Il-biċċiet tal-fuħħar mifruxa u mxerrda fl-għelieqi fi Triq in-Namur fuq l-għolja tal-Iklin — li ġġib quddiemek il-medda ta’ art li tiġbed mill-Imdina fuq il-lemin għal Ħal Luqa, Ħal Saflieni u Raħal Ġdid u tiftaħ fuq il-Belt fuq ix-xellug — jixhdu li fejn in-nassaba Naxxarin firxu l-imnasab tagħhom kien hemm, fuq il-quċċata tal-għolja, binja megalitika fiż-żmien Neolitiku. Xhieda oħra ta’ dan huma l-megaliti tal-franka mixħutin ’l hawn u ’l hinn, uħud minnhom illum b’avviżi miktubin fuqhom b’żebgħa ħamra li jfakkruk biex iżżomm nadif mill-ħmieġ tal-klieb. Il-passaġġ żgħir li jagħti għal ġewwa tal-għelieqi fejn hemm l-imnasab għattnuh taħt saqajhom l-ewwel nies li telgħu fuq din l-għolja. Wittewh għan-nassaba li llum tkompli tressaqhom ’l hawn l-art ġebbieda eluf ta’ snin wara. Ir-rovini Neolitiċi jagħtu affordanza tajba lin-nassaba: ħadd mhu ġej itella’ xi blokka u allura s-siġar tal-gamiem u l-kalamenti tal-insib jibqgħu hemm ġo nofs radam il-qedem. Fis-sirda Novembrina, xħin jibda jbexbex, jibda ċ-ċenċil tat-tkissir tal-megaliti biex titgħatta d-dura tal-kantun tal-franka riċiklat b’qoxra ta’ ġebel selvaġġ. L-imnasab fuq il-wita bejn Ħaġar Qim u l-Imnajdra wkoll imtellgħin bi knaten tal-franka tal-Qrendi u l-Imqabba, u miksijin b’qoxra tal-qawwi maqtugħa mis-saffi tal-Magħlaq bħallikieku n-nassaba komplew it-tradizzjoni tal-bini megalitiku bil-qawwi fuq barra u l-elementi interni tal-franka. Fl-imnasab tal-għelieqi tad-Debdieba jibda l-ikkurdar: xbieki mifruxa, molol mal-kalamenti, xbieki miftuħa fuq in-naħa tal-ħaxja, il-lasti mwaħħlin mar-rażżi, il-qfiel u ċ-ċfuf maqfula. Id-dikojs tal-gamiem lesti f’posthom u l-gabjetti mqiegħda. Il-lanez tal-ġogi marbutin fejn is-siġġu fid-dura. Il-gamiema bil-kappun imxekkla u marbuta fuq is-seffut. Id-Debdieba ġebbieda, kien qalli l-Mija waqt li kien qed iqalleb fil-kantuniera tiegħu f’Bur Mgħeż ħdejn il-kaxxi tan-naħal, ifittex biċċa qasba. Il-Mija jiddiletta bis-sfafar, u għalkemm qatt ma qalli hu, smajt li kien jinqala’ sew, tant li l-Imqabba jgħidu li kellu esebizzjoni tas-sfafar l-Amerka. Qalli li hemm ħafna tipi ta’ sfafar: is-suffara tat-tgeġgiġ, għall-ġojjini, qisha buttuna tar-ram li titfagħha bejn snienek ta’ quddiem u tonfoħ fiha; iz-zekzieka tar-ram u lakstu, tiġbed il-pluvieri bil-ħoss li joħroġ minnha meta tagħfasha u titlaqha. Imma l-Mija kien jedha jagħmel is-sfafar tal-pluvieri mill-qasab tal-bambù. Omm Shaun qaltli li missierha kellu suffara jgħidulha l-“badabut” u missieru qalli li l-Mija kien ilu jfittex mod kif jagħmel suffara aqwa minn kull suffara oħra: ipprova minn kollox, anki lasti tal-biljard u lasti tal-ixkupi. Għamel żmien twil jonsob bis-suffara tal-ġebla tal-franka. Imma fl-aħħar, l-aħjar suffara li għamel għall-pluvieri kienet magħmula mill-għadam ta’ annimal li sab ġo barriera. Il-Mija kien qalli li ta’ tifel kien diġà jaf