Ġismi Battikata

Charlene Galea

Jiena f’dan il-ġisem issemmejt 

Charlene

 Jiena f’dan il-ġisem twelidt

Malta

Jiena f’dan il-ġisem preżenti

Budapest quddiemkom

Jien bħalissa niżen

69.4 kilo

Jien bħalissa twila

5 piedi u 6 pulzieri

Jien għandi żmien

’il fuq minn 38 sena u sitt xhur

Nixtieq niżfnilkom żifna minn ġo qalbi, bla mużika, u żifna b’diska favurita, u araw kif dan ġismi jirrelata differenti, kif jiċċaqlaq differenti. Agħlqu għajnejkom. Missu parti ta’ ġisimkom, tkun liema tkun. Ħossu l-ġilda. Ħossu t-temperatura ta’ dal-ġisem. Ċaqalqu bil-mod dil-parti. Ċaqalqu aktar bl-għaġla dil-parti. Agħtuha ċans terġa’ tissetilja. Ħudu nifs ’il ġewwa u żommuh. Ftakru f’xi memorja ta’ dil-parti tal-ġisem. Araw stampa ikbar ta’ fejn kontu ma’ din il-parti. Ma’ min kontu — waħidkom jew ma’ nies oħra? Kemm kellkom żmien? X’affarijiet oħra tiftakru — ħwejjeġ, diska, ikel, leħen? X’burdata impulsiva ttikom din l-istampa u din il-parti tal-ġisem? Xena astratta jew xena konkreta? Iftħu għajnejkom u rritornaw. L-istoriku jista’ jkun kontemporanju, għax malli għadda f’mument temporanju ħloqt storja oħra b’ġismek. Min jaf kemm-il storja ntesiet jew weħlet ma’ xi parti ta’ moħħna li tlifna l-aċċess għaliha. Ejja ħa nibdew minn storja qasira. Stenn, qabel ninsa! L-ikbar biża’ tiegħi — tal-età tiegħi — mhuwiex iż-żmien, lanqas l-uġigħ, lanqas il-moħħ magħluq tal-Maltin, imma l-kwistjoni ta’ x’ħa jiġri minni jekk ma nsibx fejn, jew jekk ma nkunx nista’, niċċaqlaq iżjed.

  • Closeup ta' mara f'poża ta' żfin. Tidher ftit tpinġija.
    Ritratti meħudin minn Alma Fehér
  • Mara f'poża ta' żfin. Mhix liebsa ħwejjeġ u tidher xi tpinġija fuq ġisimha.
    Ritratti meħudin minn Alma Fehér
  • Mara tħares lejn il-camera. Qiegħda tgħannaq rkupptejha. Tidher xi tpinġija fuq ġisimha.
    Ritratti meħudin minn Alma Fehér
  • Mara f'poża ta' żfin. Mhix liebsa ħwejjeġ u tidher xi tpinġija fuq ġisimha.
    Ritratti meħudin minn Alma Fehér
  • Mara f'poża ta' żfin. Mhix liebsa ħwejjeġ u tidher xi tpinġija fuq ġisimha.
    Ritratti meħudin minn Alma Fehér

Għal żmien twil ħassejtni mhux ħaġa waħda ma’ ġismi. Aljenata u dejjem infittex, b’mod superfiċjali, kif inbiddel din id-dehra. Influwenzata, minn età żgħira, mill-midja — dak iż-żmien mit-televixin li kont nara għand in-nanna u l-magazines barranin li jħallu t-turisti warajhom u li kienet tiġbor ommi. Ta’ tlettax waqajt f’anoressja u wara f’bulimja. Dak iż-żmien, fin-90s, ma kinitx magħrufa sew dil-problema Malta. Kien każ rari jew, kif naħsibha jien, kien każ moħbi — inħoss li bħali kien hawn ħafna oħrajn — però kienet qisha ġiet moda xi snin wara. Ġismi, mhux se nigdeb, għandu problema li ta’ sikwit jaqbad ma’ vizzji differenti — 

