Jgħidu li
Din hija l-kitba ppubblikata dax-xahar:
-
- Jannar 2024
Manifest Kontra
ż-Żmien Ħames mitt pass. Ħames mitt pass hemm mill-aħħar tarġa quddiem il-bieb tax-xogħol għall-bus stop li rrid nieqaf u nistenna fuqha. Saru l-ħamsa u nofs u ħamsa, u r-riħ ta’ Diċembru reġa’ tani naqra ħajja wara tmien sigħat inħares lejn skrin, inħarbex l-emails li jintemmu bil-kind regards u li jibdew bil-hope this email finds you well—dejjem b’exclamation mark biex il-persuna li tirċeviha tkun taf li jien waħda minn dawk l-orrajt. Inħares lejn it-tabella tal-bus stop darb’oħra biex inkun ċertissima li qiegħda fuq il-waqfa t-tajba. Mhux għax ma nafx jekk jienx ippustjata sew, imma tibda thewden wara li tkun ilek ftit xhur ma taqbad karozza tal-linja. Bħala persuna kwintessenzjalment Maltija, għandi preferenza għall-abbiltà li tagħtini l-karozza, jiġifieri, li nkun nista’ ngħaddi riħ mill-bypass mingħajr ma nieqaf, bi driegħi barra mit-tieqa, indoqq il-mużika livell biss inqas mill-punt meta t-tnabar ta’ widnejja jkunu appena ser jinfaqgħuli. Imma llum ta’ bilfors irrid naqbadha għax ilbieraħ kont għaddejja minn Strada Rjali, Santa Venera u splajsjajt il-mera ma’ trakk mimli żrar tat-tarmak. Ħbatt eżatt quddiem il-Ministeru tat-Trasport. Ħadd ma ħareġ biex jgħinni jew biex iċanfar lil tat-trakk li mblokka nofs it-triq u m’użax is-sinjali stipulati f’artiklu xiex u xiex u dak. Nista’ nsuqha, mind you, il-mera soda daqskemm kienet qabel l-inċident jekk mhux aktar għax waħħalha z-ziju bl-aħjar duct tape li l-ironmongers ta’ Malta jistgħu joffru. Imma wara li għaxar karozzi spiċċaw jgħajruni indannata u jpaqpqu, ma nazzardax insuq. L-avventuri tal-bypass jistgħu jistennew ftit. Illum irrid il-kumdità u l-lussu li xi ħadd iwassalni d-dar, u billi jien tifla brava u nħobb l-ambjent u ma rridx inġiegħel lill-mummy tiġi għalija (għandha d-dwiefer), nagħżel li x-chauffeur lura lejn Birkirkara llum ser ikun wieħed Filippin jew Indjan jew l-ispeċi aktar u aktar rari tax-xufiera—il-Malti qargħi.
-
- Djarju 01.11.2023
Il-mixja lura
d-dar kienet twila sigarett wieħedL-ewwel ta’ Novembru. Illum għeluq snin ommi. Nibagħtilha messaġġ fuq WhatsApp, happy birthday ma nħobbok u nimmissjak ħafna. Nistaqsiha tibgħatli ritratt tagħha u hi tistaqsini l-istess. Ordnajtilha bukkett fjuri biex filgħodu jitwassal fl-uffiċċju tagħha bħala sorpriża. Wasal nofsinhar u għadni fis-sodda naqra l-aħħar ftit paġni ta’ Skyland (2020) ta’ Andrew Durbin. Iktar tard immur id-dar ta’ C biex nara l-aħħar episodju ta’ Real Housewives of Beverly Hills, għalkemm meta nasal għandhom nindunaw li l-episodju għadu ma ħariġx. Lura d-dar tard waranofsinhar nispiċċa Skyland. Filgħaxija nkaxkar lil S miegħi għal-leaving drinks ta’ T ġewwa l-bar Le Sarrasin, Belleville. L-għada għandu titjira lejn l-Awstralja fejn se jgħix ma’ ħabib tal-familja Melbourne mingħajr ma jħallas kera. Jiċċajta dwar ir-ritorn lejn Pariġi ftit snin wara fejn ikun kompletament trasformat mill-kirurġija plastika. B għamlu kejk delizzjuż taċ-ċikkulata u nintefgħu fis-salott naraw Terrifier 2 (2022), li kienu ssuġġerewlna biex naraw xi ħbieb tagħhom il-ġimgħa l-oħra meta konna l-club. Iżda nieqfu wara ħmistax-il minuta għax insibuh wisq gory. S jitfa’ film ieħor imma jien immur norqod.
