq żewġ naħat, tgħolli l-flokk biex turini kemm kibrulha. Imma l-Amanda qatt ma għamlitha, jew qatt ma rnexxielha ġġemma’ biżżejjed flus biex anki tikkunsidraha. Mhux għax kull persuna li ħadet il-Premarin riedet bilfors tagħmilha; anzi. Konna ħafna li missejna mal-ormoni imma kull waħda minna esperimentat b’ġisimha sa fejn riedet tasal. Dak iż-żmien, kont spiss niltaqa’ ma’ sinjorina kwieta minn Ħal Għargħur fuq tal-linja li kienet għadha kif għamlet imneħirha għand Swain; kienet tgħidli li ’qas biss timmaġina u li ma tridx tasal s’hemm imma trid tibqa’ kif inhi, bis-sider u biż-żobb. Qaltli wkoll li ma kellha l-ebda interess fl-irġiel imma li kienet miġbuda lejn waħda liżbjana li spiss kienet tkun fil-klikka tiegħi. Kien hemm oħrajn li riedu, però, u fosthom kien hemm min li, biex waslet tagħmilha, kellha ddur għal xi forma ta’ introjtu illeċitu bħall-qoħob. Ħafna mis-sinjorini, però, qatt ma riedu jkunu nisa; kienu kuntenti jgħidu kemm iħossuhom nisa waqt li jsejħu lilhom infushom pufta. L-omosesswalità damet sew ma saret dik l-identità omonormattiva li naraw illum, dik li l-espressjoni tagħha hija “jien raġel u miġbud lejn raġel bħali”. Biss, l-omosesswali borgiżi kienu bdew jimpurtaw il-moda tal-imġiba minn barra u spiss kont tarahom il-Belt, bil-ġinsijiet ikkuluriti u l-qomos illamtati u xi flokk tas-suf imdawwar fuq għonqhom u marbut fuq sidirhom la Taljana, iżebbġu għajnejhom fuq kulħadd mingħajr ma jċaqilqu rashom, jimxu tnejn tnejn dritti maġenb xulxin, jixorbu l-kafè fil-pjazez miftuħa bilqiegħda sieq fuq sieq, jitbissmu meta tgħaddi xi sinjorina tidher sew, u jħufu lil ġuvintur ħaddiema.
Kollha kellna laqam. Il-laqam fil-milieu queer, jgħid Pedro Lemebel, jifforma mekkaniżmu essenzjali ta’ reżistenza li permezz tiegħu mhux biss nirrifjutaw l-identità patrijarkali imposta fuqna imma noħolqu lilna nfusna mill-ġdid. Isir allura speċi ta’ magħmudija sekondarja li twarrabna minn dak li Lemebel isejjaħ “it-tattwaġġ tal-missier”, mill-piż tal-isem maskili mogħti lilna, u jiddawwar f’apparat performattiv u f’narrattiva li allegorikament iżżejjen jew tisfida l-identità. Il-laqmijiet li nagħtu lil xulxin jinbidlu kontinwament skont il-burdata u l-interazzjonijiet tal-komunità nnifisha, jissublimaw aspetti varji tal-ġisem billi jdawruhom f’senjalazzjonijiet uniċi li jiġu iżolati, esposti, u fl-aħħar mill-aħħar il-laqmijiet jiġu internalizzati bħala forma ta’ affett komunitarju. Skont Lemebel din taħdem bħal speċi ta’ kirurġija kożmetika simbolika: trasformazzjoni brillanti imma fraġli tal-identità soċjali, armatura li biha nkunu kapaċi naffaċċjaw l-oppressjoni. L-omosesswali borgiżi, però, imxew lil hinn mill-ikkampjar tal-klassi tal-ħaddiema, lil hinn mill-użanzi tal-laqmijiet u l-loġika tagħhom, lil hinn minn forom femminili tal-isem li kienet tatek familtek, lil hinn minn laqmijiet miġjuba minn ikoni taċ-ċinematografija jew laqmijiet morbidament umoristiċi imma li bihom konna noħolqu estetika kollettiva. Anzi, l-insistenza li kellhom il-borgiżi fuq il-maskulinità tal-gay international konna narawha mhux biss bħala konservattiviżmu li jibża’ juri l-ottika tas-sinjorini imma wkoll bħala l-omofobija internalizzata ta’ dawk li m’għandhomx idea kemm jidhru huma stess. Il-mudell li impurtaw minn barra daħħal miegħu enfasi kbira fuq l-identità maskili normattiva tal-Mister Gay, fuq l-iġene, u speċjalment fuq l-idea tal-omosesswali bħala qassisin tal-konsumeriżmu. Għalihom, l-ikkampjar tas-sinjorini kien bijopolitika tal-antikalji, forma ta’ folkloristika queer li żmienha kien għadda. Għalina, il-“camouflage virili” tagħhom kien fundamentalment mehmuż mal-poter u ma stajna naraw l-ebda sovverżjoni politika fih. Forsi kien għalhekk li t-tieni modernità gay daħlet daqshekk bi żbrixx għax kienet politika mansa: mhux talli ma urtat lil ħadd, talli kompliet tigglorifika l-poter u l-konsumeriżmu. L-ikkampjar tas-sinjorini kien att radikali ta’ rifjut tan-normi liberali u ta’ biża’ mill-assimilazzjoni; imma l-gay international rikeb fuq dahar in-normattività sakemm tgħaqqad għoqda magħha. Min-naħa tagħna, konna nedhew naqilgħulhom il-laqmijiet: il-Kontessa Ħamrunella D’Aurel, il-Barunessa Serafina De Piro, id-Donna Desperata Testaferrata, il-Kontessina Salvina De Redin, il-Lady Lejla l-Gżira, u d-Dukessa Ambra de Redentur.
