Qegħdin tard, suppost salpajna fl-erbgħa neqsin kwart, imma fl-erbgħa għadhom qed jgħajtulna biex nibdew nimbarkaw. L-organizzazzjoni tat-terminal malajr tispiċċa fix-xejn meta nitilgħu abbord il-vapur mill-istess post flimkien mal-karozzi. Il-lift bl-ittra ‘E’ — li skont ma jgħid il-boarding pass suppost nieħu biex nitla’ fuq mill-garaxx — bil-ħsara, u nimxi ftit ieħor ’il ġewwa biex nieħu l-lift ‘D’. Nirrifjuta li nitla’ t-taraġ u jinġema’ kju twil b’min jonfoħ u min jiffrustra ruħu. It-terminal kalm u trankwill ma tantx serva ta’ preludju veritier, imma nżomm ftit tal-paċenzja għax din id-darba naf x’għandi nfittex — il-5310. Kabina numru ħamest elef, tliet mija u għaxra, fuq gverta numru ħamsa. Il-kabini għadhom mhux lesti, il-cleaners nisa għadhom qed inaddfu, bramel u moppijiet kullimkien, b’sinjali li jimblukkaw kuritur ’l hemm u kuritur ’l hawn. Tinġema’ folla, ħadd ma jaf fejn jaqbad imur, u l-housekeeper tarma tgħajjat. Għal kull mistoqsija, tgħajjat iktar għax qed intellfuha. Għal mument napprezza u nifhem għala l-GNV minn Palermo għal Genova ġegħluna nevakwaw il-kabina sagħtejn qabel ma ankrajna. Il-kjass u l-paniku li spiċċajna bih dakinhar, hawn qed nibdew bih. Nistgħu noqogħdu biss fiż-żoni komuni, u wieħed mill-uniċi żewġ liftijiet li hawn abbord fuq il-vapur ma jaħdimx. Kulħadd igerger u jiffrustra ruħu iktar, bħallikieku m’hawnx diġà biżżejjed. Ma tantx għandi għażla, insib sufan fil-ġenb u nitqanna’ bil-bagalja u l-basktijiet kollha maġenbi. Aktar kemm għandi seba’ mitt sena biex neħles minnhom fil-kabina! Nixtieq indur u nagħqad b’idi ħafifa, nixtieq noħroġ fuq barra biex insegwi t-tluq u nsellem il-wesgħat ħodor u l-fanal tal-park ta’ Hoe li jsawru l-port ta’ Plymouth. Minflok, nipprova nħares ’il barra minn tieqa mtappna bil-melħ, bix-xemx iddejjaqni tisreġ u b’balla basktijiet tal-plastik tal-passiġġieri l-oħra madwari.