iħossu vojt

iħossu mhux komplut 

iħossu jrid jieħu riskji mhux just avventurużi imma wkoll perikolużi

iħossu jrid jixxanxan

iħossu indannat u jrid jirribella kontra kull istituzzjoni

iħossu jrid jinqata’ għalih f’post mudlam

iħossu mbiegħed mis-soċjetà

imbagħad jerġa’ jiġi f’tiegħu. Ġismi xi kultant ma jifhimx x’identità ħa jqum fiha. L-arti performattiva tatni spazji fejn nesibixxi l-burdati ta’ dawn l-identitajiet. Inbiddel il-karattri mhux biss bil-ħwejjeġ imma wkoll b’espressjonijiet tal-wiċċ li lanqas ikollu bżonn make-up. Jidħol wisq fil-persunaġġ, kemm femminil u kemm maskulin, mingħajr ħafna xenxil. Nibża’ minn dan ġismi xi kultant — veru nixtieq inkun mistrieħa u f’bilanċ ta’ emozzjoni u reazzjoni. Ta’ għoxrin ġismi qatta’ sigħat twal jaħdem għall-flus u wara sigħat twal jiżfen, jitbattal mill-kapitaliżmu li bela’ f’sistema konsumerista u egoista.

Ġismi żar ħafna postijiet projbiti jew perikolużi. Ġismi għadu ħaj. Xi daqqa ’l hemm u ’l hawn qala’ wkoll. Relazzjonijiet ta’ mħabba tossika ħallew marki interni u mentali li affettwaw kif jirrelata dan ġismi ma’ ġisem ieħor — sigurtà, kumplessità, thewdin tal-moħħ. L-istonku qala’ minn ġewwa u minn barra. Inpoġġi idi fuqu, hekk, biex inżiegħel l-uġigħ ta’ dan l-għar — mudlam b’xaqq ta’ dawl — b’daħla ċkejkna ta’ tama għal ġenna mingħajr erwieħ — imma għal futur li nemmen li ħa jkun ta’ iktar mistrieħ. Il-kumpless ta’ kull ġisem, kemm tiegħi u kemm tiegħek, saru prodotti għal iktar tħeġġiġ għall-konsumeriżmu. Taqbel miegħi?

Fl-2022 bdejt nattendi klassijiet ta’ żfin ġo Budapest li ħaduni fuq vjaġġ differenti f’ġismi. Kważi kull filgħodu — sakemm mhux xi xebgħa bard jew xita — dan il-ġisem beda jitlaq f’mixja ta’ osservazzjoni. Ippruvajt nifhem x’eżatt qed nagħmel b’ġismi — meta nsib lili nnifsi f’dan l-istudio ta’ żfin — u ktibt fid-djajru

X’qiegħda nagħmel hawn?”

Qiegħda naħdem, naħseb, qiegħda niddixxiplina lili nnifsi, qiegħda niffoka b’dan ġismi, qiegħda nipprova nagħmel l-impossibbli. Qiegħda mmexxi b’dan ġismi u mhux biex naħrab, imma biex noħloq soluzzjoni għal kif għext qabel. Ma’ kull moviment attivajt partijiet reqdin u bla ħeġġa. Irriflettejt u tbikkimt u għoxejt bid-daħq mal-art. Ġranet sħaħ qattajt fuq l-art sewda tal-istudio; għamilt il-purċissjoni tal-irxoxt, erfajt is-salib tal-ħsibijiet li m’iniex kapaċi biżżejjed. Dan hu proċess bil-mod, bil-mod

Waqqaft kull tip ta’ xogħol u sibt ruħi nagħmel dax-xogħol fuqi nnifsi — qiegħda naħdem bla ħlas — għax f’sistema ta’ ħajja li mit-twelid tipprova tikkundannak għal ħajja ta’ kontroll, dan huwa att ta’ ġustizzja miegħek innifsek. Bażikament, qiegħda niddekolonizza, inneżża’ mit-tiżjin awtorizzat, dan il-ġisem. Għandi biża’ kbir dwar x’se jiġri meta jkolli nerġa’ lura minn din l-utopja ta’ studio ta’ żfin u nerġa’ niffaċċja l-gżira tal-Maltin.

