“Nitwieldu u nikbru. Inwelldu u nkomplu nikbru sa ma
Din hija l-kitba ppubblikata dax-xahar:
-
- Novembru 2023
Qamar Aħmar
Virginia weġbitha li dawn huma fatti tal-ħajja u ma nistgħux nibdluhom. Nitwieldu u nikbru. Inwelldu u nkomplu nikbru sa ma fl-aħħar nispiċċaw. M’hemmx mod ieħor. Vera kienet ħarset lejn Virginia b’ċertu diqa. Forsi jmissha insistiet iktar; forsi kieku spjegat ruħha aħjar, Virginia kienet tifhem u ma titlaqx, imma qatgħet qalbha. Ma setgħet tagħmel xejn għajr li tħalli lil oħtha titlaq, tmur tfittex xortiha barra minn Malta, toffri ħajjitha u ġisimha lil raġel li qatt ma seta’ japprezzaha. Tagħtih ulied li mhux talli jerdgħulha ħalibha imma demmha wkoll. Għannqitha waħda tal-aħħar. Tgħanniqa iebsa u tal-aħħar. Saħħa! Xtaqitilha s-saħħa kollha tad-dinja u ma ppruvatx tkellimha iżjed. Daret u telqet, u ħalliet lil Virginia tħares lejha tielqa. Ħarġet fil-ġnien li kien kbir, mogħni bi frott taċ-ċitru u tal-għadma u mdawwar bil-bajtar tax-xewk biex la ħadd seta’ jidħol u lanqas joħroġ minnu ħlief minn dik il-fetħa waħda li kienet tħalliet minn xi antenat tat-tewmin. Imxiet san-naħa l-għolja tal-ġnien fejn kien hemm bank tal-ġebel u poġġiet bilqiegħda, tħares lejn iċ-ċimiterju tar-raħal. Ma reġgħetx ħarset lejn oħtha. Ma marritx taraha tiżżewweġ. Għamlet tabirruħha li kienet marida u ssakkret f’kamritha. Lanqas biss marret taraha tielqa ma’ żewġha u lanqas qatt ma kienet tiftaħ l-ittri li tirċievi mingħandha. Virginia damet ħafna tibgħat. Ma kinetx xi waħda li taqta’ qalbha malajr, iżda bil-mod il-mod indunat li kien kollu ta’ xejn. Vera ma kienet se taċċetta qatt li setgħu jibqgħu ħbieb, li setgħu jibqgħu jinħabbu. Kienet ġegħlitha tagħżel u hi, Virginia, kienet għażlet li tibni familja u futur f’pajjiż ieħor. Ma kinetx għażlet lilha, kienet għażlet lir-raġel. Iżda fil-verità, Vera kienet tkellem lil Virginia kuljum fil-mera. U fil-mera ffukat fuq punt f’wiċċha fejn kien hemm għazza mitlufa, timbaram u tiċċaqlaq ma’ kull tikmixa konfuża.
-
- Novembru 2023
-Na -I -Hom
Fl-ewwel minuti luċidi ta’ kull filgħodu naħseb biex immur mixja lejn il-ġnien li jħallini mdellka bin-nostalġija biex inħares lejn il-bieb magħluq li jgħiduli li int kont hemm għassa miegħu kuljum u l-kamra kulur it-te meta titfagħlu l-ħalib tal-bott li issa spiċċat mużew tal-karti llaminati li jiftaħ kull jumejn Il-bejta għall-ħarba kull nhar t’Erbgħa tal-grupp lebsin l-iswed għax cool għaddejjin nitmiegħku maż-żrieżaq daharna mal-arbli tal-bandli nitkażaw dwar x’għamlu dawk fil-kumplessi tal-garaxxijiet— l-ispots tal-konsulenzi romantiċi tat-tfal bravi Nsara aged 13 and up
-
- Novembru 2023
Marċ Maqbuż
Ix-xitwa tmut hekk— Gżira—jew bastiment—jgħibu fiċ-ċpar; Riefnu jiġbed nifs sagħtar— Berwieq għarwien fuq irdum, wiċċ nemex tal-bużbież; iħirsa—jew aħna—max-xifer. Reżħa titlajja fi rkejjen, fuq għetiebi; F’triq dejqa, antika, fi kmajra xi ħadd jonqox ħajja—jew mit—f’zokk lewża; Tifkira tiġi, minn imkien—jew minn xmara—għoddha taħsdek, tmexxik fiha b’ħarsa kaħla, b’xofftejn ħajra, sa tħallik—jew tħalliha—f’belt labirint.