Bdejt noqħob ta’ età żgħira, qaltli l-Amanda meta dal-aħħar bdejna niftakru x’konna nagħmlu l-Belt, wara li ommi spiċċat waħedha għax kellha biss lili u lil ħija l-kbir. Tgħidli li kellhom dar gabuba l-Marsa, u li meta kienet żgħira kienet diġà taf x’inhi għax dejjem ta’ mara riedet tilbsilha ’l ommha. Skola ma kinitx tmur — kienet bdiet ftit imma waqfet kmieni għax kienu jaqbdu magħha fit-toilets tas-subien. Meta miet missierha, ommha bdiet tidħol fis-sakra kmieni filgħodu u tagħmel ġurnata rieqda, u l-Amanda l-hena tagħha tilbes id-dbielet u tnaddaf id-dar, taħsel u tfarfar bid-diski tal-kantanti Taljani għaddejjin fuq ir-radju. Ħuha qatt ma kien jersaq lejn id-dar u xħin tqum ommha, kienu jibdew ġejjin l-irġiel, ħafna minnhom barranin, li kienu jaħdmu l-Marsa. Wieħed minnhom dejjem kien jipprova jkellimni imma jien ma kontx nifhmu. Darba, ommi kienet miegħu fil-kamra ta’ ġewwa u ġiet ħdejja, qaltli biex nagħmel ftit makeup fuq wiċċi, u daħħlitni magħha għax ried jarani u beda jgħidli kemm jien gustuża. U ħallietni hemm miegħu. Tgħidli li ma tiftakarx sew imma li kważi ċerta li dik kienet l-ewwel darba li marret ma’ raġel. Tgħidli li bħalha hemm oħrajn, li l-qoħob, bħal-laqmijiet, jintiret, u jintirtu wkoll il-klijenti, jew bejn l-aħwa jew mill-omm għal uliedha. Il-qoħob kien intrapriża tal-familja. Nistennieha taħt ir-rosetta tal-ferrobattuto li hemm fuq il-bieb tal-maħżen fejn it-Tiger Bar tal-Marsa. Meta tasal, tidħol fil-karozza, tieħu boqqa mir-Rohypnol, li għandha fil-flixkun żgħir tal-Vicks, biex tneħħi l-attakk li għandha fuqha, u terġa’ tibda tkellimni. Tistaqsini jekk niftakarx meta bdejna nieħdu l-Premarin tal-kutrabandu. Wara d-daħq taqa’ mbikkma, u tgħidli li meta waqafna niltaqgħu l-Belt, intefgħet il-Marsa ma’ wieħed li kien iħaddimha u jieħu ħsiebha. Ngħidilha li dan l-aħħar, filgħaxija, meta ġieli kont ngħaddi minn ħdejha biex immur it-Tiger Bar, kont naraha titlajja fejn l-ilma li jiġi minn Wied il-Kbir u jinġema’ f’dik il-fossa miżża qisha għadira tal-bewl li tobżoq fil-port, u li kienet tkun barra minn sensiha, wiċċha midluk b’kuluri oxxeni qisu l-pittura ta’ biċċa laħam imdendla ta’ Soutine, itterter bi flokk tal-bizzilla skullat imniżżel biżżejjed biex sidirha sod u iebes jaqbeż minn fuq iċ-ċinta. Meta kont insibha ftit f’tagħha u kienet tagħrafni, kienet tgħidli li tħobbu, imma wisq liba. Issa telqitu, u qed taħdem għal rasha fi triq iktar sikura. Staqsejtha jekk tiħux ħsieb mal-klijenti. Jien mhux se nħallihom jaħxuni f’sormi malajr ta, weġbitni. Ftit mill-irġiel li jiġu hawn qatt ma raw mara, jew marru ma’ waħda darba. Ħafna minnhom ikunu mġandrin bid-drogi, jew tant ikunu sħan u ilhom jilagħbu bih fil-qalziet li meta tmisshom iġibuha. Meta jinsistu biex jaħxuni, nitfa’ idi taħt il-bajd, nagħfasha kemm nista’, u nagħmel għoxx biex taparsi qed jaħxuni fih. Però mhux dejjem taħdem. Ħafna mill-irġiel jiġu għax jafu li għandi żobb. Għax dak iridu. Sider u żobb. U jafu jieħdu pjaċir biż-żobb iktar mill-pufti, forsi għax m’għandhomx is-sens ta’ ħtija li għandna aħna; forsi għax lil dawn l-istraight ħadd qatt m’għajjarhom pufta. Tgħidli li tibża’, li ma toqgħodx il-Marsa sa filgħodu għax l-irġiel ta’ matul il-lejl ma tafdahomx, speċjalment dawk li jkunu sejrin lura d-dar mill-ħruġ, sħan banju u jridu jġibuha. Dawk ibeżżgħuni għax meta jeħilsu, isiru vjolenti. Tgħidli li meta telqet lil Mario l-Piston, kriet żewġ kmamar il-Marsa u ġabet lil ħuha joqgħod magħha fil-kamra ta’ fuq. Kien għadu kif għamel żmien fl-isptar psikjatriku minħabba l-psikożi li kienet qabditu meta beda jiġbed u jpejjep il-kokaina. Kien dieħel u ħiereġ — jitla’ Mount Carmel, ifiq, jieħu l-mediċina, u meta joħroġ, jerġa’ sitta koppi. Imma jien, bih hawn il-pulizija jaqtgħuli l-bajd, għax din dari, jien noqgħod hawn ma’ ħija, u mhux se joqogħdu gejjin bil-paroli għax qed nitlajja u noqħob fit-triq. Però, l-ismack xejħitha sew u tilfet snienha kważi kollha: ara kif spiċċajt bil-liba smack. Issa jien jixraqli hekk? U wara ftit, tinsa l-ħanek vojt u bħal dejjem, titfa’ spallejha lura, titgħarwen mill-flokk tal-bizzilla, tilbes id-dinjità kollha fuq wiċċha, u tistaqsini b’sidirha f’idejha: Nidher tajba?
Meta sirt naf lil Pauline kont għadni l-iskola, u għamilt l-ewwel vaganzi tas-sajf li sirt nafha niġri barra magħha fuq lambretta tal-fardal. Bdiet tniżżilni magħha fis-salons tax-xagħar ta’ Tas-Sliema, fejn wara snin twal, kont erġajt iltqajt mal-Joycey li fi tfuliti kont naf mill-Gżira. Is-salons tax-xagħar ta’ Tas-Sliema fetħuli dinja ta’ modernità queer tremenda, mhux biss għax kellhom arkitettura faqgħa imma għax kienu qed jiltaqgħu fihom ħafna kurrenti queer ġodda. Kont trabbejt immur għand Manwel tal-Village Gossip kull nhar ta’ Sibt biex Antoinette tagħmel ir-round dry ta’ xagħarha u l-blow-dry tal-parrokki, però f’moħħi bqajt nassoċjah mas-sebgħinijiet. Is-salons il-ġodda kellhom decor avant-garde, kuluri jew jgħajtu jew strettament bojod u suwed, mirja tul il-ħitan kollha, u l-prodotti kienu moderni. Is-Sunsilk oranġjo u l-Wella aħdar kienu prodotti tas-sebgħinijiet u t-tmeninijiet; ir-riħa sintetika tagħhom hija biżżejjed biex tfakkrek f’dawk id-deċennji meta kollox kien ifuħ u jlellex imma kollox kien kimika maħlula. Il-modernità assoluta issa kienet fil-bottijiet