L-elezzjoni ta’ Donald Trump fl-2016 ħawdet ħafna mħuħ. It-terminu “Trump Derangement Syndrome” ġie mil-lemin stess, u kien jintuża biex jiddeskrivi r-reazzjonijiet ta’ kull min ma daqqlux l-istil tal-president il-ġdid. Mhux għax ma kienx hemm x’tikkritika fir-reazzjoni tax-“xellug”, meta tqis iċ-ċiniżmu estrem li d-Democrats urew meta qalftu ’l barra lil Bernie Sanders. L-ambizzjoni ta’ Hilary Clinton kienet l-iktar ħaġa importanti għalihom, u l-interessi investiti fiha żgur qatt ma kienu se jippermettu lil xi ħadd li jsejjaħ lilu nnifsu soċjalist jilħaq l-ogħla kariga ta’ poter fid-dinja. Li tahom f’għajnhom l-iktar dwar Trump donnu kien l-istil kaotiku u pastaż tiegħu. Il-personalità ta’ kuntrattur tal-bini magħġuna mas-suċċess fir-Reality TV ħolqot aġent tal-kaos li ħadd ma kien jaf kif għandu jieħdu. Fejn qabel, il-korruzzjoni Amerikana kienet protetta minn saff wara saff ta’ aġenziji u fondazzjonijiet u kumpaniji, issa stajt sfaċċatament ixxaħħam lill-familja tal-president u tieħu li trid mingħajr ħabi ta’ xejn. Fejn qabel, skandli kkumplikati kienu jinkixfu biċċa biċċa, b’indizzji mgħoddijin ġo car parks mudlama, issa bilkemm kien hemm bżonn tikxef xejn għax il-venjalità kienet kollha fil-beraħ. Iżda l-idea wara t-terminu “Trump Derangement Syndrome” kellha l-kritika li x-xellug, jew għallinqas dawk li l-Amerikani jsejħu liberali, kienu ġġennu u kienu qed jesaġeraw meta jgħidu li Trump kien sostanzjalment agħar minn dawk li ġew qablu. L-immaġini ta’ mexxej b’popolarità inspjegabbli għal dawk li ma jżommux miegħu, li anzi jarawh qisu pulċinell, mexxej b’mossi strambi, b’retorika bizzarra, waqqgħet lil ċerti kummentaturi fit-tentazzjoni li jistaqsu jekk qegħdinx nassistu għat-twelid ta’ moviment faxxista ġdid. Dawn l-argumenti kont tarahom jinħallu mill-ewwel, bħall-borra fuq art fietla. Franco “Bifo” Berardi kien qed jikteb Nifs: Kaos u Poeżija ftit wara din l-ewwel elezzjoni ta’ Trump. Għalkemm dik id-dinja diġà kellha l-karatteristika odjuża tad-dominazzjoni medjatika mill-politika Amerikana, kien żmien li issa jinħass ’il bogħod ħafna. Kien għadu ma ġiex il-Covid biex jaqta’ lil ħafna nies minn kull sens ta’ realtà; il-midja soċjali kienet għadha post relattivament innoċenti fejn kont tmur biex tara stampi tal-wirjiet ta’ sħabek u tagħmel like lil xi zija li marret il-Greċja. Il-kitba ta’ Berardi ta’ inqas minn tmien snin ilu llum tinħass iktar rilevanti milli kienet meta ħarġet; issa tinħass profetika. Wara l-Covid ħriġna f’dinja fejn affarijiet li qabel ma konniex nassumu li huma konnessi, issa saru parti minn moviment wieħed; u meta taqrah illum lil Berardi, li bla tlaqliq ta’ xejn dan il-moviment iqabblu mal-faxxiżmu, żgur ma jiġikx f’moħħok li qed jesaġera. Fil-kapitlu li qed nippubblikaw dax-xahar, dejjem fit-traduzzjoni ta’ Karl Baldacchino, Berardi jagħtina ritratt wara ritratt tal-pandemonju mentali li ninsabu fih, tat-Trumpiżmu aċċellerat tal-lum, tar-razziżmu fil-beraħ, tal-ġerħa miftuħa tal-Palestina, tas-sess fjakk innegozjat bl-apps, tal-ossessjoni bir-rata tat-twelid u bl-identità. Berardi jisfidana nħarsu lejn dan il-mument storiku li ninsabu fih u nagħrfuh ta’ dak li hu .