#Amerkapost Tqila

Lusine Kharatyan (tr Joe Gatt)


#Amerkapost 16

L-appartament Amerikan tagħna qiegħed f’bini tal-injam. F’bini Amerikan ta’ erba’ sulari fejn jgħixu l-istudenti mwielda l-Unjoni Sovjetika u r-refuġjati tal-Midwest imwielda s-Somalja u maħbubin mill-Unjoni Sovjetika. Fis-Sovjeti ta’ tfuliti, konna għenna lis-Somali bil-ġuħ. Fl-Amerka tat-tfulija tan-nanna Amerikana tiegħi, kienu għenu ’l-Armeni bil-ġuħ. Għamilt collage iswed u abjad mir-ritratti tat-tfal Armeni u Somali bil-ġuħ li dehru fil-gazzetti tat-tfulija tan-nanna Amerikana u f’dawk tat-tfulija tiegħi stess. Waħħaltha fuq il-ħajt ta’ ġewwa ta’ moħħi, f’post li nista’ nħares lejh biss meta rrid. Imma issa ħriġt tqila. M’għadnix inħares lejn il-collage. Armejtha, biex inkun nista’ nitbissem faċilment meta nsellem lill-ġara sabiħa tiegħi mis-Somalja, u ninsa li d-dar komuni tagħna hija l-ġuħ.


#Amerkapost 17

L-appartament Amerikan tagħna għandu kamra tas-sodda, kċina, u salott. Ħitan bojod, twapet kafellatte, ħafna armarji mwaħħlin fil-post bil-bibien bojod. Il-mejda tonda tal-injam u s-siġġijiet bluni huma rigal mill-familja Amerikana tiegħi. Missieri Amerikan ħadem is-siġġijiet u żebagħhom hu stess. Għandna wkoll loveseat li kien rigal mingħandhom. Loveseat. Hekk jissejjaħ sufan għal tnejn. Isfar skur. Artab. Filgħaxijiet, it-tnejn li aħna npoġġu bilqiegħda fuqu u naraw film online. Bergman. Meta sirna nafu li jien tqila, daħħalna ġewwa s-sufan konvertibbli enormi li kienu ħallew fil-parkeġġ tal-binja tagħna xi residenti li telqu. Ħudni, kienet tgħid il-kitba fuqu. Allura ħadnieh. Kafellatte. Pariġġ il-kulur tat-twapet. Issa noqgħod bilqiegħda fuq it-tapit, inserraħ mas-sufan, inġebbed riġlejja u naqra. Il-qari tal-klassi. Dwar l-Amerka. Fejn hemm il-loveseats, is-Somali, id-dishwashers, il-veterani tal-gwerra, id-dryers, il-Protestanti, is-sufanijiet mitluqin fil-parkeġġ, it-Trotskyisti, ċriev li jimxu liberament fil-belt, il-Messikani, id-doggy bags, il-Lhud Sovjetiċi, il-bazaars fil-garaxxijiet, il-Midwest, l-Afro Amerikani, sinkijiet tal-kċina, il-WASPs, il-yuppies, in-nine-one-one (911). Hemm ukoll tojlit u banju. Fl-appartament tagħna.


#Amerkapost 18

Għandna kuker, dishwasher, u sink tal-kċina li jibla’ kollox. Iva, kollox jibla’. Ir-rimi tal-ikel — qxur tal-bajd, qxur tal-basal — jista’ jitħalla fis-sink kif inhu. Tagħfas il-buttuna, titħan kollox u tgħaddih għal ġod-dranaġġ mal-ilma. Darba anki rmejt xi ħġieġ miksur hemm. Il-washing machine u d-dryer jintużaw mir-residenti tas-sular tagħna. Hemm kamra speċjali fil-lobby. Hemmhekk qegħdin. Titfgħalhom munita, tferra’ d-deterġent likwidu, tagħfas buttuna, u jkollok il-ħasla lesta f’nofs siegħa u nofs siegħa wara jkunu nixfu wkoll. Aħna u nistennewhom ilestu, jien u l-ġara sabiħa Somala ngħidu “hi” u nitbissmu ’l  xulxin, u għal mument ingawdu d-destin komuni tagħna fi spazju dejjaq bla bibien u twieqi, maġenb il-ħasla ddur. Nimmissjah il-ħabel tal-inxir, fejn il-ħasla minxura fix-xemx u r-riħ jikkonfermaw il-kontinwità tal-ħajja. Parti impermanenti tal-eternità. Meta, fit-triqat ta’ ħajja mgħixa bl-għaġla, tiltaqa’ ma’ naxra bil-kuluri pariġġ u tinduna li l-ħasla hija tiegħek. F’dil-kamra tal-ħasil mingħajr bibien jew twieqi, dari hija l-ħasla mgħarrqa fix-xemx. Mit-tieqa tal-blokk tal-flettsijiet tal-pannelli f’Yerevan. Ukoll online.