tal-KMS, prodotti ġodda fis-suq li l-aġenti kienu jmexxuhom għax magħmulin minn ingredjenti naturali ġo bottijiet tal-plastik bojod bid-disinji ta’ strutturi molekulari qishom kampjuni xjentifiċi fuq xkaffa ta’ laboratorju tar-riċerka. U apparti l-prodotti, fis-salons kien hemm il-mużika. Is-salon beda jsir speċi ta’ diskoteka sekondarja fejn tgħallimt nisma’ l-mużika li ħafna sinjorini kienu jdoqqu u jidentifikaw magħha: Grace Jones, Anna Oxa, Donatella Rettore, Mina, Gino Soccio, Chaka Khan, Loredana Bertè u Sylvester. Tgħallimt inżejjen il-ħitan tal-kamra tiegħi b’collage ta’ ritratti kif kont nara fuq il-ħajt tal-kamra ta’ wara ta’ wieħed mis-salons, fejn id-Diandra kienet iżżomm il-parrokki, l-ilbies, it-tkaken u l-makeup. Il-collage ta’ stampi u ritratti li kellha mal-ħajt kien dokumentazzjoni sħiħa tal-ħajja queer fit-tmeninijiet: ritratti ta’ sinjorini waqt ix-shows, ilbiesi, festini, immudellar, sinjorini li telqu jgħixu Londra, sinjorini li mietu bl-AIDS, santa ta’ sinjorina li kienu qatluha, tfajliet b’xagħarhom maqtugħ qasir ma’ rashom u bbliċjat, kantanti u artisti. Waranofsinhar, spiss kienu jiġu s-sinjorini l-oħra wara x-xogħol, il-Marinella llamtata bl-uniformi ta’ gwardjan tal-palazz tal-President, il-Lola bl-iscrambler dritt mill-garaxx fejn kienet taħdem ta’ mastrudaxxa, u l-Varuxka kalma u pulita bil-pass kajman u bil-barżakka tat-Tarzna. Fil-kamra ta’ wara kienu jagħmlu l-kafè u jpejpu s-sigaretti u jitkellmu fuq il-Blata u l-avventuri sesswali tal-ħufar u l-ilbies ta’ nisa għall-festin li jmiss. Għamilt ħafna ħin nismagħhom jitkellmu bil-lingwaġġ modern tas-sinjorini, nitgħallem il-kliem, il-mossi, il-mutetti, il-pożi; l-affetti kollha tal-ikkampjar. Bdejt naħsel ix-xagħar tal-klijenti, tan-nisa puliti ta’ Tas-Sliema: waħda sakranazza u kwieta li kellha l-iskutella tant delikata li kont naħseb li se titmermer f’idi, l-oħra li kienet tiġi waħedha biex tistaqsi lil sħabi jtuha l-pariri fuq kif terdgħu u tinħexa; jien nogħrkilha n-nokkli ħoxnin u nrattabhomlha bin-nukleoproteini li kien fih ir-RePair tal-KMS, u hi tistaqsi kif għandha tagħmel id-douche u taqilgħu f’sormha. Ġieli kienu jinżlu wkoll il-veterani tax-xena: il-Popija kienet tinżel fuq naqra takkuna komda, tifqa’ salon bid-dagħa b’Alla, tpejjep pakkett sigaretti, u teqred biex bil-blow-dry, il-wara ta’ xagħarha jagħmluhulha jagħlaq ktieb. Is-salons tax-xagħar kienu network sħiħ, u konna nduru minn wieħed għall-ieħor nisimgħu l-aħbarijiet tas-sinjorini, nitgħallmu x’inhu jiġri, u niġbru l-istejjer tal-komunità żgħira tagħna. Bdejt nitgħallem li s-sorellanza queer ma kinitx mibnija biss fuq is-sess imma fuq qafas kulturali sħiħ.
Il-Joycey għadha tgħid li hi pufta liebsa ta’ mara. Bħal ħafna sinjorini tal-ġenerazzjoni tagħha, issib l-ikkampjar u l-femminilità radikali bħala l-aħjar mod kif iġġissem id-deżiderju lejn l-irġiel straight. Bdejna niltaqgħu spiss filgħaxija t-Tiger Bar tal-Marsa. Tgħidli li kienet taħdem il-Gżira, fil-bar ta’ Ġuża, ma’ Charlie ta’ Santa Luċija u Joey ta’ Raħal Ġdid. Jien minn dejjem kont niffissa nħares lejha, mara-raġel, tkanġi bejn virilità raħlija u femminilità ċinematografika, tirraġuna u tpejjep, bilqiegħda fuq il-banketta tal-bar sieq fuq sieq, sigarett dejjem imdendel bejn subgħajha, iħares ’l isfel u jdaħħan ’il fuq. Għandi memorji distinti ta’ meta konna ngħaddu għaliha l-Marsa bil-pickup abjad ta’ Ġuża li kellu t-tpinġija bl-airbrush fuq il-bonnet u mal-ġnub, u hi tiġi u ttella’ l-klieb fil-kaxxa ta’ wara. Konna rġajna ltqajna ġo salon Tas-Sliema għax ġiet tagħmel xagħarha biex filgħaxija tieħu sehem fil-Miss Banda. Kienet qisha waħda min-nisa ta’ Boris Vallejo li kien hemm impinġija fuq il-pickup. Tgħidli li meta kienet żgħira, kienet tgħaddi l-ħin tagħha fl-istalel tal-Marsa ma’ missierha, tieħu ħsieb iż-żwiemel, tagħlef, taħsel, tomxot, tqarweż, tniegħel u spiss anki tirkeb. Kienet magħmula ċkejkna, u missierha kien jirsisti biex isir ġerrej. Imma r-rabta li għandha maż-żwiemel tmur lil hinn mit-tindif tal-istalel u l-imxit tal-pil jew il-kura tad-dwiefer maqsuma. Illum tgħix waħedha ġo flett maġenb l-istalel fejn iżżomm iż-żwiemel; m’hemmx ħitan jisseparaw il-kmamar tagħha mill-kmamar nodfa bil-madum abjad pupilla fejn iżżommhom. Darha mfewħa bir-riħa ta’ klin mgħolli fl-ispirtu, it-taħlita li biha taħsel lil Bel Orage, iż-żiemel li tgħożż bħallikieku kien binha, li kultant itawwal rasu biex jara fejn qiegħda. Tgħidli li dak ħajjitha, li bħal kull min twieled f’dawn l-inħawi, trabbiet maż-żwiemel bħal dawk ta’ ġenerazzjonijiet qabilha, li hawnhekk, l-ewwel ħaġa li tixtri mhix karozza imma żiemel. Tgħidli li tħallilhom it-televixin jew ir-radju għaddej, anki matul il-lejl. Tgħidli li għandha rabta kważi mistika maż-żwiemel. Tgħidli li kien jismu Vent d’Argent l-ewwel żiemel li ħassha, ħass l-għafsa tal-għoqda li kellha fl-istonku, ir-rogħda li għaddiet minn idejha għar-riedni, in-nifs li beda bil-mod il-mod jgħaġġel iktar u iktar. Kien hu li beda jaqra l-bidliet f’ġisimha bħallikieku kien hemm tibdil fil-pressa atmosferika, hu li ħassha titbandal bejn l-eċitament, id-disforja, il-ferħ, il-biża’ u dawk l-affetti kollha li bdew iduru ma’ ġisimha u jgħaddu għal ġismu, is-sensazzjonijiet li ġisimha beda jferrex ’il barra bil-Premarin.