-
- Djarju 27.12.2023
Dal-mixi inutli għalhekk nimxih
Qed illesti biex nagħmel ftit sens mill-qari tas-sajf u mix-xitwa u r-rebbiegħa ta’ qablu, indur in-noti, nara fejn se joħduni u ma’ min se jlaqqgħuni. Se nħallihom ilaqqgħuni ma’ xi ħadd? Bħalissa ma tantx għandi aptit nies, la madwari u lanqas f’kitbieti. Jew aħjar, nixtieqhom—jekk ikunu hemm—jibqgħu anonimi; avolja, meta sibt karattri anonimi quddiemi f’Portrait d’un inconnu ta’ Nathalie Sarraute tfixkilt u mhux dejjem għaraft persunaġġ minn ieħor. Teoretikament, nixtieqhom bla isem, nixtieqhom imċajprin, bil-fattizzi mżellġin, it-tip li jħalluk fl-għama dwar x’hemm fil-fond ta’ qalbhom, juruk biċ-ċar li qed jaħsbu ħafna iktar milli qed juruk. Imma fil-kitba tiegħi ma nafx nixtiqhomx hekk. Ma rridx niffrustra lil min jaqrani; mhux iżżejjed, għall-inqas. Imma jintrigawni l-persunaġġi anonimi li donnok qatt ma ssir tafhom sew. Però l-ħsieb oriġinali tiegħi kien li lanqas biss ikun hemm nies. Ir-rumanz tal-oġġetti, forsi? Bħal, ngħidu aħna, La Vie mode d’emploi ta’ Perec? Jew ix-chosisme ta’ Alain Robbe-Grillet?
-
- Jannar 2024
Is-Solitudni
tal-Fotografu Hawn xbin, trid kafè? Minn ġol-džezva jissawwab il-meraq ġamri li ’l-qalb dalwaqt iġibha ġunġliena mġenġla. Deħlin u ħerġin ħbieb u sangisugi, sangisugi u ħbieb. Min ġej għal daħqa mqaħqħa u għabra għerf, min ġej ilaqqat qatra mit-tlellix t’ismu, min ġej jippoża bil-ħnejjiet bil-ħbub bil-ħotob b’kollox għal kjaroskur fil-ġelatina tal-melħ fiddien. Ħajduk tal-ktieb, partiżan tad-dadaiżmu, kewkba ħamra tal-kamera u tal-kamra skura— il-ġinni tal-istanjata jaf itella’ fil-wiċċ sal-iċken farka dija mistoħbija f’kull ruħ. Ftit jew ħadd ma jobsor però li wara l-lenti fejn l-iktar li jħossu dilettant u battal. Iktar ma jiżvoga, iktar ma jiffoka u jkejjel il-waqt li jniżżel iż-żewġ terzi ta’ werrej għal fuq il-buttuna, iktar ikompli jagħfas id-diqa mtaħħta ta’ ġo fih.
