mad-dalma tal-widien ninżlu max-xifer nistkennu,
inkejjuża x-xemx t’awwissu tixxennaq u
titbewwes mal-irjieħ kajmana u mitluqa,
leblieba kontinwa li titħeġġeġ mill-kisra ħadranija t’għajnejk
u l-mistħija li taf tagħraf tistrieħ stenduta
fil-fond ta’ driegħek magħqud benniena.
f’għamliet dehbija tal-qamar nilmaħ xbihatek;
induqu ċ-ċafċif mielaħ iqattar fuq truf ilsienna
mitlufa f’estasi b e r r i e n a ta’ qlub minsija mill-kuraġġ.
ħallihom jixirfu l-għerejjex imgerrxa, jintilfu
a-r-m-o-n-i-j-a a-l-l-e-g-r-u-ż-a jitbewġu taħt il-jiem
bikrija ta’ ħarifa fejn ix-xemx taqa’ zoptu u
biex il-lejl ifittex idallam. Iżda l-ebda ħjiel
telepatiku mhu kapaċi jfeġġ rebbieħ kontra l-ħeġġa
estranea li titgħannaq mal-ġejjieni
kif il-kenn ta’ fommok ma jfittex li jostor qatt.