#Amerkapost 19

Jien tqila. Tqila ħafna. Barra x-xitwa. Waħda ta’ veru. Barra -20°C. Ġewwa iktar minn +30°C. Qatt ma jirnexxili nikkonvertihom għal Fahrenheit. Mid-dehra l-injam huwa l-aqwa iżolatur termali fid-dinja. Jarmi s-sħana mhux biss bil-ħruq. L-injam. L-aqwa ħabib tiegħi mill-1992. F’heater għad-dar kollha. Jiena, prodott tal-kesħa u d-dlam tat-’92, poġġejt żewġ sweaters fuq żaqqi tonda tonda fis-sħana ta’ dal-appartament fil-binja tal-injam Amerikana tagħna, u issa ninsab bilqiegħda fuq is-sufan, b’riġlejja taħti, naqra lil Remarque stampat minn lib.ru. Ir-riħa tas-soppa tal-għads fi mnieħri. Ir-riħa tas-soppa tal-għads fl-appartament. Ir-riħa tas-soppa tal-għads fuq il-ħitan bojod. Fuq twapet kafellatte. Imdendlin mis-saqaf baxx. Jinħbew taħt it-tieqa u fuq il-mejda tal-kċina. All Quiet on the Western Front. Is-soppa tal-għads, il-warrani tal-Western Front. Is-soppa tal-għads. Tagħli fuq il-kuker waqt li jien nagħti n-nar lil volum ieħor ta’ Lenin fl-appartament tal-pannelli tagħna f’Yerevan. Il-Lenin tal-ġar tagħna, il-ġar li kellu Ph.D. fil-Filosofija. Kien ħallieh fil-komun. Ma kienx kiteb “ħudni”. Kien qalha. Probabbli. U jien ħadtu. Fuq il-Lvant, il-Punent u kull front possibbli, dari hija s-soppa tal-għads. Ukoll imsajra fuq Lenin. Meta jien tqila. U mhux biss.


#Amerkapost 20

Fl-istat tagħna, ħafna għandhom għeruq Skandinavi. Probabbli kif irrakkuntat minn Hamsun. Probabbli kienu bil-ġuħ bħall-Armeni u s-Somali. Ma rajthiex jien stess, allura ma nistax nimmaġinaha. Ommi l-Amerikana hija Żvediża u missieri Finlandiż. It-temp fl-istat tagħna wkoll Skandinavu. Ix-xtiewi kesħin, is-sjuf qosra. Pjaċir toqgħod tara ’l  Bergman hawn. Speċjalment fix-xitwa. Meta jidlam kmieni u barra r-riħ ikun jaqbel. Dak li jgħaddi mit-Tramuntana għan-Nofsinhar fuq in-nofs tal-Amerka u fuqek, jekk tinzerta tkun barra. Jagħraxlek għadmek waħda waħda. Rajna The Seventh Seal illejla. Tard filgħaxija. Qomt billejl miż-żifna tal-mewt tiġġebbed bla tmiem fil-ħolma tiegħi. Iż-żifna kienet f’ġufi. U r-riħa kienet tal-frawli salvaġġ. Kienet riħa tibber. Ukoll irrakkuntata minn Bergman. Iswed u abjad. Ukoll, kulur il-frawli.