-
- Jannar 2024
Bur Mgħeż #4
Ħallejt
it-tebut għal ġisimha bissIl-biċċiet tal-fuħħar mifruxa u mxerrda fl-għelieqi fi Triq in-Namur fuq l-għolja tal-Iklin—li ġġib quddiemek il-medda ta’ art li tiġbed mill-Imdina fuq il-lemin għal Ħal Luqa, Ħal Saflieni u Raħal Ġdid u tiftaħ fuq il-Belt fuq ix-xellug—jixhdu li fejn in-nassaba Naxxarin firxu l-imnasab tagħhom kien hemm, fuq il-quċċata tal-għolja, binja megalitika fiż-żmien Neolitiku. Xhieda oħra ta’ dan huma l-megaliti tal-franka mixħutin ’l hawn u ’l hinn, uħud minnhom illum b’avviżi miktubin fuqhom b’żebgħa ħamra li jfakkruk biex iżżomm nadif mill-ħmieġ tal-klieb. Il-passaġġ żgħir li jagħti għal ġewwa tal-għelieqi fejn hemm l-imnasab għattnuh taħt saqajhom l-ewwel nies li telgħu fuq din l-għolja. Wittewh għan-nassaba li llum tkompli tressaqhom ’l hawn l-art ġebbieda eluf ta’ snin wara. Ir-rovini Neolitiċi jagħtu affordanza tajba lin-nassaba: ħadd mhu ġej itella’ xi blokka u allura s-siġar tal-gamiem u l-kalamenti tal-insib jibqgħu hemm ġo nofs radam il-qedem. Fis-sirda Novembrina, xħin jibda jbexbex, jibda ċ-ċenċil tat-tkissir tal-megaliti biex titgħatta d-dura tal-kantun tal-franka riċiklat b’qoxra ta’ ġebel selvaġġ. L-imnasab fuq il-wita bejn Ħaġar Qim u l-Imnajdra wkoll imtellgħin bi knaten tal-franka tal-Qrendi u l-Imqabba, u miksijin b’qoxra tal-qawwi maqtugħa mis-saffi tal-Magħlaq bħallikieku n-nassaba komplew it-tradizzjoni tal-bini megalitiku bil-qawwi fuq barra u l-elementi interni tal-franka. Fl-imnasab tal-għelieqi tad-Debdieba jibda l-ikkurdar: xbieki mifruxa, molol mal-kalamenti, xbieki miftuħa fuq in-naħa tal-ħaxja, il-lasti mwaħħlin mar-rażżi, il-qfiel u ċ-ċfuf maqfula. Id-dikojs tal-gamiem lesti f’posthom u l-gabjetti mqiegħda. Il-lanez tal-ġogi marbutin fejn is-siġġu fid-dura. Il-gamiema bil-kappun imxekkla u marbuta fuq is-seffut. Id-Debdieba ġebbieda, kien qalli l-Mija waqt li kien qed iqalleb fil-kantuniera tiegħu f’Bur Mgħeż ħdejn il-kaxxi tan-naħal, ifittex biċċa qasba. Il-Mija jiddiletta bis-sfafar, u għalkemm qatt ma qalli hu, smajt li kien jinqala’ sew, tant li l-Imqabba jgħidu li kellu esebizzjoni tas-sfafar l-Amerka. Qalli li hemm ħafna tipi ta’ sfafar: is-suffara tat-tgeġgiġ, għall-ġojjini, qisha buttuna tar-ram li titfagħha bejn snienek ta’ quddiem u tonfoħ fiha; iz-zekzieka tar-ram u lakstu, tiġbed il-pluvieri bil-ħoss li joħroġ minnha meta tagħfasha u titlaqha. Imma l-Mija kien jedha jagħmel is-sfafar tal-pluvieri mill-qasab tal-bambù. Omm Shaun qaltli li missierha kellu suffara jgħidulha l-“badabut” u missieru qalli li l-Mija kien ilu jfittex mod kif jagħmel suffara aqwa minn kull suffara oħra: ipprova minn kollox, anki lasti tal-biljard u lasti tal-ixkupi. Għamel żmien twil jonsob bis-suffara tal-ġebla tal-franka. Imma fl-aħħar, l-aħjar suffara li għamel għall-pluvieri kienet magħmula mill-għadam ta’ annimal li sab ġo barriera. Il-Mija kien qalli li