Iż-żfin jgħaqqad kull tip ta’ ġisem li jeżisti ġo fija u jissepara l-partijiet kif jaħdmu fil-ħajja strutturata ta’ kuljum f’movimenti u stejjer ritwalizzati. Biż-żfin il-ġisem jirnexxilu jgħaqqad l-opposti ta’ ħajti — id-dixxiplina u r-ribelljoni. Li tħaddem il-ġisem b’modi li qatt ma kellek idea, li tista’ tħeġġu jiċċaqlaq b’dawn il-modi u l-istili kollha — mingħajr direzzjoni, li tibqa’ tipprova, li teħel, li ma ssibx soluzzjoni però ssib modi oħra biex taqa’ u tqum, biex iddur, biex terfa’, biex tinqaleb — xi ġmiel din il-ħajja, waħdek ma’ iġsma oħra mingħajr il-bżonn li tkun eċċezzjonali. Dan ix-xogħol tal-ġisem tagħmlu għalik mhux għal ħaddieħor. Kemm tapprezza meta fl-aħħar tinduna li kull parti ġo fik hi magħquda ma’ kull parti oħra. Kemm hu importanti tibża’ għalik innifsek. U kif tista’ tirrakkonta l-istorja ta’ ħajtek jekk tinsa ssemmi n-nifs? Infakkar lili nnifsi fl-attakki ta’ paniku li kienu jaqbduni ta’ sikwit — meta n-nifs jaħrab ġo nifs f’maratona aggressiva, fejn l-istampa ta’ quddiem għajnejk tiċċajpar, il-palmi ta’ jdejk jixxarrbu, saqajk jintelqu, u tiġi kollok dgħajfa. Għalija dan il-proċess ta’ xhur issa ġol-istudio serva daqs terapija. Nerġa’ ngħid, qed nibża’ nieqaf. Għax meta nieqaf niċċaqlaq nixxiftja l-piż ġo moħħi u nibda nittrippja ġo ħsibijiet negattivi fuqi u fuq did-dinja. Qed nafdakom tħarsu lejja minn kull angolu u nixtieqkom, wara li tisimgħuni, tħarsu ħarsa lejkom stess. B’ġismi rrid noħloq aktar spazju ġo spazji differenti, leħen ġo ilħna infiniti, u nagħtih ċans jaħseb fuqu nnifsu — jirrikonoxxi minn xiex għadda — jiċċelebra dil-ħajja fraġli u vulnerabbli li, però, tibqa’ fuq saqajha biex tirranka mill-memorji tat-tfulija għal dawk ta’ adulti. M’iniex ħa noqgħod illissen magħkom just kliem pożittiv.

Jekk tisma’ parti mill-ħajja ta’ ġismi forsi nimmotivak tibda taħseb fik innifsek tibda tiċċaqlaq iżjed maż-żmien. Iċ-ċaqliqa tiegħek,

ma’ tiegħek,

u tiegħek,

u tiegħek.

Isa, forsi nispiċċaw inċaqilqu did-dinja staġnata ħa nikteb poeżija biex forsi nfiq u naqra l-bijografija tiegħi qabel intemm it-tletinijiet. Jien l-awtur ta’ dil-istorja, forsi xi darba fil-futur, meta ismi jkun magħruf, kulħadd ikun jaf sew bija. In-numru ta’ snin huwa tmienja u tletin, jekk ngħoddu l-ħin. Jekk ma tgħoddx il-minutiera. Ma tantx nagħti kas is-sena meta twelidt, però jien minn tal-era tas-snin tmenin. Ma tistax tgħix ġo ġismek jekk taljena ruħek minn xiex għadda ġismek. Xeni spiritwali, xeni ta’ ritwali, xeni utopiċi, xeni distopiċi biex iħassru l-istoriku u jbassru l-erojku. Tgħid ix-xaman jew il-psikologu jafu jxommuh l-arkivju storiku? U li kieku, u li forsi, li żmien wara żmien l-imħabba għal ġo fija ma fiha l-ebda tmiem, kieku ilni li sibt paċi fija u bija nnifsi u ġo fija. X’tagħmel ħija? Iggargarizzajt sustanzi, substanzi, substances, vokabularju tal-anatomija jew xewqa ta’ antoloġija li ningħaqad, jew ngħaqqad l-istorja ta’ dan ġismi mingħajr ħadd ma jmissni. Haw’ ġisem! X’ġisem! Li qed nara jien li qed tara int, li qiegħda nħoss jew li jġegħelni nħoss mingħajr ħadd ma jboss biex jiggwadanja n-nofs. Ġismi huwa fergħa, ġismi jerfa’ u ġismi jifraħ. Ġismi huwa battikata, ġismi bata u ġismi jbatti. Għeluq snini huma tbajja’ ta’ din il-ħajja. Kull mera li nittawwal ġo fiha tagħtini storja tal-mument li tinbidel minn monument għal monument. Ninsa nħares ġo fiha għax aljenata bi ħġieġa bla rifless. Illum kilt xebgħa carbs u nħossni żdidt fil-piż; għada ħa niekol xebgħa vitamini u nittama li ninżel fil-piż.

