Qattajt il-vaganzi tas-sajf tal-1980 kważi kollha d-dar t’ommi tal-Iklin. Il-patt magħha biex noqgħod hemm u nkun nista’ ngħum sa billejl, kien li nagħti daqqa t’id, nieħu ħsieb l-annimali, naħsel il-karozzi u niżbogħ ix-xatba. Il-pixxina kienet id-dinja tiegħi: nifta’ l-ġebel fin-naħa l-fonda u nogħdos għalih, intellaq ma’ min jinżel jgħum, u nara x’qabża se nivvinta: jew gabrijoli minn fuq il-madum jew għal rasi minn fuq il-bejt. Ngħum min-naħa għall-oħra u lura fil-qiegħ u nżomm in-nifs. Nitla’ niekol il-patata maxx, nagħti l-laħam u l-ħut bil-moħbi lill-klieb, u nerġa’ ninżel fl-ilma. Is-sajf tal-1980 ma lbistx flokk wieħed. Għamilt sajf bil-malja, norqod, inqum, ngħum u ninħasel fiha. Kienet malja żgħira, bi strixxi ħomor u blu, u stilel bojod — bandiera tal-Amerka. Fid-dar tal-Iklin tgħallimt naqra, nigdeb, innaddaf l-annimali, nagħżaq, ngħum, nitkellem bl-Ingliż, u nibża’. Speċjalment nibża’. Ta’ tifel kont dejjem nibża’ mid-dlam, u l-Iklin kont noħlom li hemm l-erwieħ għaddejjin purċissjoni minn wara l-bieb tal-ħġieġ tal-kċina u jduru dawra mas-siġra l-kbira tal-berquq, iġorru rashom f’idhom. Qatt m’għedt lil ħadd li kont narahom fil-ħolm, u qabel norqod kont nagħfas l-imħadda fuq wiċċi u meta nkun kważi se nifga ngħid lili nnifsi, aħjar nibża’ milli mmut. Ħabib tiegħi fil-klassi għamel żmien twil jgħidli li jara x-xitan jistennieh ġej mill-iskola fuq it-taraġ li kellhom malli tidħol mill-bieb. Jien, l-erwieħ tiegħi żammejthom għalija. Biss, il-biża’ fi tfuliti xi drabi kien jieħu xejra iktar konkreta. Is-sajf tal-1980, żewġ ħallelin kienu daħlu fuqna f’nofs ta’ lejl waqt li jien kont rieqed ma’ Filumena, omm il-mara t’ommi. Ommi kienu l-Gżira, xogħol. Jien kont rieqed ma’ Filumena, hi fil-kamra tagħha maqfula biċ-ċavetta u jien fil-kamra tiegħi, l-ewwel waħda wara l-bieb ta’ barra, fuq ix-xellug, bit-tieqa tagħti għax-xatba. Qajmuni d-dawl ta’ karozza u l-inbiħ tal-klieb. Għall-ewwel ħsibt li kienu waslu ommi u allura għalaqt għajnejja biex norqod. Imma ftit minuti wara li rajt id-dawl tal-karozza jintefa, bdejt nisma’ ħsejjes u tgedwid mhux tas-soltu. Kienu tnejn. Bdejt nismagħhom jissaraw mal-bieb ta’ barra.