#Amerkapost 21

Erġajna dak l-alarm billejl. U jien, bil-piġama, b’kowt li lbist malajr bil-buttuni maħlulin madwar żaqqi, saqajja ħafjin fil-buz. Min qed isajjar dal-ħin? Tat-tifi tan-nar daħlu u ħarġu malajr. Did-darba hemm id-duħħan ukoll. Niffriża u niċkien. Ngħannaq żaqqi b’idejja biex nipproteġiha mill-kesħa. Akram, sieħbi tal-klassi Ażeri, qiegħed quddiemi. Il-ħin kollu jippassiġġa. Bil-papoċċ. Liebes ġakketta qasira bl-addoċċ u jżomm briefcase, b’idu magħfusa fuqha. Iżomm id-dokumenti f’post wieħed, ħalli jekk qatt ikollu bżonn jaħrab malajr ikun jaf eżatt fejn huma d-dokumenti tiegħu u ma jkollux bżonn ifittixhom. Jidħaq. Jgħid li wiret did-drawwa minn ommu; meta ħarbu minn Aghdam ma rnexxielhom jieħdu xejn. U dan ikkawżalhom il-problemi għal ħafna snin wara. Ma setgħux jitilqu mill-pajjiż: ma kellhomx dokumenti. U issa, f’din l-Amerka f’nofs id-dinja, minn fejn in-nies ma jaħarbux, jaf x’inhu importanti. Fil-ħajja. Speċjalment meta jkun hemm bżonn taħrab. Forsi dari hija l-briefcase bid-dokumenti


#Amerkapost 22

Kienet Karine. Qalet li wieħed tajjeb, tlaqna. Jien u żaqqi ħriġna mill-binja. Erġajna, 911 qegħdin quddiem il-binja. Il-ħaddiema tat-tifi tan-nar qed jippassiġġaw u jħabirku. Jirrispettaw żaqqi u jagħmlulna l-wisa. Kill Bill. Min qallek tara dak il-film meta int daqshekk tqila? qaltli Karine. Għadha ma tkellimnix sal-ġurnata tal-lum. Minn dakinhar. Is-sala taċ-ċinema mimlija. Ċomp ċomp. Il-popcorn f’ħalqi u Thurman tiftaħ għajnejha f’rasi. Tumm-tumm-tumm. Thurman timxi f’rasi. Sparar. Ħġieġ. Għarusa bajda b’żaqq ħobla u ħafna demm. Baħar ta’ demm. Kollox aħmar. Dak il-period tiegħi? Kif jista’ jkun? Jien tqila. Daħlet ġo żaqqi. Dawret kollox ta’ taħt fuq. Naħrab. L-għarusa qed tiġri warajja. Karine u Thurman ġo rasi. Tliftha ’l  Karine dakinhar. Ma tkellimnix, ma tgħidlix saħħa. Dari hija ġufi.


#Amerkapost 23

Frixna mejda tal-Milied sabiħa, bil-fidda tan-nanna Żvediża ta’ ommi l-Amerikana u platti bojod-blu, li kienu qasmu l-oċean. Qiegħda fi ħrafa ta’ Andersen. Dwar Elisa u ħutha. Għax il-platti għandhom ċinji bluni mpinġijin fuqhom. Mhux il-platti delikati tal-festi li ommi l-Amerikana tatni biex nistieden in-nies l-appartament tagħna. Eh? Jista’ jkun li dari hija l-ħrejjef ta’ Andersen? Le. Dari hija siġra tal-Milied. Fi tfuliti, dejjem kont norqod madwar is-siġra tal-Milied Lejliet l-Ewwel tas-Sena. U eżatt qabel norqod, kont nimmaġina l-ġugarelli jqumu billejl u jżuru ’l  xulxin minn fergħa għall-oħra. Kont anki noħloq konverżazzjonijiet. Sakemm niftaħ ir-rigal li ħallewli taħt l-imħadda filgħodu. Dari hija l-għodwa nhar l-Ewwel tas-Sena. L-iktar għodwa silenzjuża fuq kull front possibbli.