ibarqam u jparpar bħall-ħamiem u l-gamiem. Qalli kif kienu jaqsmu minn Bur Mgħeż għad-Debdieba, minn fejn il-kappella ta’ Santa Marija fejn illum hemm ir-runway, biex jaslu fuq il-mansab. Meta ġejt biex nasal hemm jien, kelli ndur bil-pass minn Tas-Sejba għal Ta’ Kandja u mbagħad fuq il-lemin biex nimxi tul it-Triq ta’ Ħal Farruġ. Ħarist ’l isfel ġol-barrieri mimlijin bil-ħamrija u siġar miżgħuda bil-larinġ, u minn ġol-ħofra tal-Ħabel ta’ San Pawl smajt it-tgedwid tal-ħassieba tas-seklu l’għadda, jitħaddtu u jixorbu u jieklu u jimpikaw bl-għerf tagħhom. Hemm kont niltaqa’ ma’ Oliver Friggieri u Joe Grima u Fr Rene, qaltli waħda min-nisa ta’ Triq il-Parroċċa. Bqajt nieżel man-naħa tat-Torri ta’ Wilġa u dort fuq ix-xellug biex nibda nimxi lejn l-għelieqi ta’ fuq il-wied. Żammejt ħarsti fuq ix-xtieli tal-mansab fejn waqaft inħares lejn serbut megaliti li, bħan-Naxxari qablu, iċ-Ċaqnu ċarrat minn laħmet l-art: spettakli ġeoloġiċi b’kull folja daqs żewġ sulari mqiegħda waħda ħdejn l-oħra bħallikieku reġgħu ġew fostna l-ewwel kuntratturi u bennejja fuq il-gżejjer. Ersaqt lejhom u lmaħt warajhom muntanja ġebel tal-franka fuq xulxin. Imxejt sieket lejhom, daħħalt ħarsti ġod-dell tal-għerien ta’ bejniethom, il-frisk ħelu tal-franka li jhennek taħt il-qilla tax-xemx. Il-kobor tal-ġebel isaħħrek meta tkun taħtu u tmissu, tiżnu b’għajnejk, u fi mnifsejk tħalli tidħol l-umdità tal-ħamrija u l-għeruq tax-xtieli mqaċċtin u għadhom imwaħħlin miegħu, bħal dras il-art maqlugħin friski minn ġol-ħanek. Dak li għandna, kien qalli Frans, franka! Taħt saqajja, fuq ix-xeqliba tal-art li tibda tixħtek ’l isfel lejn il-ġebel kbir irrumblat fil-qiegħ tal-wied, rajt qtugħ rettangolari fil-wiċċ tal-blat, bħal oqbra dojoq tat-trabi li bħalhom kont rajt waqt li kont qed infittex l-oqbra fuq ix-xagħri ta’ Santa Margerita ma’ Russell u Aiden. Aiden kien qalli li forsi n-nies ta’ żmien il-bronż kienu jagħmlu x-xtieli tal-għeneb fihom, jew forsi jaħslu l-ġlud tal-annimali wara li jbiċċruhom u jqaxxruhom, u jħallu d-dmija jċarċru fil-kanali dojoq u baxxi li hemm ħdejhom iserrpu ’l isfel. Kmamar abbandunati bil-barumbari meqrudin, passaġġi ta’ siment mixħut u mwitti dan l-aħħar, xatba wara l-oħra magħluqin, bibien f’nofs imkien imsakkrin: id-dawra tal-mansab konfoffa biex jew jobżqok ’il barra, jew jaqflek ġo nofsu. Tikka ħamra tiskariġġa: xi sponsun! Smajt leħen il-Mija: il-ġarġir isfar ta’ taħt saqajk jagħmel għalih il-ġojjin. It-tillier u x-xarbekk, dawk għall-ekri. L-għobbejra għal tal-għana. Poġġa fit-tarf tal-wita jħares ’l isfel, radam ta’ ġebel imrembel mal-għargħar tal-ilma li eluf ta’ snin ilu niżel minn Ħad-Dingli għall-port tal-Marsa, iħares lejn il-marki ta’ tidwir u rrumblar fl-uċuħ tal-ġnub tal-wied u l-għerien, l-għelieqi u l-imnasab, jonfoħ fis-suffara li kien qed ilesti u qalli: hawn kienu jgħixu d-deffiena ta’ Bur Mgħeż.