Nibgħatlek Waqt Raxx id-Dlam tas-Sajf fl-Iżvezja
Maria Theuma
Niktiblek
Hawnhekk
Blu
Jew tidher blu
Ma jidlamx
typing…
Ostra
Għadha kif għaddiet ċerva minn fejni!!!
Xiex
Eżatt minn fejnek?
Ija
Se nidħol norqod għax ilni mqajma
Int linja siġar jimmultiplikaw b’mod infinit
Ġo foresta
U jien
Itteptep…………………… qabel imur
Se nibdel
Minn poeżija dwarek se nibdilha għal poeżija oħra……… dwarek
Kważi dejjem, iktar dejjem milli kważi, nemmen li jien nikteb biex int tħobbni
Nikteb din
U
Jekk mhux biex
Imbagħad iżżommha f’idejk u taqbeż biha b’kollox
Rasek
U toħroġ minnha tqattar
biex imbagħad eżatt wara taqbeż……… għal ġo pixxina oħra……… mimlija ħall
Għax hekk irrid
Għax ma jimpurtanix minn
Taf kemm hu diffiċli biex ma ngħixx bik f’ħajti
Daqs ħelikopter li jrid itir imma
Daqs ħelikopter li jrid jeżisti imma Leonardo da Vinci qatt m’eżista
Daqs kumpanija li trid tbigħ
Aħfirli li dejjem narma firxa wiesgħa ta’ similitudnijiet u niket bejnietna
Bħal buffet ma jispiċċa qatt f’resort all inclusive
Noħroġ riġlejja minn fuq
Aħfirli li dejjem naħseb fuq dak li kieku kien
Anki bi lsienek bħal tajjar fuq ġismi
Dejjem nitbikkem dwar kif kellu jkun li tħassar dak li kien hemm bejnietna
Meta dak li hemm bejnietna għadu ma tħassarx
Inħobb inkellmek minn kull fejn inkun
Anki jekk hemm kontinent jifridna
Naħseb fik kull darba li nara xi ħaġa li tista’ togħġbok
Naħseb fik kull xħin naħseb f’sentenza
Irrid insir poeta tajba biex niktiblek poeżija f’għeluq sninek