•  

Dwarna

 

Aphroconfuso huwa ġurnal letterarju bil-Malti online li tnieda fl-1 ta’ Mejju 2023. Aħna interessati nippubblikaw esejs, stejjer, poeżiji, djarji, traduzzjonijiet u xogħlijiet letterarji li mhux faċli tikklassifikahom, b’enfasi fuq l-identità soċjopolitika Maltija, esperjenzi femministi u realtajiet marġinali u queer. Interessati ħafna wkoll li naħdmu ma’ kittieba li għalihom il-Malti mhuwiex l-ewwel lingwa.

L-isem ġej mill-ewwel deskrizzjoni stampata li għandna tan-nies li kienu jgħixu fil-gżejjer Maltin, Insulae Melitae Descriptio ta’ Jean Quintin, Lyon 1536: “Siculo sunt homines ingenio, Aphro confuso: ad praelia parum fortes & commodi” [In-nies ta’ dawn il-gżejjer] huma Sqallin, imħalltin mal-Afrikan: mhumiex b’saħħithom biżżejjed għall-ġlied u ma tantx jinqalgħu għalih. L-isem huwa rilevanti iktar bħala sintomu milli bħala xi aġenda speċifika. Nuru kunfidenza u kurżità dwar l-identità Maltija fuq orizzonti ġodda lil hinn mill-binarji klassiċi ta’ Malti/Ingliż u Malti/Taljan. Konxji wkoll mill-fatt li l-Malti issa sar jintuża minn barranin li ġew joqogħdu Malta u li b’hekk qed jinħolqu orizzonti interni għall-ilsien Malti u nisperaw li fil-futur, bħala ġurnal, nibdew niskopruhom ukoll.

Il-parti l-kbira ta’ dak li nippubblikaw tidher l-ewwel fil-ġurnal, fuq din il-website. Nippubblikaw verżjoni awdjo ta’ ħafna mix-xogħol li jidher fil-ġurnal, kif ukoll taħditiet mal-kittieba tagħna. L-ewwel ktieb stampat tagħna huwa Antoloġija 1, li ħareġ f’Ottubru 2024. Ħabbarna wkoll il-pubblikazzjoni ta’ Qarn ta’ Romeo Roxman Gatt għall-2025, u Bur Mgħeż ta’ Omar N’Shea għall-2026. Dawn jibnu fuq Qarn u Bur Mgħeż kif ġa dehru fil-ġurnal bejn l-2023 u l-2024.

Għandna Appuntament kull l-ewwel Tnejn tax-xahar meta nippubblikaw l-ewwel xogħol relatat ma’ tema editorjali. Iktar tard matul ix-xahar nippubblikaw xogħlijiet oħrajn, x’aktarx ukoll relatati. Se nkunu qed nippromovu dawn ix-xogħlijiet u l-awturi tul ix-xahar kollu. Il-forma tista’ tkun proża, bħal novella, jew silta minn rumanz; poeżija twila b’mod sostanzjali; traduzzjoni maġġuri/ambizzjuża (minn lingwi Mediterranji u oħrajn); esej, reċensjoni, kritika letterarja, djarju u tipi oħrajn ta’ nonfiction u ta’ ġeneru mhux determinabbli. Bosta drabi nkunu involuti editorjalment mill-bidu nett.

Mil-lat tekniku, aħna nużaw software open-source, u dak kollu li nipproduċu bħala software u konfigurazzjonijiet huwa wkoll disponibbli fuq bażi open-source. Is-sit jilħaq l-istandards Ewropej għall-aċċessibbiltà. Kemm jista’ jkun nużaw software installat fuq is-server tagħna stess biex niġbru statistika dwar il-qarrejja mingħajr ma nirriskjaw il-privatezza tagħhom b’cookies u trackers ta’ kumpaniji kbar.

Dekorazzjoni art-nouveau