il-ġentrifikazzjoni tas-skiet

Nathan Anthony Pace

tistenbaħ kakofoniku
tħawwad il-borma
tixgħel il-kitla
tgħalli litru ilma
trattab l-arja bil-kafè
fwiħtu tittraslokani fil-belt tal-balavostri mdewda
u l-frontispizji mnaqqxa biċ-ċikonji
’l bogħod minn dawn is-subborgi ġentrifikati

qatt m’aft li l-kafè għandu effetti terapewtiċi
kien mingħalija li l-ħaxixa biss tpejjipha
biex taqla’ x-xewka f’sormok
minflokha ddaħħal sensazzjonijiet iċarrtu ħalqhom għal kapriċċik
biex issebbaħ lok mingħajr prinċipji estetiċi
biex iċċallsu b’saff verniċ

darba o ħadni praga fit-toroq nervużi ta’ žižkov
u qalli niddeċiedi jien jekk dil-akkwata kinitx ġentrifikata
meta għamiltlek dil-mistoqsija
weġibtni dubjuż jiddependi xi tfisser b’ġentrifikazzjoni u ħallejtni b’hekk
u lil o weġibtu bil-yoghurt tewmi tad-döner jiċċaflas ma’ ħaddejja
jiddependi xi tfisser b’ġentrifikazzjoni u ħallejtu b’hekk

issa għaddew tliet xhur minn o
qed interraq belt oħra iżgħar imma mhux differenti
fl-ewwel xahrejn u nofs is-skiet
kien iweġibni kor kull darba li rassejt għajnejja ma’ mħaddti
kien joqmos minn mal-borom u t-taġnijiet
kien jitrekken f’ħoġri jagħfas fuq il-marrara
kienu jgħiduli normali li s-skiet iġġarrbu kostellazzjonijiet
għax tirt minn fejn il-ħamrija avolja pallida żaqqitni
imma kont naf li din ħrafa
għax kieku kif meta stajt niffanga fil-ħamrija
s-skiet xorta kont nimmetabolizzah milwi taħt xkielu?

imbagħad ġejt int f’dal-flett ċokon
is-skiet kellu jqabbad lasta ma’ barżakka
u joxxilla fl-ibħra staġnar ta’ sema torrijiet

u jekk ngħidlek li għad baqa’ s-skiet
jitranġat fil-boqoq tal-kafè mal-cupboard
fil-ġebel iggranfat mal-kitla
lega sewda ħruq fit-taġen?

is-skiet, qed ninduna issa, kemm iġġentrifikajtu

Dekorazzjoni art-nouveau