Il-piż

il-piż

il-piż

il-piż

il-piż

il-piż

il-piż

il-piż 

Il-piż. Ili snin mikula bin-numri li jimmarkaw numru assoċjat ma’ dehra, ma’ kemm u kif tiġi aċċettat f’soċjetà diġitali u anki reali. Numru li jikklassifikak żgħir, medjan, jew kbir, u extra żgħir jew extra kbir, jew tlieta mmultiplikat extra kbir. Ikkumplikat, ikkumplikat dal-figurin numerin. Ittikilt qabel kilt. X’niekol jien, jistaqsuni ħafna nies. Niddejjaq niekol fuq mejda mdawra nies. Inkun irrid nipprepara jien ħalli nikkontrolla jien. Moħħi mifqugħ, moħħi muġugħ, kollu kolla ta’ ħsibijiet imwaħħlin ma’ stampi ta’ stampi li rajt ta’ nisa oħra kemm Maltin u kemm barranin, ikkumparati u ġġustifikati, mingħajr ma jiġu kkunsidrati. Isma’, taf li kunserva mhix tadama imma prodott ikkunservat mill-istat naturali tiegħu? Magħsura u mgħaffġa għall-ħajja moderna, u rrestawrata morra taparsi ħelwa. Aħjar niċċassa f’xi bajja. Tgħid hemm ħelsien? Tgħid hemm mistrieħ? Tgħid ħaddieħor jieħu nifs? U ngħid jien, liema tip ta’ nifs? Min jaf kemm jinfetħu bibien jekk onestament nitkellmu fuq il-kwalità u l-kwantità ta’ dan-nifs li qisu parti mill-ilbies. Leħni fih ħafna ilħna. Leħni joħloq ħanqa ta’ ħalqa weħħiela jleħilħu u jlaħalħu u jaħlu ħinhom ta’ ħajja bla ħawra mingħajr fawra. Ħsejjes donnhom kelmiet, mingħajr tifsiriet. Indur u nagħqad, u nfittex ma’ kull dawra. Ġismi emigra kemm-il darba hemm jew ’l hemm. Ħarab ħarba u tħarbat ħerba. Identità temporanja li titkisser u tinfaraġ u terġa’ titbissem ma’ kull klikk klikk tal-klikka immaġinarja. Moħħi jfarfar, moħħi jperper ġod-dinjiet ġodda diġitali ’l bogħod mir-reali. Hawn qiegħda quddiem mera nuda bħal ħuta nittiena bid-dubji li mhumiex skruplużi, qishom tad-duluri jew fjuri bla kuluri. Eh, fuq ġismi qed nitkellem. Għax fl-aħħar u mhux l-aħħar ħa nitkellem bla ma ntemtem, leħni jirtogħod, rogħda ġo għoqda, għax ġo fija weħel bħal ħobża mhux imrattba, jew għadma moħlija, jew ġbejna moqlija. Minn fejn ħa nibda nirrakkonta? Minn ilsieni forsi, li jlissen b’dil-lingwa Maltija li qiegħda titnikket f’did-dinja millenija. Bżieq minn beżqa ta’ werżieqa pessimista li jobsor u jobżoq fuq art bla kożbor. Ejja nibdew nirrakkuntaw. Griżmejja, griżmejja maħnuqa, ħerqana u maħruqa jixxarrbu u jiftakru frak u trab ta’ nutrijenti meħtieġa, jew xaħmijiet iffiltrati taparsi essenza, bla sens, antixaħmijiet, vitamini kkarbonizzati, il-benna naturali. Jew kull tip ta’ ikel bnin u fin li ma sabx it-tmiem għax kien hemm ċertu żmien li niżel minn dawn griżmejja però reġa’ rriversja f’likwidu qares qares ’il barra, daħal u reġa’ ħareġ mill-istess antiporta. Kien is-subatan-nofs ta’ idi l-leminija jew ta’ idi x-xellugija li, flok daħħaltu ġo sormi għal pjaċir sesswali, barax griżmejja. Flok diġestjoni senswali u naturali, tqannajt bil-qrusa tar-rigurġitazzjoni.