Meta bdejna l-Premarin, fit-tmeninijiet, l-estrazzjoni tal-estroġenu kienu waqfu jeħduha minn nisa tqal, kemm għaliex il-kwantità kienet insuffiċjenti biex taqdi l-bżonnijiet tas-suq, kif ukoll għaliex il-kompożizzjoni kimika ma kinitx stabbli biżżejjed biex tkun ta’ użu. Il-Ġermanja kienu studjaw il-bewl taż-żwiemel u taż-żebri u fit-tletinijiet Ayerst stabbilew metodu ta’ kif jittieħed konċentrat stabbli mill-bewl tad-dwieb tqal (sulfat tal-estron 50–70% tat-total; sulfat ekwilin 20–30% tat-total; it-tnejn preżenti f’forom li l-ġisem jimmetabolizzahom tajjeb). Sal-1941, il-Kanada bdiet tipproduċi l-estroġenu minn dan il-proċess, u sena wara bdiet l-Amerka. Kien hemm deċennji sħaħ meta l-produzzoni ta’ ormoni li bihom persuni li riedu jesperimentaw b’teknoloġiji ta’ kżenoġenesi transestroġena setgħu jilagħbu mal-istrutturi morfoloġiċi ta’ ġisimhom u li malli jibdew jaħdmu, jiftħulek ukoll l-apparat sensorjali, in-nervituri tax-xamm, il-lenti ottika, l-elementi aptiċi, u r-reġistri akustiċi. Il-Premarin għadda minn ġo demmna għal ġoċ-ċelloli f’koreografija endokrinali siekta, tranżizzjoni marbuta mal-bewl taż-żwiemel, medjata mill-bewl taż-żwiemel. Ġisimna beda jsir arkivju ekwin, annimal-spirtu, emblema. Sirna molekolarment żwiemel. Estron. Ekwilin. Ekwilenin. L-estroġenu taż-żwiemel issa jħuf fil-vini ta’ ġisimna u jissedimentalna fiċ-ċelloli, ibiddlilna l-postijiet fejn ix-xaħam jistrieħ, fejn il-ġilda tirtab, idawrilna l-burdati. Il-konfini bejn il-bniedem u l-annimal djiequ sakemm ġisimna ma baqax biss homo sapiens sapiens imma sar ormonalment ibridu f’intimità materjalment radikali. Sirna inkorportati. Qsamna funzjonalità maż-żwiemel. Imma jekk l-intrazzjoni ta’ Donna Haraway waqfet mal-imġiba, tagħna marret lil hinn u saret endokrinoloġika. Bijokimika. Transustanzjazzjoni. Intimità trans. Transmità. Transaġni li saret teknoloġija tal-interspeċi, twelid ġdid, magħmudija ġdida fil-bewl tad-dwieb. Haraway titkellem fuq l-irbit molekulari li jwassal għall-ispeċi tagħna li qed tittransja l-ħin kollu, u naħseb fuq kemm l-estroġenu f’ġisimna, fl-ikel, fil-kożmetiċi, fil-mediċini, inixxi mhux biss fl-ambjent, fl-ilma u fl-għelieqi mill-bewl, il-vomtu, il-feċi u d-demm u jwassal għal konjugazzjonijiet bijokimiċi ġodda, imma anki fin-nisel uman meta jgħaddi minn sider l-omm meta tredda’. Illum nafu bil-moħqrija tad-dwieb, maqfulin għal sitt xhur fis-sena marsusin ġo stalel dojoq, u mtaqqla apposta biex jinġabar il-bewl tagħhom kontinwament. Nafu wkoll li dan ifisser li hemm bżonn li l-logħob transestroġeniku jrid isir minn replikazzjoni li fiha l-estroġeni ekwini jiġu konjugati sintetikament (Estradiol, 17β-estradiol). Nafu wkoll li wara ftit bdiet dieħla l-użanza li tippompja s-silikon impur u industrijali bis-siringi f’sidrek u f’sormok b’labar tal-veterinarji u tagħlaq it-toqba li jħallu bis-superglue jew biż-żebgħa tad-dwiefer. Id-DIY tas-sinjorini dejjem jinvolvi kemm riskju materjali kif ukoll prattiki moħbija ta’ wġigħ tremend, biex aħna s-sinjorini nilħqu nesperimentaw b’livelli differenti ta’ transjar. Moisés Lino e Silva, fil-ktieb Minoritarian Liberalism: A Travesti Life in a Brazilian Favela, ifakkarna li dan ir-riskju huwa parti kbira mill-kura queer li nagħmlu magħna nfusna u li mingħajrha ma nkunux nistgħu ngħixu l-ħajjiet li nimmaġinaw, mhux għax qed niġu sfruttati jew għax għandna l-awtostima tiknes l-art, imma għax mingħajrha nispiċċaw ngħixu f’iġsma li ma rridux.
It-Tiger Bar kien moħbi biżżejjed biex ma jagħtix fl-għajn, lil hinn minn Triq Aldo Moro, u kien jiġbed l-iktar is-sinjorini taż-żoni tal-Ħamrun, il-Marsa, Raħal Ġdid u Ħal Qormi. Konna għadna kif bdejna nieħdu l-GHB, li l-Berta kienet bdiet issajjar fil-kċina u tbigħu fil-fliexken tal-Vicks biex iddawwar lira meta waqfet toqħob. Ir-Rohypnol ma baqax moda u l-GHB ħadlu postu meta ridna l-inibizzjonijiet jgħibu mill-irkejjen kollha ta’ ġisimna. Għalina, kien tank tal-arja f’dinja fetida tal-qtugħ ta’ nifs. Serata minnhom, malli l-G bdiet taħdmilha, iż-Żinobju, veterana tax-xena li kienet qabżet is-sittin, intefgħet tistrieħ mal-ħajt tal-pixxatur u ħarġitilna żobbha; kulħadd dar miegħu biex jara jekk veru kienx kbir bħalma kienu jgħidu: dan iridu l-boys ara, ’qas jilħqu jarawh li ma jkunux iriduh f’ħalqhom. Il-Bliss kienet xorbot wisq diġà — għalxejn tgħidilha li ma tistax tħallat għax xorta tefgħet pipetta fil-Coca u wara ftit, telgħet fuq il-mejda tal-biljard u bdiet tinża’, tixxengel u tiżfen għarwiena sakemm għotrot u ntefgħet għal tulha wiċċha ’l fuq, fuq il-pannu, taqleb għajnejha. Il-Popsi kienet qed tiskanta u titgħaġġeb kemm jixirqilha l-aħdar, kemm imissha tilbsu iktar ta’ spiss għax joħorġilha iktar il-bleach ta’ xagħarha u s-smurija tleqq li wirtet m’għand ommha l-Eġizzjana, u bdiet iżżejjinha bil-boċċi tal-biljard madwarha taparsi katavru mdawwar bil-fjuri kull kulur. Kelli mmur indaħħlilha l-pakkett fil-qalziet ta’ taħt għax rajt karozza rġiel jipparkjaw barra jippuntaw biex jidħlu. Beda l-briju u żfin. Il-mużika għoliet. Il-Valandra bdiet twerżaq biex jitfgħulha ’l Donna Summer, leħinha jidwi ’l barra mill-bar u jirbombja fil-baħħ ta’ Xatt il-Mollijiet, kulħadd jiżfen u jintelaq u l-irġiel u l-ġuvintur li kien hemm fil-bar iħarsu lejn is-sinjorini u t-travesti jerħulha f’dagħdigħa ta’ xalar u rvell. Ikar ma bdejna naraw hekk, iktar beda ġej l-aptit biex niżżagħblu bil-kbir. Il-Joycey bdiet taħdmilha sew il-G u mat-tieni raxxjatura qaltli biex nistennieha għax kellha bżonn toħroġ malajr sa barra. F’kemm ili ngħidlek, ġriet ġirja xagħarha mxarrab itir warajha lejn il-binja abbandunata, bil-ħġieġ tat-twieqi mkisser u karru tal-karnival midfun fiha, li hemm fuq l-ilma qiegħed riħa miżża tal-kanal. Daħlet nofsha mit-tieqa ta’ karozza ta’ wieħed Libjan li kien qed jistennieha pparkjat, u rajtha ġejja ċċarrat daħqa u xxengel żewġ boroż żgħar minn subgħajha. Bi tbissima ħarset lejja u qaltli: haw’ Ċiċċ, insa li se tmur id-dar qabel il-Ħadd billejl.
