•  

Indħil Barrani

Id-dinja nbidlet ħafna mill-aħħar ġurnata ta’ Awwissu tal-1982 meta, f’parlament nofsu vojt, għadda fil-liġi Maltija l-Att numru XI ta’ dik is-sena, l-Att dwar l-Indħil Barrani. Dan kien sforz biex oppożizzjoni li ma riditx taċċetta r-riżultat “pervers” tal-elezzjoni tas-sena ta’ qabel ma tkunx tista’ tistieden alleati barranin biex jiġu jkellmu lill-partitarji tagħha. Permezz ta’ dan l-Att ukoll, ħadd ma seta’ legalment jieħu sehem f’xandira minn barra minn Malta li “minħabba l-lingwa użata jew il-kontenut tal-programm, dik ix-xandira tista’ b’mod raġonevoli titqies li hi maħsuba biex tiġi riċevuta primarjament f’Malta”. Lanqas ma seta’ ħadd “jippubblika ħinijiet jew dettalji oħra dwar xandira bħal dik”. Bix-Xandir Malta f’idejn il-Laburisti — dan kien inqas minn sena wara “Run Rabbit Run” — in-Nazzjonalisti ħassewhom ġustifikati jibdew ixandru minn Sqallija fuq ir-radju, imbagħad fuq it-televiżjoni. B’hekk, partitarji Nazzjonalisti setgħu — fost ħafna textix minħabba li s-sinjal ma kienx qawwi biżżejjed, jew għax kellhom l-aerial ftit mgħawweġ, jew għax kien riħ isfel, jew għax il-frekwenza kienet qiegħda tiġi ġġammjata mill-gvern — jisimgħu x’qal Eddie Fenech Adami f’mass meeting li probabbilment kienu attendew in persona l-ġurnata ta’ qabel. Għal ftit minuti kuljum setgħu jidħlu f’din id-dinja parallela fejn ma kinux jeżistu Laburisti jew Soċjalisti, iżda biss “Mintoffjani”, fejn setgħu jisimgħu u jitgħallmu l-kliem ta’ “We’re Ready for Eddie”. Li jisimgħu ismu ħiereġ mir-radju u t-televiżjoni diġà kienet ħaġa kbira, meta tqis li dak l-isem qatt ma kien jissemma fuq il-mezzi lokali. MTV Studio Rama kien itajjar bandiera Nazzjonalista mill-antenna daqslikieku kien stazzjon pirata, li f’ċertu sens kien.Din ma kinitx l-ewwel darba li l-awtoritajiet Maltin inkwetaw dwar l-influwenza politika ġejja minn barra fuq l-irjieħ bħall-għasafar tal-passa. Għal snin twal, taħt l-amministrazzjoni kolonjali, pubblikazzjonijiet bħas-Socialist Worker kienu jitwaqqfu mill-posta; dan donnu kien iseħħ iktar fuq l-insistenza tal-Knisja milli b’xi ħeġġa kbira mill-Ingliżi stess, li dejjem kellhom mezzi pjuttost iktar sofistikati kif jinfluwenzaw l-opinjoni pubblika meta kien jimpurtahom minnha. Fis-snin ta’ qabel l-Indipendenza, l-MLP ukoll kien ixandar mill-Eġittu fuq Radio Cairo, għalkemm l-awtoritajiet Ingliżi u Maltin dak iż-żmien iktar kienu jinkwetaw li l-gvern ta’ Nasser, mimli kunfidenza wara r-rebħa fis-Swejż, għad jasal jipprovdi mhux biss mezzi ta’ trażmissjoni, iżda armi u loġistika għal kolp ta’ stat.Bħal fil-kwistjoni tal-festi nazzjonali, wara li nbidel il-gvern fl-1987, għall-kwistjoni tax-xandir politiku s-soluzzjoni li nstabet kienet waħda massimalista: kulħadd jieħu kollox; u ż-żewġ partiti issa kellhom il-faċilitajiet biex ixandru għal 24 siegħa kuljum. F’din is-soprapożizzjoni tal-fehmiet kollha, l-arja medjatika saret tqila b’kull fehma possibbli u binarju kunsenswali ta’ kunflitt permanenti ħa post il-propaganda l-antika. Wara kollox, il-permeabbiltà tal-fruntieri — għal kollox ħlief il-migranti foqra — kienet bil-mod il-mod qiegħda ssir att ta’ fidi, u barra miċ-Ċina, ftit hawn min għadu jittama li jista’ jikkontrolla t-trażmissjoni tal-ideat minn pajjiż għal ieħor. Xorta waħda, b’dożi varji ta’ ipokrizija, għad hemm lok għal sorpriżi koroh, u l-ispjegazzjoni ta’ “indħil barrani” għadha tiġi invokata fil-Punent kull meta jkun diffiċli nifhmu jew nammettu x’kien verament li kkawża, ngħidu aħna, riżultat “pervers” ta’ elezzjoni jew referendum.Minkejja din il-likwidità enormi ta’ ideat li jitħalltu u jiċċirkulaw madwar il-pjaneta bħall-ilmijiet tal-oċeani, xorta waħda kważi, tkun fejn tkun, tħossok inqbadt tisma’ biss iz-zekzik tal-palazz. Meta nispiraw ruħna minn ideat li ġejjin barra miċ-ċella tirbombja li huwa pajjiżna stess, l-akkuża li dħalna niġġieldu gwerra kulturali ta’ ħaddieħor hija faċli, anki jekk mhux dejjem żbaljata. Hekk kif nibdew noħorġu mill-kunsens teknokratiku, ikun tajjeb mhux biss li niftħu d-diskors għal ideat minn barra ċ-ċella, iżda wkoll, bl-isforz tat-traduzzjoni, li “l-lingwa użata… hi maħsuba biex tiġi riċevuta primarjament f’Malta” .

Traduzzjonijiet ta’ esejs dwar il-qagħda politika kontemporanja:

Dekorazzjoni art-nouveau