Xagħri xi sittin ċentimetru twil bħalissa. Iswed ikanġi fil-kannella, jibbawnsja u joqmos f’forom sfurmati bħal tar-riklami. Artab u kenni, xi kultant timmolla xi waħda griża, jew sejħilha xagħra beżżiela, anki xagħra nittiena, xagħra ħerqana jew antipatika. Niftakru lixx lixx lixx tletin ċentimetru qisu dixx spaghetti al forno mgħoddi bil-ħadida tal-mogħdija tal-elettriku. Keratin eżotiku minn pajjiż lil hinn minn madwarna biex nidhru isbaħ minn dak kollu li hu Mediterranju. U taf x’kelli? Frenża tal-penitenza, tiddritta u tinqela bla ma tinqala’ ħalli nispera li ngħabbi wieħed mir-raħal fl-aħħar tal-ġimgħa.

Imnieħri tawwali u puntwali, jipponta lejn is-swemmiet imniġġsa jew l-art ippurgata. Jiftakar ħolqa minn ġo toqba, ċirku tal-fidda mingħajr l-ebda fidwa, just moda l-misluta, mhux għax jagħmel ġustizzja. Fuq il-ġenb l-ieħor hemm ferita kalma li kienet għajta u weġgħa ta’ daqqa bid-demm u l-punti u biki ta’ vanità.

Iż-żejża tal-lemin, iż-żejża tax-xellug. Ċatti, mhux daqs il-karti. Qishom qalgħu daqqa żgħira ta’ ħarta u ħarġu naqra ’l barra. Qishom mandolin, jew settembrin bi trejqa bla ħofor ta’ pulzier u nofs bejniethom, siekta f’art eremita ta’ fruntieri ċċensurati. Kont iffissata li jkunuli bħal ta’ dik tat-televixin li ta’ għaxar snin kont niċċassa lejha, bħal ta’ dik it-Taljana, jew ta’ dik il-pilastru ta’ Ingliża fil-gazzetta tan-nannu. Staqsejtu, nannu għala tiegħi iżgħar? U weġibni li dan-nisa jmorru għand tal-pompa tal-petrol jonfħuhom u jagħtuhom l-arja. Xtaqthom ukoll jien ikunuli blalen kbar tondi u tgħidx kemm kont nipprova nġebbidhom ’il barra bħal tondjatura plasticine kif konna nirrumblaw l-iskola.

Kull waħda minn saqajja tibbilanċja fuq kallu, jekk taqbad tħokku għandek nofs kilo maħkuk iktar iebes minn rasi. Huwa rikordju ttimbrat, bħal tpinġija awtentika għal għeluq is-snin kollha ta’ xogħol wieqfa fuq saqajja. Sigħat twalissimi ta’ xogħol f’ristorant ġol-belt kapitali ’l bogħod mid-dar. Difrejja, kemm ta’ jdejja kemm ta’ saqajja, dejjem f’toroq żbilanċjati, qatt dritti, imgerrmin b’xi biċċa difer bejn xufftejja, jew b’xi xulliefa tperper mal-ġenb tad-difer li rari nżebagħ u qatt ma ttawwal. Wiċċi qatt ma rajtu sbejjaħ sakemm ma kontx żibel u ttrippjajt fuq l-ego. Hemm eluf ta’ ritratti minn angoli tas-sengħa minn sena għal sena, ġo kaxxi tal-istess daqs online, qishom blokk bini soċjalist forsi naqra brutalist li qatt ma ra sema, għax għajnejja ġol-ħġieġa ta’ mobile screen. Kien hemm żmien li dan il-wiċċ nixef u xiref, għajnejja nbelgħu ’l ġewwa b’ħarsa ta’ dnewwa, ċappa sewda li l-ebda krema ma kienet tbajjad, u l-ebda raqda ma kienet tfejjaq. Però l-kontura kienet imkaħħla f’angoli mpittrin, linji dritti mhux imżaqqin, art ovali miksija kollha sufiet żgħar suwed li faqqsu minn kull kantuniera maż-żmien mit-twelid. Kemm-il darba dellikt tossiku antisuf cream mal-angoli kollha fuq wiċċ il-wiċċ u s-sufiet reġgħu ħakmu iktar imkabbrin u kburin. Kont niksih, imbagħad, b’ċappa żebgħa ta’ toni ċari u skuri. Jew nabbronza l-ġilda billi nqatta’ ħin twil taħt dawl artifiċjali, mimduda fuq sodda tax-xemx ġo kamra magħluqa, u nħallas bil-minuti. Madwar partijiet differenti ta’ ġismi hemm tilja linji kważi trasparenti, linji djagonali u vertikali ttimbrati qishom sperma li raqdet mal-ġilda. Ma nsibx tarfhom u qatt ma ħlist minnhom, nista’ mhux naħsilhom! Huma memorji tas-silwett li dalam u raqad miegħi, kull waħda molla tal-elastin, tikber u tiċkien, tintefaħ u tinbela’, tistaħba u tinkixef. Il-kelma għal dawn hija bl-Ingliż u jissejħu stretchmarks.