-
- Novembru 2023
Wirja
Immorru, ukoll, minn labirint toroq, għal wirja ta’ pitturi, statwi— Qlugħ bojod f’ċpar ilwien jinbarmu; swaba’ mwieġ deħlin fuq xatt mitluq: U nofs dawra qaddisin martri b’qillet ġrajjiethom f’idejhom, f’ħarsithom. Mal-ħitan stqarrija safra trombi, platti, tnabar— Minn fuq swar il-belt għajnejn għassiesa: Imma aħna ngħaddu maġenb għorof li jafuna, barumbara tiġġarraf tbarqam tifkira, ġieri jilwi mill-blat, loġġa tittawwal; għajn moħbija f’wied ħemda, palma f’dagħbien, razzett jidwi daħka mit-twieqi, qasab iħaxwex riħ. Żewġ nagħġiet joħorġu, iwieġbu għal leħinna.
-
- Novembru 2023
Bur Mgħeż #3
Qegħedtha ġo qabar fuq
l-Għolja tal-ĦorrWasalt l-Imqabba minn Ħal Lija bil-pass. Dħalt mit-triq tas-Siġġiewi għan-naħa Ta’ Kandja, dort fejn il-Ħabel ta’ San Pawl għal Tas-Sejba u ksirt fuq ix-xellug għall-inħawi ta’ Ħabel ix-Xiħ. Fit-triq Ta’ Kandja, taħt ix-xemx ta’ nofsinhar, kien għaddej konvoj ta’ trakkijiet tal-kostruzzjoni, wieħed wara l-ieħor. M’għadhomx it-trakkijiet tal-kabina ħamra mżejna bit-tberfil u l-laqmijiet tas-sidien, iġorru vjaġġ knaten għall-bini; issa Iveco u Leyland DAF iġorru terrapien u materjali kimiċi impurtati. It-triq dejqa, u t-trakkijiet isuquhom maġenbek. Id-duħħan li joħroġ maħnuq minnhom jitħallat mat-trab li r-roti jtajru minn mal-ġenb tat-triq, munzelli trab fin griż li jidħol fil-pori ta’ ġismek u ġo ħalqek. Trab li jidfen kollox taħtu, inebbaħ li kollox irid jerġa’ jintradam. Mal-ġenb tat-triq, it-trab jitħallat ma’ pakketti u loqmiet tas-sigaretti mgħaffġin, biċċiet tal-ħobż niexef, fliexken tal-plastik mgħattnin, xtieli tal-ferla ta’ Malta, qanċlita u liftija ħerġin minn ġol-ħitan tas-sejjieħ. Il-ħsejjes anzjużi tal-vetturi, il-brejkijiet f’salt meta jindunaw bik miexi, il-ħornijiet ittikati biex iżżul min-nofs, il-gass ivenven tal-karozzi bin-nitro, id-diski jċerċru mill-vetturi, it-tħaffir fit-toroq bil-gafef jissieltu biex jifqgħu l-art, u t-tluq ta’ ajruplani minn Ħal Luqa għal fuq il-medda tat-Tramuntana tal-gżira flimkien jikkonfoffaw biex joħolqu s-sonorità tat-triq Ta’ Kandja fid-daħla tal-Imqabba. Meta nżilt minn Sqaq Buhar u dort għal Tal-Isqof, is-sħana kienet fnietni u sibt kantuniera dellija mal-ħajt tal-barriera ta’ quddiem il-ħofra fejn kien hemm l-Għar ta’ Bur Mgħeż. Ta’ min kienet il-barriera ma nafx, u allura lanqas naf isimha, imma mal-ħajt tagħha sibt biżżejjed dell u kenn biex nistrieħ. Tfajt fuq rasi l-ilma kiesaħ kollu li kelli imma nxift f’ħakka t’għajn. Ħarist madwari. Meta tħares konxjament lejn dak li hu l-familjari, tibda tinnota li qisek qatt ma tkun ħarist lejh qabel. Meta tifli sew dak li mingħalik taf b’għajnejk magħluqin, issib li hu stramb, qisu nbidel quddiem wiċċek u int ma ndunajtx, bħallikieku xi ħadd qarraq bik u wriek ħaġa b’oħra. Qisu dak li naħsbu li nafu sew, fil-verità mhu xejn