Wara dakinhar, lill-Joycey ma kontx rajtha iktar sakemm tfaċċat quddiemi fin-niżla taċ-ċimiterju ġġorr xkupa tal-idejn u bukkett fjuri. Xagħarha iswed niedi u jleqq, twil sa spallejha. Moħħha żgħir, ħuġbejha taħżiża lapes, ħaddejha jogħlew f’żewġ għadmiet se jtiru ’l barra minn wiċċha lil hinn minn għajnejha żoroq ileqqu daħqana u mbikkma fl-istess ħin. Ix-xedaq angulat, il-ġewża t’għonqha mqabbża ’l barra f’ponta mmirata lejja, il-qafas ta’ sidirha magħlub, qaddha jduru jdejja miegħu, u sormha mgħaddam. Kienet liebsa ġakketta dejqa kkuttunata u jeans, imma meta waslet ħdejja, tefgħet il-bukkett fl-id li kienet qed iġġorr l-ixkupa u niżżlet iż-żipp tal-ġakketta biex turini li taħt kienet liebsa flokk tal-bizzilla abjad issikkat bil-buttuni mill-għonq taż-żokra nofsu miftuħ. Kont qiegħda għand ħija u meta mmur għandhom niekol, ma noqgħodx inqażżeż ’l Alla. Inqas paroli, tant aħjar. Issa qabżithom is-sittin, imma għadha ċagħqa. Kienet sejra fuq il-qabar t’ommha u qaltli biex nimxi magħha. Ommha mietet bl-ilma fil-pulmun. Meta wasalna, ħarġet il-biċċiet u barmil minn wara l-irħama u marret timla l-ilma minn ħanżir li tal-Campo Santo jimlew mill-ġwiebi tal-inħawi, ilma mdardar mimli organiżmi żgħar ħomor nirien qishom biċċiet tal-ħajt ħaj iserrep fl-ilma. Inxteħtet għarkupptejha fuq l-irħama sewda ġdida fjamanta u, l-ewwel biddlet il-batterija tax-xemgħa ħamra tad-dawl, wara neħħiet il-ponsjetti niexfa għax kien għadu kif għadda l-Milied, u ntefgħet tbaħbaħ u taħsel il-qabar. Qaltli li kienet għadha kif għaddiet minn waħda kerha, li issa biss qed tiġi f’tagħha, li qatgħet minn ma’ sħabha għax ma tafx min jixtieqlek il-ġid u min id-deni, aħjar nintefa’ ma’ żewġ nisa normali. Rajtha tħares lejn ir-rifless tagħha fuq l-irħama sewda tleqq u qaltli li waqfet taħdem il-Marsa issa, li għajjiet. U insomma biex ma ntawwallekx, għamilt tliet snin ma’ wieħed Libjan. Ġabni sew. Tellagħli kont ta’ elf u erba’ mija dawl. Għadni nħallsu s’issa, mija fix-xahar. U qatt ma ħalla lira fuq il-mejda dal-bniedem; u dejjem iġib skuża: daqqa għax ma qabadx il-paga, daqqa għax dak il-liba ma tah xejn. Kien imur taparsi jaħdem u qatt ma ġab xejn id-dar. U mbagħad ċempilli ż-żgħir, dak tas-soltu li tafni miegħu int, u qalli int se tibqa’ sejra hekk? Qalli jien taf x’naf ingħid? Li ħxielna tliet snin nejk. Għax jien kont waqaft niltaqa’ maż-żgħir għax il-Libjan qisu dimonju jiġri warajja jiffittani: “Ara, qed iċempel Roger. Għadu jħobbok Roger!” Jien xorta bqajt nirrispondih lil Roger għax kien qed iċempilli waqt li nkun ir-razzett. Roger għadni miegħu sal-lum, xorta baqa’ jċempel u jgħidli kontrih. Ara x’se tagħmel, tajtu ħames mija oħra belha?! Mort tħallaslu l-insurance lbieraħ? Int ħaqq għall-Madonna qed tiġġennen? Fhimt? Jiġifieri xorta bqajna nitkellmu jien u Roger. Kollox jien kont qed inħallaslu, mill-flus li ħallietli ommi. Jien fejn iż-żobb ħaqq għall-Madonna naf? Biex tgħid għandek raġel miegħek, binti! Qed tifhimni? Ma tafx illi nfittxu nies hekk aħna? Kif Alla jridna qegħdin aħna, binti! U mbagħad għedt dan ma jistax ikun. Tgħidli li ’l ommha ma tħallihiex mitfija, għax kienet tgħidilha li jekk tħalliha mitfija, tidhrilha. Tinnota li xemgħa minnhom ħarġilha l-aċtu. Darba minnhom kelli l-karozza ħaqq għall-Madonna bil-ħsara l-Fgura, għand is-17, u għedtlu isma’ Ċiċċ, għedtlu twassalni għall-karozza u qalli mela, għajjatli, fil-ħamsa u nofs qajjimni. U mort inqajmu bil-mod. Bil-mod kont inqajmu: Ċiċċinu, immisslu naqra siequ, Ċiċċ, Ċiċċ, ejja ħa twassalni għax se jagħlaqli l-mekkanik. U ma wassalnix. Domt sas-sebgħa biex inqajmu. Ċempilt lill-mekkanik qalli li se jħallili ċ-ċwievet fuq it-tajer. Jien ridtha l-karozza għax ir-razzett irrid inlaħħaq ma’ kollox. U qbadt it-triq u tlaqt bil-mixi għall-karozza l-Fgura. Inħraqt. Nibki fit-triq, għedt ara jien ħaqq għall-Madonna, għandi l-Mercedes fuqi u lanqas nista’ nsuqha għax ħadha hu. Pufti ordnati aħna. U nżilt ġo dal-ħanut tax-xorb u ma mortx id-dar filgħaxija. Xrobt xarba tad-Duluri bid-dwejjaq li kelli u ma nafx kemm ġbidt coke. Filgħodu dħalt id-dar, u kien imqajjem hu u ma kellimtux, u mort norqod mill-ewwel għax konna ilna bit-tikketta. Jien ma niġġilidx meta nixrob; ma tistax tiġġieled miegħu dan għax dan kollox tajjeb tiegħu, anki t-tisjir, jarmihulek l-ikel u jerġa’ jsajjar hu. Liba. Aħdar. Tgħidli li ried anki jaqtgħalha xagħarha, li ma bediex iħalliha tilbes, li fejn kienu jmorru, kien iħalliha moħbija fil-karozza, li kien jgħidilha biex tbaxxi għax jekk jaraha xi ħadd li jaf lil missieru l-Libja, jibgħat in-nies joqtluhom. Staqsejtha jekk emmnitux meta qalilha li ta’ tlettax-il sena kien joqtol in-nies ma’ Gaddafi u wrietni r-ritratti tiegħu ġuvni żgħir liebes ta’ suldat u qaltli li hu mrobbi fil-ħdura, li biex jurik li jħobbok, irid iweġġgħek għax hu hekk imdorri jesprimi ruħu. Tgħidi li ma kellux imħabba meta kien żgħir u allura lil min iħobbu, hu jobogħdu. Ħa nurihulek, binti; mela inti ma tafx ma’ min kont qed nagħmilha