John Maynard Keynes kien jgħid li meta jitkellem
Din hija l-kitba ppubblikata dax-xahar:
-
- Marzu 2024
Likantropi
Kull fejn tħares tara kurċifiss: Kristu tal-ġibs fl-agunija divina. Fuq il-ħitan hemm inkwatri bir-ritratti tal-uċuħ imwerwra tal-bniet li ġew qabilna. Is-sorijiet għaddejjin bit-tonka u l-velu iswed qishom fuq wiċċ l-ilma. Insejħulhom “The Sisterhood”, imma mhux f’wiċċhom. Diffiċli taqta’ kemm għandhom żmien; diffiċli tqishom bħala nisa, bħal ommijietna u z-zijiet li jagħmlu l-lipstick u l-powder u l-fwieħa. Hemm minnhom iktar henjin; hemm min jitkerrah u jirrabja. Kultant, tisparixxi xi waħda minnhom. Tmut, jew tiġi trasferita. Is-soru li kienet tgħallimna l-Franċiż sparixxiet u bla kliem ġiet oħra flokha. Hemm qlajjiet li spiċċat il-manikomju, jew li sabet wieħed. Dawn l-istejjer it-tnejn affaxxinanti u nemmnuhom. Għassa mal-kuritur hemm statwa kbira ta’ Sant’Anjeże, għajnejha kannella jħarsu ’l fuq, b’girlanda fjuri ma’ rasha. Liebsa l-abjad u xalla turkważ fuq spallejha, kollha tal-ġibs, kull tikmixa u kull tinja ffurmata bir-reqqa. F’idha l-leminija qed iżżomm palma, u bl-id l-oħra terfa’ ħaruf żgħir. Tidher dħulija, qisha setgħet kienet waħda minna. Fil-klassi hawn il-bard. It-twieqi ilhom miftuħin il-lejl kollu biex tiċċirkola l-arja li kuljum tisfieq bl-irwejjaħ t’iġsma adolexxenti: għaraq, demm, deodorant u xampù. Inpoġġu tnejn tnejn fuq imwejjed li ilhom hemm minn żmien żemżem. L-injam miksi b’deċennji ta’ marki. Jien u Alice nisperaw dejjem li ma jifirduniex. Qegħdin tletin f’dil-klassi. Ilna flimkien mindu kellna erba’ snin, tlajna flimkien. Lil dax-xebbiet inħobbhom daqskemm nobgħodhom.
-
- Djarju 01.02.2024
Jidhirli li hija ġurnata tajba biex naħsel
il-lożor Fil-ħolma tiegħi, qiegħed quddiem televixin nara film tal-fantaxjenza. Ma nistax niftakar eżattament kif kienet l-istorja imma niftakar f’xena minnhom kien hemm ħafna rġiel libsin sdieri tal-ġilda sewda (mhux daqshekk differenti mill-istil ta’ Tom of Finland, li tant jirritani). Kien hemm ukoll żurżieqa triangulari kbira li tintefaħ bħal dawk ta’ meta konna tfal. Ladarba kont fuq nett, stajt jew taqbeż f’qasma li kien hemm fin-nofs bejn iż-żewġ żurżiqiet, jew inkella tiżżerżaq ’l isfel in-naħa l-oħra. Fil-qasma, l-ispazju huwa vast. Hemm irġiel ipejpu, jiċċettjaw, jitlajjaw. Tixbah il-qasma fil-kaktus enormi li minnha tidħol in-narratriċi f’Death Valley ta’ Melissa Broder, fejn tara verżjonijiet iżgħar fl-età ta’ żewġha u missierha. Konna qed naraw il-film fid-Dipartiment tal-Klassiċi fl-Università ta’ Malta fejn għamilt il-Baċellerat tiegħi. Il-bini kien razzett barra mill-kampus ħdejn parkeġġ. Ma kienx kompletament l-istess, fil-ħolma tiegħi, imma stajt ngħid li kienet verżjoni tar-razzett. Għal xi raġuni, kont ġibt il-bagalji tiegħi miegħi. F’ħolma li sseħħ qabel il-wiri tal-film, niftakar li kien hemm ħija, u konna mexjin xi mkien u kellu żewġ mobiles iżda wieħed minnhom kellu l-batterija baxxa. Inqum u nikteb lil S: Hi birthday boy. Ça va?