ta’ tifel kien diġà jaf ibarqam u jparpar bħall-ħamiem u l-gamiem. Qalli kif kienu jaqsmu minn Bur Mgħeż għad-Debdieba, minn fejn il-kappella ta’ Santa Marija fejn illum hemm ir-runway, biex jaslu fuq il-mansab. Meta ġejt biex nasal hemm jien, kelli ndur bil-pass minn Tas-Sejba għal Ta’ Kandja u mbagħad fuq il-lemin biex nimxi tul it-Triq ta’ Ħal Farruġ. Ħarist ’l isfel ġol-barrieri mimlijin bil-ħamrija u siġar miżgħuda bil-larinġ, u minn ġol-ħofra tal-Ħabel ta’ San Pawl smajt it-tgedwid tal-ħassieba tas-seklu l’għadda, jitħaddtu u jixorbu u jieklu u jimpikaw bl-għerf tagħhom. Hemm kont niltaqa’ ma’ Oliver Friggieri u Joe Grima u Fr Rene, qaltli waħda min-nisa ta’ Triq il-Parroċċa. Bqajt nieżel man-naħa tat-Torri ta’ Wilġa u dort fuq ix-xellug biex nibda nimxi lejn l-għelieqi ta’ fuq il-wied. Żammejt ħarsti fuq ix-xtieli tal-mansab fejn waqaft inħares lejn serbut megaliti li, bħan-Naxxari qablu, iċ-Ċaqnu ċarrat minn laħmet l-art: spettakli ġeoloġiċi b’kull folja daqs żewġ sulari mqiegħda waħda ħdejn l-oħra bħallikieku reġgħu ġew fostna l-ewwel kuntratturi u bennejja fuq il-gżejjer. Ersaqt lejhom u lmaħt warajhom muntanja ġebel tal-franka fuq xulxin. Imxejt sieket lejhom, daħħalt ħarsti ġod-dell tal-għerien ta’ bejniethom, il-frisk ħelu tal-franka li jhennek taħt il-qilla tax-xemx. Il-kobor tal-ġebel isaħħrek meta tkun taħtu u tmissu, tiżnu b’għajnejk, u fi mnifsejk tħalli tidħol l-umdità tal-ħamrija u l-għeruq tax-xtieli mqaċċtin u għadhom imwaħħlin miegħu, bħal dras il-art maqlugħin friski minn ġol-ħanek. Dak li għandna, kien qalli Frans, franka! Taħt saqajja, fuq ix-xeqliba tal-art li tibda tixħtek ’l isfel lejn il-ġebel kbir irrumblat fil-qiegħ tal-wied, rajt qtugħ rettangolari fil-wiċċ tal-blat, bħal oqbra dojoq tat-trabi li bħalhom kont rajt waqt li kont qed infittex l-oqbra fuq ix-xagħri ta’ Santa Margerita ma’ Russell u Aiden. Aiden kien qalli li forsi n-nies ta’ żmien il-bronż kienu jagħmlu x-xtieli tal-għeneb fihom, jew forsi jaħslu l-ġlud tal-annimali wara li jbiċċruhom u jqaxxruhom, u jħallu d-dmija jċarċru fil-kanali dojoq u baxxi li hemm ħdejhom iserrpu ’l isfel. Kmamar abbandunati bil-barumbari meqrudin, passaġġi ta’ siment mixħut u mwitti dan l-aħħar, xatba wara l-oħra magħluqin, bibien f’nofs imkien imsakkrin: id-dawra tal-mansab konfoffa biex jew jobżqok ’il barra, jew jaqflek ġo nofsu. Tikka ħamra tiskariġġa: xi sponsun! Smajt leħen il-Mija: il-ġarġir isfar ta’ taħt saqajk jagħmel għalih il-ġojjin. It-tillier u x-xarbekk, dawk għall-ekri. L-għobbejra għal tal-għana. Poġġa fit-tarf tal-wita jħares ’l isfel, radam ta’ ġebel imrembel mal-għargħar tal-ilma li eluf ta’ snin ilu niżel minn Ħad-Dingli għall-port tal-Marsa, iħares lejn il-marki ta’ tidwir u rrumblar fl-uċuħ tal-ġnub tal-wied u l-għerien, l-għelieqi u l-imnasab, jonfoħ fis-suffara li kien qed ilesti u qalli: hawn kienu jgħixu d-deffiena ta’ Bur Mgħeż.
Abbona