Kif issejħet f’diversi kitbiet, Filfla qisha artal. Speċjalment meta tqis li faċċata tagħha hemm dawk iż-żewġ strutturi li nsejħulhom tempji. Hekk sejħilhom Temi Zammit u hekk sejħulhom l-arkeologi fiż-żmien kolonjali. Ma tantx iddoqqli din tat-tempju u tal-artal, għax spiċċajna nħarsu lejhom minn narrattiva waħda biss: dik li tiffoka fuq ir-riti u ċ-ċerimonji. B’hekk, possibbilment eskludejna funzjonijiet jew raġunijiet oħra għalfejn kien jeżisti dan il-ħaġar impoġġi b’mod arkitettoniku ta’ barra minn hawn. Il-kelma tempji tirrifletti perspettiva Ewroċentrika li dehret f’perjodu meta l-akkademiċi Ewropej kienu qed jikklassifikaw u jiddeterminaw id-dinja skont in-normi u l-preġudizzji kulturali tagħhom. L-użu tal-kelma “tempji” inevitabbilment tesponi l-aspett reliġjuż jew dak tar-ritwal tas-siti. Din hija spjegazzjoni monofunzjonali li tista’ tkun qed tnaqqas mill-vera funzjoni tagħhom.Meta dawn is-siti jiġu mmarkati bħala “tempji” mill-komunità interpretattiva — li storikament kienet magħmula minn akkademiċi tal-Punent — tieħu l-awtorità li tiddetermina x’inhi u, fl-istess ħin, x’mhijiex. Il-kelma “tempji” f’kuntest kolonjali tikxef l-effetti tal-orjentaliżmu li jirrifletti mhux biss ir-relazzjonijiet tal-poter bejn il-kolonizzatur u l-kolonizzat, iżda wkoll il-mod kif dawn ir-relazzjonijiet jinfluwenzaw il-produzzjoni tal-għarfien.