jien?! U turini r-ritratti. Dak kien joqtol in-nies u mbagħad lil dak jiġborlu rasu, ’il-ieħor jiġborlu jdejh. Anki wiċċu Madonna kien jinbidel, wiċċ ta’ xitan kien jiġi. Mela ara ħa. Milied, jaħxihulek. Birthday, jaħxihulek. U mhux li kont miġbuda lejn ġismu jew hekk ta, binti. Il-karezzi. Il-karezzi u l-kliem. “Bonġu, ġmiel id-dinja!” Allaħares tisma’ leħnu dak — ma nistax nidħol fuqu għax ikun jaf li dħalt; inkella jibgħatli mill-ewwel: “hi”. Għax hu għadu jrid, fhimt. Eh żobbi. M’għandux ċans. Daqshekk. Insomma. Qeridni. U mbagħad ġejt broke. U mbagħad ħriġt naħdem; ħriġt naħdem għand in-nies innaddaf id-djar. Kuljum. Fi xjuħiti. Minħabba ħaqq għall-Madonna l-ħelu wiċċu. Tgħidli li tieħu gost tara x-xemgħat iteptpu mit-triq meta tgħaddi bil-karozza hi u sejra mill-Marsa għaż-Żejtun. U tixgħelhom kollha.
Ir-relazzjonijiet intimi bejn is-sinjorini ta’ dan il-milieu u l-irġiel li jpoġġu magħhom jieħdu ħafna ħin u flus, u jokkupaw parti kbira tal-ħsibijiet. Isejħulu r-raġel, u għal ħafna, dawn ir-relazzjonijiet intimi jkunu ilhom li bdew mindu r-raġel kien ġuvni u tkun ilha sejra snin twal imma bil-moħbi ta’ bosta. Spiss ukoll, ir-relazzjoni tkun waħda ta’ tranżazzjoni. Ir-raġel kważi qatt ma jaħdem, jew jieqaf ftit wara li tkun bdiet ir-relazzjoni, u minn hemm tibda d-dipendenza ekonomika fuq is-sinjorini. Sinjorina fqira rari jkollha raġel, imma waħda li taf iddawwar lira mill-qoħob, jew li għandha xi intrapriża żgħira u introjtu stabbli, ikollha l-għażla. Tixtrilu l-ikel, tħallaslu l-petrol, ittih biex ikollu xi ħaġa fuqu, u jkollu biżżejjed biex joħroġ ma’ sħabu jiddeverti u jpaxxi l-vizzji biex quddiem in-nies iżomm il-maskulinità tiegħu f’postha u ma jitlaqx. L-aqwa li jkun virili u ma jdurx jippoppa sormu. L-aqwa li jien inħobb lilu u hu jħobb in-nisa. U meta jagħmel, jekk jagħmel, ma tużax condom miegħu, għax dak mhux klijent. U ma jafx li xi kultant, għax aħna wkoll tad-demm u l-laħam, ġieli jiġi xi wieħed iġenninna u nagħmlu sew miegħu, sa naslu anki nġibuha. U nimmaġinaw ħajj’oħra. L-intimità, tgħidli l-Joycey, mhix qiegħda hemm biex nieħu gost, imma qiegħda hemm biex inħossni mara. Is-sess, allura, isir forma ta’ konferma tal-ġeneru. Però, dan it-tip ta’ intimità jagħtina wkoll sens ta’ kontroll f’dinja li fiha l-ostilità hija dejjem f’wiċċna, jagħtina ftit ta’ poter u kontroll li bihom nimmaġinaw li nistgħu nkunu f’relazzjoni ma’ dawn l-irġiel u ma’ dinja li twarrabna u toppressana. Mhux l-ewwel darba li kont inħossni nista’ nikkontrollah wara li nkun tajtu l-flus jew li nkun xtrajtlu rigal. U forsi għalhekk meta konna noħorġu kien jipprova jagħti l-impressjoni li hu r-raġel. Jien għamilt żmien kont noqħob meta kont żgħira; konna nkunu jien u l-Lippa. Dak l-isbaħ żmien aħna. Mela, il-Hungry Tiger ta’ Ġuża hekk kien, tal-qħab. Ir-Rapinetta, il-Kimmy ta’ Bieżu, Mariella tas-Seabed il-ġinġrija, il-Mutetti, Antoinette. Għamlet żmien Ġuża kienet tqaħħabha lil Antoinette għax Antoinette kienet ħelwa, xagħarha bin-nokkli, bil-pieces. Ġuża dejjem ta’ raġel. Antoinette kienet tħobbha. Ġuża kellha biha sew għax kienet l-isbaħ waħda. ’Qas nista’ nemmen li mietet. Anki l-Mahoney mietet. U l-Porporina qalgħulu l-gerżuma issa. Imma jien kont għadni żgħira. Kelli erbatax jew ħmistax-il sena. Konna mmorru mal-Għarab. Mal-Libjani. Jien għadni nħobbhom il-Libjani, għadni sal-ġurnata mqaddsa tal-lum. Leħinhom iġenninni, tgħidli waqt li ddeffess bukkett sempreviva vjola, bojod u ħomor fiż-żewġ vażuni tal-irħam. Għax meta tkun ma’ xi ħadd li jiġbed lejh biss, xi kultant il-qoħob irid ikun biex tħossok pupa u tħoss li xi ħadd veru jridek. Jien u l-Frida konna nkunu dejjem flimkien, xagħarna ballun. Fix-shows trid tarana, il-Pips u l-Miss Banda. Lil Frida jien salvajtha dal-aħħar. Taha attakk tal-qalb waqt li konna qed niġbdu l-coke u rajtha tisfar quddiem għajnejja. Qaltli li bdiet tgħaġġel qalbha. Għedtilha mhux ovvja jekk il-coke tajba. Tixgħel ix-xemgħa ħamra tal-batterija u terġa’ tgħidli li tħobb tħares mit-telgħa taċ-ċimiterju u tara ’l ommha mixgħula. Ħmistax ilu jien ukoll kont l-isptar u sabuli l-pulmun moħxi. Kelli naqta’ l-ħaxixa. Jien ili npejjep mindu kont żgħira, minn meta morna ngħixu ħdejn il-Pips. Bdejt inpejjep ma’ Johnny il-Uomo, għamilt disa’ snin miegħu. U għamilt tmien snin ma’ Mario l-Cubs. Kelli relazzjonijiet kbar jien. Ma’ Bastjan domt erba’ snin imma miet bil-kanċer. Dak iż-żmien, kulħadd jitnejjek bina, u aħna nixxalaw. Issa kulħadd jaċċettana u biex issib raġel sura trid tagħmel hekk. Ilbieraħ mort il-Feel; ikun hemm naqra boys. Imma tlaqt lura d-dar qisni l-indannata. Parti mill-ħajja — xi ż-żobb trid tagħmel. Issa ’qas il-Frida m’għadha tkellimni. Ċemplitli dal-aħħar u bdiet tieħu ras Alla u għedtilha aqta’ aqta’ għax għandek waħda. U ma kellmitnix iktar. Wara l-attakk tal-qalb, ma baqgħetx l-istess. Tgħidli li tħoss għafsa xi mkien fl-intern meta tiftakar li nefqet ġidha kollu fuqu, li kellha tbigħ il-karozza ta’ missierha biex tagħmel