Awwissu

Luke Galea

Nistenniek
maġenb
il-gżira moħbija bejn l-ilmijiet
Bħax-xemx tisreġ fuqek
Jien tempesta naħkem lili nnifisi

It-tama tinħall minħabba xmuxek
ma jifdal xejn għajr artijiet għerja
Fiċ-ċpar imdennes ta’ Santa Maria

F’sodod imqallba
infittxu tarf ta’ fejn aħna
Lożor ma’ saqajna mxarrbin
Jiġbduna dejjem ’l isfel
u nibqgħu negħrqu

Riħa ta’ melħ taħt abtejk
Nibqa’ fejn il-baħar
Nibqa’ nistenniek
Żmien jgħum f’ilma
Mitluf f’għaraq ta’ ħsieb

Dgħajjes bil-lest
li jnaqqsu l-ilma bejnietna
B’passejn nirfes fuq il-gżira
Bis-saħħa tas-sħana t’Awwissu
Nistenniek

Dekorazzjoni art-nouveau