ħlief ideal effimeru. Tieqaf u taħseb fuq ismek fit-tul u wara ftit tintebaħ kemm hu aljen, kemm m’għandu x’jaqsam xejn ma’ dak li int mingħalik li int. Tħares lejk innifsek biex issib min int fuq it-territorju tal-ġilda mifruxa fuq l-istrutturi anatomiċi ta’ ġismek, u ma ssibekx. Dawwart ħarsti sew lejn il-barriera u rajt xtieli tal-kappar ħerġin mix-xquq tal-ħitan tas-sejjieħ li jdawruha, tawwalin bħalma qatt ma rajthom qabel, ixebilku ’l isfel għal fuq il-ħajt tal-barriera—qoxra trab jitmermer tal-franka safranija li anki fil-qilla tas-sħana tidher niedja—u jiltaqgħu mat-tlugħ tas-siġar tat-tin li kibru mill-qiegħ. Il-kappar u t-tin kienu f’patt bejniethom biex jgħattu d-dagħbien, li kien mimli ċagħaq u ħamrija. Siġar tal-ħarrub u tar-rummien, molol tas-saqqijiet imsaddin, kisi tal-ħitan tal-kmamar tal-banju mormi, forn tal-kċina, terrapien tal-gafef: ix-xquq tal-barriera ta’ maġenb Bur Mgħeż iġorru mirduma ġo fihom it-tifkiriet tal-ewwel ġisem mejjet li tniżżel ġo fihom, imqiegħed ikkurat u mżejjen fil-kurituri mdallma tad-dagħbien taħt l-għelieqi fejn ġrew iċ-ċriev.
-
- Poddata 01.11.2023
Kif Tgħidha f’Qalbek
ma’ , &
“Jekk huwa minnu, bħalma jgħidu ħafna, li kull kitba hija forma ta’ traduzzjoni, il-kitba bil-Malti terġa’ hija traduzzjoni b’mod iktar ovvju minn dak li hu mifhum minn min jgħid hekk. F’dawn l-ewwel xogħlijiet li għandna fil-ġurnal tagħna din it-taqbida kienet ta’ spiss parti importanti mill-kitba u mill-proċess editorjali. Meta l-ewwel niddeċiedu li niktbu dwar suġġetti li aħna intiżi fihom imbagħad wara nagħżlu li niktbu dwarhom bil-Malti, insibu ruħna nipproċessaw ideat illi dejjem qrajniehom b’lingwa oħra, probabbilment bl-Ingliż, u li għalhekk bqajna naħsbuhom b’din il-lingwa. Meta niġu biex nartikolawhom bil-Malti nsibu ruħna nitqabdu bejn l-idea nnifisha u espressjoni preċiża u eleganti.”
-
- Poddata 22.11.2023
Noti Editorjali #2
ma’
« Id-differenza fil-fatt hija li jiena meta bdejt nikteb esej li mhuwiex akkademiku, għalkemm huwa tekniku, għalkemm id-dettalji xjentifiċi huma preċiżi ħafna, il-metodoloġija stajt niftaħha ħafna iktar. Jiġifieri jiena stajt nintroduċi l-perspettiva tiegħi, stajt pereżempju nimmaġina l-post stajt, nimmaġina r-rabja li ħass Michele Zammit tan-Naxxari meta skopra li s-sit se jittieħed, meta skopra li mhux se jaqla lira. Stajt nimmaġinahom dawn l-affarijiet. Stajt nimmaġina ċ-ċriev, pereżempju, jirgħu fuq il-wita’ ta’ Bur Mgħeż. Stajt nimmaġina konverżazzjonijiet pereżempju illi l-essej akkademiku ma jħallikx tagħmel. Allura din fetħet orizzonti ġodda fil-mod ta’ kif inti tista’ tingaġġa u tiskopri post mitluf. Jiġifieri biex inti biex inti ġġib lura post mitluf ix-xjenza mhijiex biżżejjed. L-immaġinazzjoni hija wkoll importanti. Il-kreattività hija importanti. Il-lingwa letterarja, il-poeżija hija importanti. »
Abbona