il-qabar t’ommha. Aħna l-pufti ħodor magħna nfusna, binti. U ddur tkellem ’l ommha. Issejjaħ ’l ommha b’isimha: Sunta tiegħi. U wara tkellimni mill-ġdid: Hemm ara qiegħda l-kelba; mititli wara ġimgħa, ġibthielha ħdejha u tipponta maġenb il-qabar. Kebbibtha ġo biċċa ċarruta bil-fjuri. Toħroġ il-mobile mill-but tal-ġakketta, tfittex ir-ritratti u turihomli: Qed taraha? Dik mejta hemm. U tqalleb fir-ritratti. Ara ommi ħa, dik jien libbistha l-imsielet, biddiltilha, u għamiltilha l-makeup. Jien ridt nagħmilhom. Anki ’l missieri. Meta miet ħija, ġie l-keffien u kien se jaqlagħlu rasu. Dakinhar iddeċidejt li l-mejtin tiegħi ħadd mhu ħa jmisshom. Mela le. ’Qas meta jiġu biex jaqilgħu lil ommi. Issa meta jasal iż-żmien, immur għand dak ta’ Bir id-Deheb, nixtri kaxxa pulita, nimlieha bit-tajjar u nqegħedha fiha jien. Mela le ma jarmulix l-għadam fiż-żibel. Jinżel xi ħadd fit-toqba imma, għax nibża’ mill-wirdien. Mela ma jmissuhomx. Tlaqtek, Sunt. Inħossni sew niġi ċ-ċimiterju. Is-sodisfazzjon tiegħi. Kemm kienet tħobbni. U nimxu flimkien lejn il-qabar t’ommi. Ostja bil-qsari. Aħna l-pufti kif inkunu mal-omm.
Il-Frida tgħidli li ’l-Fiona ridna biex tirrakkuntalna kif spiċċat l-era tal-Pips. Alla jaħfrilha. Konna nilbsu kkampjat ħafna u bdejna noħorġu bil-parrokki minn filgħodu. St Helen’s Court konna mimlijin irjus tal-ġablo li nqiegħdu l-parrokki fuqhom. Ma konniex immorru naħdmu l-hotel bid-dublett imma konna nilbsu kkampjat sew. Il-Gladys u l-Joycey kienu jaħdmu miegħi u dawk dejjem kienu jilbsu kkampjat minn filgħodu; l-iskuża kienet li nilbsu bħall-artisti. Naħseb li dakinhar proprju li spiċċat l-era tal-Pips kienet il-festa ta’ Burmarrad. It-22 ta’ Ġunju kien. Jien kont inħsilt u lbist u kienet l-ewwel darba li għedt li mhux se noħroġ bil-parrokka. Konna bdejna ntawlu xagħarna bil-Premarin u jien niftakar li dakinhar ħallejt xagħri mxarrab. Kien beda jitwal u jisbieħ sew. Dakinhar, imma, konna sejrin il-Horse and Jockey ta’ San Pawl, għax apparti mill-Pips, ġieli konna npoġġu hemm. U l-Gladys ġiet bil-parrokka fl-aqwa tas-sajf, f’Ġunju, xufftejha jleqqu u l-kpiepel t’għajnejha kollha glitter qisha Mina. Dakinhar, konna ddeċidejna li nitilqu minn San Pawl u ninżlu l-Birgu għax il-Fiona kienet qaltilna bi club jismu l-Emotions u riedet toħodna hemm. Taf kif kienet dik, tħobb toqgħod ’il bogħod mill-istorbju imma post ġdid kienet tieklu. Kien hemm il-World Cup għaddejja fil-Messiku. Dakinhar kienu se jilagħbu l-Arġentina u l-Ingilterra. Kien haw’ ġenn kbir għax Maradona skurja b’idu. Dik kienet wara l-Falklands u l-Ingliżi ħaduha bi kbira. Il-Horse and Jockey kienu telgħu skoss ġuvintur u rġiel, kulħadd jixrob u jixxala. Mhux soltu li l-Fiona kienet toqgħod iġġorr in-nies magħha imma dakinhar kienet qaltilha lill-Gladys biex tinżel l-Emotions magħna. Ifhem, kien hemm ħafna kompetizzjoni wkoll bejn is-sinjorini: waħda tridha tas-sabiħa, l-oħra tagħti għajn ħażina lil tiegħek, u l-oħra, meta jidħol xi ħadd tal-flus, tispiċċa tmur dejjem hi. Imma dakinhar il-Fiona qaltli ħa ngħidilha għall-kirjanza biex ma tgħidx li m’għedtilhiex. Imma l-Gladys qaltilha li kienet miftiehma mat-tali. Il-Gladys kienet tħobb tintefa’ ma’ bar b’erba’ rġiel imdawrin magħha kulħadd jitpaxxa biha, aħna taf kif nagħmlu — kienet qisek qed tara ’l Tina Turner; issa jien lil Tina Turner daqqa naraha ħelwa, daqqa xitan. Gladys kienet ċatta imma, ma tbagħbasx mal-Premarin. Saħħa ta’ raġel kellha żgur, mibnija u kellha ġisem sew. Darba, il-puġġaman tat-taraġ tal-lukanda qaltli ara x’se nagħmillu u bdiet tissussah u triegħdu. Kien hawn magna qisha chest press u kienet tagħfasha kollha sakemm tagħlaqha; tbellhu raġel kienet. Aħna kollha qisna l-meħjutin u hi għall-Madonna tagħfasha kollha la salvaġġa. Kienet kunduttura u kienet taf tmur ma’ kulħadd peress li kienet taħdem fuq tal-linja. Il-Fiona nnutat li Gladys ma ħarġitx b’xagħarha stess dakinhar: in-nokkli kannella tagħha geżwrithom ġo kalzetta rqiqa u libset parrokka ta’ xagħar igguffat fl-aħmar. Il-Gladys kienet magħmula goffa u l-Fiona, ara kemm kienet flashy, Fiona kienet tħobb il-kwiet. Taf li Fiona tistħi, int? Għajnejha jdemmgħu. Għadha titkellem fuqha qisha għadha ħajja. Jien u Fiona mhux ħbieb konna — jien għext ma’ Fiona. Għext. Iltqajt magħha meta kienet tilgħab il-biljard il-ħanut tal-Mosta; kienu jgħidulha l-Iskippy. Fiona għalkemm trans, kienet tomboy, tilgħab il-biljard u t-table soccer. Jien kont nitlaq niġri. Imbagħad poġġiet ma’ Gino ta’ Ħal Kirkop u sparixxiet ftit. Hu miet ukoll issa. Il-Fiona u l-Lola kienu biddlu x-xena kompletament għax kienu ħarġu b’xagħarhom stess fil-Miss Banda. Naħseb Roberta biss ħarġet qabilhom b’xagħarha. Tibki u ngħannaqha miegħi. Telquni hawn lili. Kollha telqu. Tqabbad sigarett u tiddritta. U mbagħad il-Fiona ħaditna l-Birgu, l-Emotions. Mingħalija xi mkien lejn il-Monument tal-Ħelsien kien. Imma ma domniex wisq hemm; tlaqna għax il-Fiona jekk kienet tara għajn ħażina u tiddejjaq, kienet taqbad u titlaq.