#Amerkapost 24

Kien it-tabib tiegħi. Qalli li obbligatorja, dik ir-regola. Koppji ħobla jridu jattendu l-korsijiet tat-twelid. Allura, ilna hawn minn filgħodu. Flimkien ma’ għaxar koppji ħobla fis-seba’ jew it-tmien xahar tat-tqala, bħalna. It-trainer-majjistra poġġietli s-silġ fil-pala t’idi. Qaltilna li għandna nżommuha għal minuta sħiħa. Nagħlaq għajnejja. Idi taħraq. Daqt joħroġ id-duħħan u n-nar. Raqditli. Tingiż u tnemnim. Nigdem xufftejja. Ir-raġel joħroġ idu biex nagħtihielu. Ma nagħtihilux. Dik tiegħi. Jgħannaqni minn wara. Għajnejja magħluqin. Il-majjistra tgħodd is-sekondi: 10, 9, 8, 7, 6… daqshekk, tista’ tħalliha taqa’ s-silġa. M’għadhiex tweġġa’. Għajnejja miftuħin. ’Qas biss irrid inħalliha taqa’. Inħallet u ħarbet. U issa jien nimmassaġġa wiċċi u għonqi b’idi mxarrba. Il-majjistra tgħidli t-twelid hekk. Għall-ewwel ma tissaportihx, però tgħaddi minnu u tinsa. Il-mara Sewda ta’ ħdejja se teħles għada jew pitgħada. Imma tant hi kbira li żaqqha ma tidhirx. Ir-raġel tagħha daqs nofsha. Niexef, qasir, u b’salib oħxon tad-deheb madwar għonqu. Kien qed jirreppja l-ħin kollu biex martu ma twaqqax is-silġa. Darna hija l-uġigħ li ngħaddu minnu flimkien.


#Amerkapost 25

Immorru lejn it-Tramuntana. Għal seminar. Fuq l-iżvilupp ibbażat fuq il-komunità. Tliet sigħat bil-kowċ. Tedjanti minn barra t-tieqa. Xejn interessanti ġewwa, lanqas. Żewġ Amerikani Nattivi, żewġ femministi, professur tal-ekonomija rtirat, qassis minn komunità minsija minn alla, u żewġ studenti tas-soċjoloġija. U jien waħdi, mal-collages tiegħi. U jekk immut waqt li qed inwelled? Minn infezzjoni tad-demm. Jew jien naf. Jekk inkorri fi triqitna? Jew ikolli aċċident. Se nkunu qed noqogħdu f’kamp. Għorfiet tal-injam. F’foresta tal-arżnu. Tiegħi t-tieni sular ta’ sodod waħda fuq l-oħra. Qtajna għaliha. Ta’ taħti femminista xiħa. Minn Vermont. Ġisimha huwa d-dritt tagħha. Iddeċidiet li ma jkollhiex tfal ta’ età żgħira, meta saret hippie. Fil-komun tagħha tal-hippies kulħadd għandu ħafna tfal. Imma jirrispettaw id-deċiżjoni tagħha. U hi tirrispetta tagħhom. Imteddet taħti u tkellimni. Dwar il-komun tagħha. Il-komun tagħhom iħaddem razzett naturali f’Vermont. Hi tkabbar il-ħaxix. Raqdet. Jien ma nistax norqod. Nibża’ li naqa’. Il-collage f’moħħi jagħqad u jdur. Fis-snin meta l-“Armeni bil-Ġuħ” kienu fit-titli ewlenin tal-gazzetti Amerikani, nisa Armeni welldu fit-triq, bil-ġuħ u l-għatx, qatgħu l-kurdun hemmhekk b’li ġie f’idejhom, ma jimpurtax jekk kienx sterili jew le, ġeżwru t-tarbija u mill-ewwel komplew mexjin. Fil-films u l-kotba dwar it-Tieni Gwerra Dinjija, iwelldu taħt l-ibbumbardjar. Issa s-seklu wieħed u għoxrin, qiegħda fiċ-ċentru tad-dinja, u l-istat tiegħek qiegħed fiċ-ċentru fejn tiġi s-saħħa. L-aħħar każ ta’ mortalità materna hawn kien irrekordjat xi għoxrin sena ilu. U kellha eluf ta’ mardiet. U ma kinitx żgħira. Ma kinitx taf skola. Imma int f’saħħtek, żgħira. F’dal-post li jista’ kollox. F’dar it-Tmiem b’Wiċċ il-Ġid. Ġismek tiegħek, id-dritt tiegħek. Li jkollok it-tfal. Dar il-mara ta’ taħti hija ġisimha. Tiegħi wkoll huwa dari bħalissa. F’dar it-Tmiem b’Wiċċ il-Ġid. Fit-tieni sular ta’ sodda fuq oħra.