-
- 27.05.2024
- Il-Kliem fit-Teorija
alterità
Ngħid għalija, meta nagħżel li nuża l-kelma “alterità”, nużaha biex nirreferi għat-tip ta’ “ieħor” li jikteb dwaru Levinas. L-alterità tal-Ieħor m’għandhiex x’taqsam ma’ meta ngħidu li xi ħadd ġie othered, ċjoè meqjus inferjuri, eskluż miċ-ċentru tan-normalità, abjected (din tkun kelma oħra ta’ min ningaġġaw magħha). Kif nifhmu jien, għal Levinas, l-alterità tal-Ieħor hija dik il-kwalità (anzi, hija nonkwalità, għax ma tinqabadx f’kategoriji) li lili twaqqafni milli nirreduċi lill-Ieħor għal sameness. (La qegħdin fiha, sameness kif tiġi bil-Malti? “Identiċità”? “Stessiżmu”? Hekk issuġġerew xi wħud fuq il-grupp Kelmet il-Malti fuq Facebook.) L-alterità, allura, mhijiex vjolenza (bħalma ġeneralment tkun meta xi ħadd jiġi othered); anzi, għal Levinas, il-vjolenza sseħħ appuntu meta l-alterità tal-Ieħor inwaqqgħuha għall-kategorija tal-familjari. B’hekk, inkunu ħnoqnieh lill-Ieħor, ġibnieh oġġett. Allura, “alterità”, għalija, iġġorr magħha konnotazzjonijiet ta’ fraġilità, valur, vulnerabbiltà li tinforma attitudni etika. Wara kollox, il-filosofija ta’ Levinas hija l-etika tal-alterità.
-
- 12.02.2024
- Il-Kliem fit-Teorija
queer/kwir
Meta kont qed naħseb dwar queer, bil-Malti, ħassejt li kemm il-verb (to queer) kif ukoll l-insla tiegħu bħall-aġġettiv queer tant huma dependenti fid-diskors politiku u teoretiku queer fuq l-għeruq tiegħu mil-Latin torquere (Sedgwick, Halberstam, Chen) illi t-tħaddim u l-potenzjal tiegħu jinsab eżattament fl-isfond (u joħroġ mill-isfond ’il barra). Għalkemm il-kelma fil-verżjoni tagħha miktuba kif tinħass (“kwir”) fil-Malti qisha daħlet mhux ħażin, madanakollu, din il-verżjoni taf toskura dan kollu li għadni kif għedt. Mill-Ġermaniku quer nistgħu naslu għat-terminu “laġenbiżmu” (eż. poeżija “la ġenba”) mentri mil-Latin torquere nistgħu naslu għat-terminu “tagħwiġ”. Però nħoss li kelmiet bħal dawn se jiddiżassoċjaw minn (u b’hekk jinjoraw) dak kollu li hu storja queer, passat queer, potenzjal queer. Naqbel mal-entrata ta’ Omar (25.04.23), li parti mir-raġuni li kulħadd qed juża l-kelma queer madwar id-dinja fi kwalunkwe lingwa, hi, nissuspetta, biex tingħaraf. Barra minn hekk, ma nistax ma naħsibx li l-kelma “queer” infiltrat fid-diskors kontemporanju tant li kkristallizzat sal-punt li saret “intraduċibbli” (Cassin, Apter). Dwar il-kontinġenzi, eżempju queering jew queerness, inħoss li minkejja li jistunaw ftit mhux ħażin, għandna nħalluhom hekk. (Eż: “X’jippożizzjona l-queerness bħala għodda…”)
-
- 13.02.2024
- Il-Kliem fit-Teorija
xewqa/xenqa
