-
- Jannar 2025
1. Prefazju numru wieħed
Il-Malti jitkellem dwar il-forom tal-verbi. Bl-istess mod, hemm il-forom ta’ kif nippożizzjonaw ruħna meta nkunu reqdin. Fil-forma nsibu l-kontenut — dal-prinċipju narawh fil-qasam tal-bini u f’dak ta’ kif infasslu l-għodod tal-komunikazzjoni tagħna. Il-forom tal-verbi jiddeterminaw it-tifsira. Bl-istess mod, il-forom ta’ kif norqdu u nindifnu kollha għandhom il-konnotazzjonijiet tagħhom.
-
- Jannar 2025
2. Forma numru wieħed
Fuq ix-xaqliba
tal-Lvant tal-Qala,
idi qiegħda
taħt geddumi
fuq sodda kważi franka
moħħi
jnixxi
l-ħaxix
iraxxex
maż-żifna
tar-riħ
is-swaba’ ta’ saqajja
jniżżlu għonqhom
u driegħi jistrieħ
ma’ abti
u qalbi tħabbat
mal-mota
ta’ San Kerrew