#Amerkapost 26

Hemm ħanut tal-Lhud Sovjetiċi f’wieħed mis-subborgi tal-belt tagħna. Fetħuh fit-tmeninijiet. Il-klijenti kważi kollha jitkellmu bir-Russu. Kważi kollha mill-eks Unjoni Sovjetika. Niġi hawn darba kull xahrejn. Nieħu tliet karozzi tal-linja. Imma qalbi tixxennaq għall-grechka, u s-supermarkets m’għandhomx dak li tixxennaq għalih. Dejjem ikun hemm l-avviżi mwaħħla mal-bieb tal-ħanut. Bir-Russu. Jien nitlajja ftit, naqra l-avviżi. Xi ħadd qed ifittex appartament. Jew għandu wieħed għall-kiri. Hemm kunċerti li jtellgħuhom l-iktar il-Lhud Sovjetiċi. Il-biċċa l-kbira mużika klassika. Xi ħadd qed ifittex kelb jew qattus mitluf. U hekk. Il-ħanut ibigħ il-Borjomi, il-ħobż tal-oħxon, il-manka, il-kefir. Jien dejjem nixtri l-grechka. U s-soltu xi ħaġa oħra wkoll. Fil-jiem meta mmur nixtri minn hemm, dari hija “Mument” ta’ Oleg Dal minn Art is-Sannikov. Dramm imtella’ minn missieri. U l-Unjoni Sovjetika li kienet titkellem bir-Russu. Imbagħad skoprejt il-ħanut tal-Iranjan. Fejn kienu jbigħu preserve tal-ġewż u ġamm tal-berquq magħmul l-Armenja minn ditta anonima, bi stampa ta’ riżoluzzjoni baxxa fuq il-vażetti. U weraq tal-għeneb magħmul it-Turkija. Hawnhekk laqtitni: dari l-ġamm tal-berquq. U l-weraq tal-għeneb magħmul it-Turkija. Le, forsi l-preserve tal-ġewż wara kollox.


#Amerkapost 27

Il-ħasla tiegħi bil-kuluri pariġġ tieħu n-nifs tax-xemx u r-riħ. Ix-xitwa imminenti tinħass mill-gallarija tal-blokk tal-appartamenti tagħna f’Yerevan. It-tifel qed jiekol sandwich bil-ġamm tal-berquq. Kellu ġlieda l-iskola llum. Qalulhom jitgħallmu poeżija bl-amment dwar arthom. U ma tgħallimhiex. L-iskola ddikjara li daru l-Amerka. Sieħbu tal-klassi qagħad fil-bieb u qallu: “Mhux se nħallik tidħol sa ma tirrikonoxxi l-Ġenoċidju. .

Nota tal-awtur: Fl-Armen vernakulari, il-kelma տեղ (post) spiss tiżdied mal-isem ġeografiku ta’ post biex tirreferi għall-kuntest kollu u mhux biss għall-post eżatt. Pereżempju, l-isem “Russjapost” jista’ jintuża fir-rigward tal-biċċa l-kbira tal-eks USSR li kienet titkellem bl-ilsien Slaviku u xi kultant lil hinn minnu, mill-Ukrajna sal-Każakistan, u “Ewropapost” jista’ jirreferi għal kwalunkwe pajjiż Ewropew. Għażilt li nittraduċi din il-frażi litteralment.

Dan ix-xogħol ġie ppubblikat għall-ewwel darba fis-6 ta’ Ottubru 2025, f’dan il-ġurnal, bis-sapport tal-Festival of Ideas 2025.

Dekorazzjoni art-nouveau