Bl-ispjetaġni ta’ murmurazzjoni, bit-textix tal-ġwienaħ jissieltu għal posthom f’dinja ikbar minnhom u dejjem barranija, hekk saħħti titlaqni kull nhar ta’ Ħadd. Il-mara tiegħi, li nħobb iktar milli nħobb lili nnifsi, tgħidli li f’dal-jum tal-jiem ħaddieħor jirxoxta u mmut jien. Kieku kont sturnell ġo qatgħa, tgħid kont nitqabad għal posti bil-kalma jew le? Kont nagħti sehmi b’abbandun jew b’ansjetà li ddawwarli munqari ’l ġewwa biex nidher iżjed mans u inqas għall-ponta?
Żifna bħal dik. Sturnell jgħixha minn ġewwa iżda qatt ma jaraha minn barra. Bniedem jinzertaha minn barra iżda titjirietha qatt ma jtarrxuh minn ġewwa. Għandha mid-divin fejn id-divin għandu mill-ipprojbit. Sbuħitha tinnamra mal-waħx, fwiħitha tiġbed lejn xi mkien ieħor anke jekk il-qatgħa spiss tmewweġ u titmewweġ fl-istess post. Jekk l-anatomija tistudja l-istruttura tal-ġisem u l-fiżjoloġija l-funzjonalità, fil-każ tal-murmurazzjoni liema waħda minn dawn hi mqar possibbli?
Għal marti lest li mmut, u kieku konna żewġ sturnelli f’murmurazzjoni, kont niżgura li postha tieħdu anke jekk ikolli nċedi tiegħi. U kieku konna qed intiru l-Ħadd waranofsinhar, kont naħtaf l-okkażjoni biex posti nagħtihulha apposta. Naqla’ daqqa ta’ ġewnaħ, daqqa ta’ denb jew ta’ munqar, u naqa’ għal isfel u mmut. Bħal farka brija minn ras xagħar, min qatt se jagħti kas? Jien u naqa’ għal isfel, paċi prekoċi magħmula ma’ mewti, żgur li nħares lura ’l fuq. Ma’ xiex inqabbilha ma jkollix, imma nagħraf li l-murmurazzjoni tibqa’ l-istess fil-varjanti kollha tagħha.
Bl-istess mod, jien nagħraf l-anatomija ta’ jum il-jiem, għax inħares lura lejh jien u ninqata’ minnu. Bħall-ostraċizzat li jagħti l-aħħar lemħa lejn familtu hu u jimxi ’l hemm għal dejjem. Bħall-apostata li tisħet il-libertà li kisbet, u tisħitha doppjament fix-xitwa. Bħas-suldat irtirat li jibqa’ jara l-perikli kullimkien waqt li ħaddieħor jgħix bħat-tfal. Bl-istess toqol, imwarrab minni nnifsi, kull nhar ta’ Ħadd nimxi u nitmexxa lil hinn, u mill-ġdid nerġa’ ma nsir ħadd.
Id-dispjaċir li bih inħares lejn dal-jum li ma kellux ikun. Nitħallat mal-qraba u l-ħbieb waqt l-ikliet, nara aħbarijiet dwar nies mingħajr ikel, naqra emails importanti li dakinhar jitilfu l-urġenza tagħhom, naqbad ktieb u nitilqu, naqbad ieħor u nilwilu l-paġna minn fuq, nimmarkah. Inħoss vojt tant vojt u tant iswed u tant xieref li naħlef li qalbi tingiref minn ġewwa. Vojt tant vojt u tant iswed sa ma nimxi tant lil hinn li kollox jieħu sura ta’ dijorama. Dijorama l-ħajja domestika, dijorama r-ristorant, dijorama l-kumpless tax-xiri, dijorama f’dijorama l-kafetterija ġewwa fih, dijorama anke l-għelieqi u kwalunkwe xorta ta’ beraħ.
Spiss naħseb fuq x’jagħmlu fis-seba’ jum dawk li huma bħali. Insejħilhom il-ħaddieda. Ċert li f’jum il-jiem sidirhom jibbies u jsir tal-ħadid. Kieku kienu sturnelli f’murmurazzjoni, kienu jċedu posthom lill-maħbubin tagħhom? Huma u niżlin, munqarhom milwi ’l ġewwa, kienu jħarsu ’l fuq jew iżommu għajnejhom fuq l-asfalt lesti għat-tisbita? Nimmaġina li bħali jimlew żaqqhom malajr il-Ħadd filgħodu, qabel ma sidirhom jibda jagħlaq fuq l-istonku. Qabel ma l-ispazji vojta ta’ ġisimhom jimtlew u l-kustilji ma jibqgħux jintgħarfu waħda mill-oħra. Kull sider taħlita ta’ għadam u metall kulur l-għadam, li bħal tafal jibred u jagħlaq fuq l-organi ma’ kull tokk tal-arloġġ.
Spiss naħseb ukoll li kieku l-Ħadd innifsu kien persuna. Imwarrab mill-bqija tal-ġimgħa, distint mill-jiem kollha, m’għandu ’l ħadd ma’ min jaqsam ħajtu. Waħdu sal-aħħar. Xi twemmin iħaddan? Jilbes pulit jew li jsib? Sidru pjanċa waħda jew jieħu n-nifs bil-kwiet? Bejn liem diskorsi jinqabad? Id-diskorsi jien nagħrafhom, nifhimhom, nixtarrhom, nistħarriġhom, iżda qatt ma nbejjet fihom. Tgħid il-Ħadd l-istess? Diskorsi. L-iżjed kelma abbużata tas-seklu. L-iżjed kelma li biha nattakkaw lil xulxin tul il-ġimgħa kollha, bl-iskuża li kollox għandu l-isfumaturi tiegħu.