Il-kelma “xewqa” togħġobni iktar ukoll għaliex tista’ timplika element konxju fejn is-suġġett konxjament jista’ jixtieq xi ħaġa partikolari, filwaqt li l-kelma “xenqa” timplika passività fejn is-suġġett ma jistax ma jixxennaqx għal dak li m’għandux. Naħseb li għal Lacan, il-kunċett ta’ désir jopera kemm fil-konxju u kemm fl-inkonxju. F’dan is-sens, is-suġġett inkonxjament jixtieq totalità, jixxennaq għaliha, u fl-istess waqt li dan l-impuls inkonxju jiggverna x-xewqa, ix-xewqa nnifisha titlibbes forma li s-suġġett huwa konxju tagħha, bħal pereżempju: il-fantażija ta’ suġġett Ingliż awtonomu, ħabrieki, patrijott, aħjar mill-Ewropew u miżmum lura appuntu minħabba l-Ewropew inferjuri u l-Ewropew li jrid idaħħal l-immigranti, flimkien ma’ fantażiji dwar narrattivi ta’ grandjożità imperjali u kolonjali. Din il-fantażija Ingliża ġiet immanifestata b’mod konxju f’dawk il-votanti pro-Brexit fl-Ingilterra fl-2016. L-identifikazzjoni mal-kampanja tal-Brexit topera kemm fuq livell konxju fis-sens li s-suġġett Ingliż ħaseb li ġaladarba l-Ingilterra toħroġ mill-UE, ħa jerġa’ jsir sħiħ kif ukoll jitpaxxa (iħoss sens ta’ jouissance) bir-riżultat tal-vot. Fl-istess ħin, din il-faċċata konxja qed tgħatti l-implikazzjoni mistura ta’ xenqa għal totalità li qatt ma tista’ tinkiseb: fejn anki wara Brexit dak li ġie mwiegħed, ma wasalx.
-
- Djarju 08.02.2024
It-tluq dejjem iħallili għafsa xi mkien
Wara tlett isjuf ta’ Pic Nic The Streets, picnics “kwieti” ta’ protesta kull nhar ta’ Ħadd waranofsinhar quddiem il-Bourse kontra l-fatt li l-karozzi kienu joħonqu l-ispazju pubbliku u jinkwinaw l-arja tar-residenti, fid-29 ta’ Ġunju tal-2015 Boulevard Anspach ingħalaq kompletament għall-karozzi u l-ispazju nfetaħ biss għan-nies bil-mixi. Tħawlu s-siġar fuq il-ġnub, tpoġġew għadd ta’ bankijiet tal-injam u tal-konkrit, tlestiet funtana b’ilma jaqbeż fit-tarf ta’ Rue August Orts faċċata tal-Bourse, ittellgħu stallazzjonijiet tal-arti, u nbena ġnien żgħir fuq Place Fontainas qabel ma t-triq terġa’ ssir tal-karozzi. Ilni ngħix f’dil-belt mill-2008 u l-karozzi, u l-picnics ta’ protesta niftakarhom sew, allura sirt dejjem nimxi “f’nofs tat-triq” meta nsib ruħi fuq dal-boulevard, b’ċelebrazzjoni għal dir-rebħa, żgħira u kbira fl-istess ħin. Dal-proġett ma kienx iżolat, u minn dak iż-żmien fiċ-ċentru ta’ Brussell komplew jingħalqu iktar toroq ċentrali għall-karozzi. Il-pjan reġjonali tal-mobbiltà għall-2020–2030, li jismu “Good Move”, jiffoka fuq is-saħħa fiżika u mentali tar-residenti, it-titjib tal-kwalità tal-ħajja tagħna, it-tnaqqis tal-impatt ħażin tal-karozzi fuq l-arja u fuq l-ambjent, u ż-żieda fis-sigurtà u s-sostenibbiltà tal-mobbiltà. Għandu l-għan li jgħinna nibdlu l-mod kif niċċaqalqu minn post għall-ieħor. Il-lussu, f’dal-pjan, huwa f’li nħaddmu moħħna u nużaw riġlejna, u ngawdu l-belt mingħajr ma nkunu skjavi tal-karozzi. L-istess diskors, però diġà kien qed jingħad ħamsin sena ilu, fil-bidu tas-snin sebgħin, meta l-Grand Place nnifisha kienet għadha tintuża bħala spazju fejn tipparkja l-karozza. Meta nara r-ritratti minn dak iż-żmien niftakar fiż-żmien meta ġieli ħallejt il-karozza pparkjata fit-teatru l-imwaqqa’ l-Belt. F’Jannar tal-2019 begħt il-karozza biex nibda nuża biss it-trasport pubbliku, bl-idea li fil-każ li jkolli bżonn karozza nikri waħda għal dakinhar biss.
Abbona