L-ilsien t’għoxxi nsejjaħlu bandiera internazzjonali li la tiġġudika u lanqas tidħol f’kunflitt mal-passaporti jew id-direzzjoni ta’ ma’ min tiltaqa’. Xokk jew attrazzjoni ta’ diversi lingwi u tradizzjonijiet rat ħafna. Dawn stejjer li ħa nżommhom sigrieti: ta’ bikjiet, ta’ ferħiet, ta’ traskurar, ta’ abbandun, ta’ kull emozzjoni. Hemm min intrabat u weħel magħha, hemm min intrabat u tar malajr ’il barra. Hemm uġigħ ieħor fl-intern ta’ dil-parti ta’ ġismi. Hemm trawma siekta u veru mbeżżgħa, hemm enerġija li ma nistax neħles minnha ta’ suppressjoni mingħajr superviżjoni.

Niggosta ħafna tliet tikek żgħar li jinsabu fuq wiċċi, qrib ħafna xufftejja. Ara ssibhomx! Għax fuq l-ebda arkivju ta’ ritratt ħadd ma lemaħhom. Għandi ħafna tpinġija taħt għonqi. Lejn ’l isfel ta’ żaqqi taqra l-kelmiet b’dil-lingwa Maltija: “Mhux Hekk” u “Mela” u kemm nixtieq inżid b’xi tipografija “Kisser Kollox” biex ngħaqqad storja tas-soċjetà Maltija. Tpinġija li tikkontradixxi, bejn ċerta u mhux ċerta, u biex nagħlqu din l-istorja mad-dawra taż-żokra b’lingwa barranija taqra “Vale” — għax “OK” jew “Okay” jew “Owkej”, kollox jgħaddi f’dil-ħajja Maltija. Għalhekk tinsab imwaħħla fuq dal-istonku, għax qatt mhi ħelsiena. Żaqqi mhix il-favorita, għalhekk hemm ħafna tpinġija, però ma rridx nibdilha għal ġebla tal-konkrit, aħjar ratba tal-franka. Jew bħal imħadda ratba bħall-għaġina tal-ħelwa tat-Tork, mitwija bħal kutra tal-lejl, tliet tinjiet kellha. Hekk niftakarha fir-ritratti tat-tfulija. Kemm għajruha! Xaħma u laħma kienet tgħajtilha dik il-ħabiba… Aħjar inkompli nitkellem fuq it-tpinġija għax jaqbduni naqra dwejjaq xħin niftakar fiha.