Tgħidli li l-Fiona tefgħet lilha d-dar u hi baqgħet sejra l-Horse and Jockey imma xħin bdiet toqrob lejn il-Mosta, beda ġej it-traffiku u meta waslet fejn l-Għarusa tal-Mosta, beda jiġġammja kollox bil-karozzi stenduti. Biex tgħaxxaqha kien l-eqqel tas-sajf, u bdiet tippanikkja xħin rat il-pulizija mal-ħadid. Il-Fiona qaltilha li wieħed mill-pulizija beda jagħmlilha sinjal biex titfa’ mal-ġenb. Ħasbet li nduna biha meta qalilha biex tgħaddi ħdejhom ħa jkellmuha. Ħasbet li biex jitnejku biha. U ħarġet. Indunat x’kien ġara, għala kien hemm it-traffiku, meta wieħed minnhom qalilha biex tinżel magħhom Għajn Riħana għax kien hemm inċident tat-traffiku u jaħsbu li wieħed minn sħabha kien hemm fil-karozza li tfarrket, “wieħed minn tagħkom”, għax kien bil-parrokka. Qalulha li ma jintgħarafx. U ħaduha magħhom huma għax ma setgħetx issuq bir-rogħda u l-biża’. Niżżluha minn maġenb in-niżla ta’ San Ġuzepp u ħaduha ħdejn il-kappella ta’ Santa Margerita. Wara ġegħluha tmur magħhom għand omm il-mejta biex tgħidilha. Lill-pulizija qaltilhom li kellha bżonn ftit ħin, li riedet tbiddel, li ma kinitx sejra għand omm il-Gladys liebsa ta’ mara, bil-makeup u l-parrokka biex ittiha dik l-aħbar.
L-għada, tgħidli l-Frida, Malta xegħlet. Peress li l-karozza kienet Prefect, kulħadd ġie jħabbat lil ommi — għax il-kliem beda jiġri li sinjorina bil-parrokka kienet. U peress li Portuges kellu Prefect u jien dejjem kont inkun mal-Portuges, ħasbu li kont jien. Nistaqsiha jekk il-Prefect kinitx ta’ Gladys: hu, ir-raġel, kellu l-Prefect. Hi mhux waħedha kienet. Li ġara kien li kif Fiona ħaditna l-Emotions, Gladys baqgħet hemm. U wieħed minnhom ftiehem magħha biex imorru xi mkien u staqsa lil sieħbu biex jisilfu l-karozza. U ma marru lura qatt. Kienu tilfu l-Ingliżi dakinhar għax Maradona skurja b’idu. U kienu qed jiċċelebraw fejn il-ħanut. Meta Fiona marret il-Horse and Jockey, sabet lil tal-karozza jaqbeż. Beda jisma’ mingħand in-nies. Ħabtu? Ħabtu? Malta xegħlet għax Gladys kienet bil-parrokka liebsa ta’ mara u hu kien straight. Immaġina inti mara normali jċemplulek u jgħidulek li r-raġel mar ma’ sħabu u ħabat u ma kienx waħdu imma kien ma’ waħda trans. ’Qas kienu jgħidu trans. Pufta kienu jgħidu.
U jien ġejt hawn, id-dar, ma ħriġtx wara l-Emotions ’ħabba dawn il-Madonna departures — dawk ikollok ħafna xogħol bihom. Għamlitilha l-ħobż ommi lill-Gladys għax-xogħol, u ġiet għalija l-Joycey u qaltli ħa nċemplilha ta — u ġiet lura u qaltli “ma qamitx”. U aħna u telgħin mill-Mosta, rajna lil Cecile ta’ Tas-Sliema, li kienet toqgħod mal-Mimì u mat-Tabù l-Mosta dak iż-żmien. Cecile kienet f’nofs tat-triq u xħin ratna bdiet tgħajjat “stop stop”. Il-Joycey qaltli ħa mmur jien. U qaltilna “no no I speak to you two”. U nżilna. Cecile kienet titkellem Ingliż la ġenba. Qaltilna Gladys trouble. Għedt, ara ma tiflaħx. Imma bdiet tgħidilna x’ġara. Tlifnieha lill-Gladys. U aħna konna reqdin. Bqajna sejrin ix-Chez France. Xħin wasalna l-hotel, il-housekeeper kienet qed tistenniena barra: irridha mingħandkom, qaltilna, hux hu? Indunajt għax ma ġejtux it-tlieta. Tgħidx kemm kienet tħobbu.
Dejjem aħna l-erbgħa konna nkunu. U la qatt kelli karozza. Aħna konna rridu minn xulxin. Dakinhar spiċċat għalina l-era tas-sinjorini tal-Pips. Mhux meta bdejna mmutu bl-AIDS jew meta rrejdjawna l-pulizija, imma meta Maradona skurja l-gowl b’idu u s-saħta laħqet il-karozza li fiha kien hemm il-Gladys, Għajn Riħana — dakinhar spiċċat l-era tal-Pips. Wara tlaqna minn San Pawl u bdejna npoġġu l-Marsa fejn iż-żwiemel. Intom bdejtu tinżlu l-Belt u tmorru l-Potters u tagħmluha ta’ rġiel u jien, il-Fiona u l-Joycey intfajna għand Ninu t-Tiger Bar tal-Marsa. Ninu tal-Horse and Jockey, miż-Żurrieq. Għax aħna s-sinjorini ta’ kollox konna nsibu rkaptu. .