Jien m’għandix rispett lejn l-isfumaturi tal-ħajja. U lanqas li kieku, kull nhar ta’ Ħadd l-isfumaturi jinħallu f’soppa deliranti u jsiru duħħan. Għandi rispett kbir, min-naħa l-oħra, lejn dak li hu sħiħ u ffukat. Lejn l-ostraċizzat li, wara li jikkontempla għal snin sħaħ liem se jkun l-aħħar Ħadd ta’ ħajtu, isib raġuni għal xiex ikompli l-ġimgħat kollha li fadallu. Għażla bħal dik ma ssirx bl-isfumaturi jberrnu fil-moħħ. Issir bir-rifjut tad-dettall, bir-rifjut ta’ kull diskors. Titjib inkrimentali, xogħol iebes li bih il-ġisem jieħu r-ruħ.
Fit-tiftixa għal kulma hu sħiħ, meta jasal il-Ħadd, nipprova nagħmel tabirruħi li huwa mwaħħad mal-bqija tal-ġimgħa. Nipprova mill-aħjar li nista’ sabiex nifhmu bħala ħaġa sħiħa. Seta’ kien it-Tnejn jew l-Erbgħa jew mank il-Ġimgħa jew is-Sibt, xemx titla’ u xemx tinżel u tibda ġimgħa ġdida. Imma s’issa qatt ma rnexxieli. U d-dispjaċir li nħoss fi tmiem il-ġimgħa jibqa’ distint u b’saħħtu daqs ċanfira li min jaqlagħha jemmen fiha bis-sħiħ. Dan l-awtodisprezz naqsmu ma’ ħaddieda oħra bħali, imma aktar ma naf li hemm minna aktar inħossni iżolat. U l-Ħadd dejjem jiġbidna ’l isfel lejn l-għażż biex iktar jinki. Imma jien dejjem mixgħul. Għajnejja rvinati mid-dija tal-ikkaldjar, ma bqajt nara d-dawl imkien ħlief f’xogħli. Għalija x-xemx setgħet kienet il-qamar.
Però għall-ħabta tas-sitta ta’ filgħaxija, meta barra jibda jidlam, ġismi donnu jieħu r-ruħ. Għajnejja jinfetħu, nissaħħaħ. Il-pulmun, wara ġurnata sħiħa qisu fiżarmonika mgħaffġa, fl-aħħar jibda jċaqqam mill-metall kulur l-għadam li jinkaxxah. Kieku kont sturnell ġo qatgħa, dal-ħin munqari kien jibda jiddritta, u kont indur għal ta’ madwari u ninfidhom għall-gost u biex inwitti t-triq għal marti u għalija. Fix-xitwa x-xemx tkun niżlet, jibdew jidhru d-dwal minn ġol-appartamenti. Murmurazzjoni diġitali ta’ aġġeġġi jteptpu, qishom ġwienaħ jitqallbu f’xulxin. Ir-raġġi tagħhom jiksu l-gżejjer, il-peniżoli, il-kontinenti u xi rkejjen mill-ibħra kollha tad-dinja.
Dal-jum tal-kwiet issa qed jimtela. Tpespis u twerżiq sintetiku, bil-wegħda li ħaġa ġġib lil oħra u r-rota ma taqta’ qatt. U l-Ħadd filgħaxija fih inqas minuti mit-Tnejn filgħodu jekk inqum kmieni biżżejjed. F’dal-mument nibda niddubita l-grif huwiex f’qalbi jew f’moħħi. Issa li sidri reħa, noħroġ għal ġirja bid-dawl ma’ rasi. It-toroq vojta u l-pulmun miftuħ beraħ. Nasal lura d-dar, nixrob l-ilma, ninħasel, nistreċċja. Nieklu, u jerġgħu jiġu mumenti koroh għal ftit. Naqra wieħed miż-żewġ kotba li nkun qbadt matul il-ġurnata, ħames paġni, kemm kemm sa ma nibda nistmerru. Nibdew film u norqod f’nofsu. Nitkaxkar lejn is-sodda u nintefa’ kif inkun.
Inqum it-Tnejn filgħodu għall-għajjat tal-għasafar. Dawn mhumiex sturnelli. Dawn għasafar tal-bejt u tal-għana u ta’ bosta ħwejjeġ oħra. Sirt nagħrafhom wieħed mill-ieħor, liem minnhom moħħhom mistrieħ u liem jitqabdu għal posthom, aġitati. L-għodwa mingħajr dawl, barra dlam ċappa fl-erbgħa u nofs ta’ filgħodu. Fl-għajjat tal-għasafar nagħraf lill-ħaddieda fost l-ispeċi kollha, qed ikantaw biex jilqgħu ġimgħa ġdida. Nagħraf ukoll lill-bqija li qed jixhru, u nitbissem għax id-dinja tiegħi mhux tagħhom. Mas-sitta ta’ filgħodu nkun quddiem l-unika dija li nagħraf, dik tal-iskrin .