Mal-għaksa tax-xellug (ix-xellug jiġifieri n-naħa li f’idi nżomm il-biro biex nikteb biha) hemm katina naqra ħoxna u maskulini, u ma’ tal-lemin (in-naħa li f’idi ma nżommx biro u ma niktibx biha) hemm fjura tawwalija u femminili li tibqa’ tielgħa sal-irkoppa. Dan kuntrast li jfisser ħafna għalija: xena tal-industrijalizzat kontra spettaklu tan-natura. Ħaġa li qatt ma fhimt, u lanqas qatt ma nftehimt sew, hi fejn b’dan ġismi ħa nkun l-iżjed kuntenta. Għext snin twal fil-qalba bla talba ġo toqba ġo Londra fejn kont aljenata minn art ħadra. Meta dort naqra ma’ did-dinja xxennaqt għall-kumpanija tal-kampanja. U Malta, issa li ġejt lura, nigdeb jekk ngħid li ngħożż ir-rurali bħala ritwali. Problemi interni jittantaw u jikkawżaw problemi esterni. Bħal kaxxa infernali. Kwistjonijiet preliminari ta’ koordinazzjoni u kooperazzjoni, kwistjonijiet proċedurali, kwistjonijiet morali, żbilanċ newtrali. Nuqqas ta’ sigurtà magħluq ġo multipli ta’ multipli ta’ identità ta’ frammentazzjoni.

Impitter ukoll fuq ġismi ma ssibx ismi. Hemm “Il-King” fuq il-wara ta’ idi. Hemm “Gina” bin-nar, ċappetta ma’ idi. U hemm “Lilly” fuq kull suba’ ta’ din idi. Hemm Betty Boop tittanta u tgħolli d-dublett għal kull min iħares u jgħid xi ħaġa minn wara daharha. Ir-ritratti performattivi mlibbsa disinji minsuġa fuq dan ġismi jbiddlu u jgħattu, ineżżgħu u jagħrfu min jiena, jien li ninfixel meta tgħidli Charlene. Ismi taċ-ċertifikat tat-twelid, ismi tar-rassenja tal-iskola, ismi tal-log-in tax-xogħlijiet, ismi fid-dinja soċjali ommi serqitu minn stranġiera tas-soap opera Amerikana. Kienet bjonda imma jiena samra, qatt ma fhimtha din l-ironija. Hemm ukoll miżjud wara ismi Marija Rita li nippreferih għax imlissen fil-lingwa Maltija.

Qatt rajthom sew widnejja? Fuq ix-xellugija hemm żewġ passaġġi miftuħa tewmija, tiċrit lineari u ugwali taż-żmien taż-żgħożija minn misluta tqila ċirku tond kulur id-deheb falz, u rħisa. Il-frak tal-misluta qabbadni allerġija li sfrundali l-armonija, però l-leminija baqgħet imsewwija bit-toqba bħal tat-tfulija. Għandi sinna fuq quddiem fin-nofs imxaqqa ħarira, ikkawżata mill-boċċa fidda u virga ħadida ħierġa ’l fuq mill-faqmi geddumi. Kienet moda sew fl-elfejn u tmienja. It-toqba għadha miftuħa, immarkata bħala entratura minn fejn kienet tidħol dil-misluta. Nerġa’ naqbeż fuq is-suf, did-darba ta’ ħuġbejja, sufiet ribellużi telgħin f’kull direzzjoni, qisien irregolari qishom għalqa qamħ miżrugħa mingħajr għodda qabel ma tiġi maħruta bl-għodda, jew jitbandlu mal-Majjistral forza tmienja. Meta bdejt insir tfajla kont innittifhom waħda f’waħda, waħda wara l-oħra, bħal meditazzjoni mingħajr forma (u ommi fommha jgerger miegħi). Basta dik il-linja rqiqa, imnittfa sal-inqas sufa waqt li qiegħda l-iskola fuq siġġu nitbandal u s-sufiet itiru għal fuq il-mejda tas-sekondarja. Ridt inneħħihom għall-Griżma. Bdejt nistħi għar-ritratti prużuntużi ta’ dil-festa, bil-foresta fuq għajnejja! Mort inqaxxarhom bir-razor t’ommi u tgħidx kemm kienet għajtet miegħi u tgħidx kemm jien ġejt ikreh!

Għaliex dil-kitba u dir-rima kollha f’din l-alla poeżija? Xħin nispiċċa dil-kantaliena li naf kienet naqra twila, doqqu diska favurita.

Jew morru ġo post ta’ silenzju u ilagħbu ma’ ġisimkom qiskom ħa terġgħu twelldu lilkom infuskom .

Dekorazzjoni art-nouveau