Din hija l-kitba ppubblikata dax-xahar:
-
- Awwissu 2023
Lejl u Nhar
Il-ħitan bojod joqtluk naqra naqra kuljum. Tipprova ma tismax is-skiet, itanbar stinat tul il-kurituri, iżda t-tektik ħafif fuq il-keyboards, it-tpetpit solitarju tal-cursor, l-ilħna mbiegħda f’uffiċċju minnhom jibqgħu ma jidfnuhx. Fil-kamra tal-arkivji xi ħadd jixgħel il-photocopier, li tobżoq folja wara l-oħra, mimlija ċifri, kliem kbir kollu rpużat, taħbiliet ta’ ideat suġġeriti u konsiderazzjonijiet meqjusa f’dokumenti Taljanizzati tal-Unjoni Ewropea. It-terremot f’Haiti, il-kriżi finanzjarja, il-faqar dinji, l-iżvilupp fil-pajjiżi eks-Komunisti, il-bidla fil-klima, id-dinja li qed titbaskat, tinstamat, tinħall f’taħlita tossika ta’ plastik jinten, jaħraq l-imnifsejn, jistordi l-menti, iżarrat ix-xagħar, inixxef il-ġilda. U l-photocopier tofroq karta minn oħra, tifrixhom pulit fuq xulxin bħal suldati stenduti, nodfa, stirati, bojod bħal-lożor. Il-ħoss tal-magna jkompli jħeddlek, mill-uffiċċju ta’ ħdejk tasallek konverżazzjoni bil-Franċiż.
-
- Awwissu 2023
mona lisa | karnival ieħor
Joe, quddiem il-mera. Xagħru kannella skur, maqtugħ qasir. F’rasu, kappa lewn il-ġilda. Għax fil-karnival tista’. Japplika l-kolla fuq ħuġbejh, bil-pinzell. Ħuġbejh kbar. Rani. Inixxifhom, b’fann. Japplikalhom il-powder safrani, il-kolla. Jerġa’ jnixxifhom – din id-darba, sakemm jitqarqċu. Irene. Japplikalhom il-concealer safrani, bl-isponża, sakemm jgħattihom għalkollox. Marisa, Mylene. Japplikah ukoll fuq għajnejh, fuq wiċċu kollu. Għax fil-karnival tista’. Jimmudella ftit synthetic wax fuq il-ponta ta’ mnieħru.
-
- Awwissu 2023
Bil-Moħbi
fil-Beraħ Matul il-ġurnata, il-Ġnien, kif kien jissejjaħ, kien post għall-familji, għall-pikniks u għat-tfal biex jilagħbu fuq il-bandli; billejl, il-Ġnien kien isir spazju għall-ħufar u għas-sess, speċifikament għas-sess bejn l-irġiel. Irġiel gay kienu joħorġu sal-Ġnien, waħedhom jew ma’ xi ħbieb, biex jgħidu kelma jew biex isibu ftit intimità u privatezza fil-beraħ. L-irġiel li fil-lejla tal-qtil ta’ Alfie kienu fil-Ġnien tal-Gżira ma kontx normalment tarahom miġburin hekk flimkien f’nofs ta’ lejl. Kont, minflok, tilmaħhom jimxu waħedhom ’il fuq u ’l isfel fuq il-bankina bejn it-triq ta’ ġewwa li tagħti għall-baħar u l-ġnien innifsu, jew jimxu waħedhom ġewwa l-arbuxelli u s-siġar. L-etikett tal-ħufar kien jirrikjedi li s-“sinjorini”, jiġifieri l-irġiel gay u out, jisseparaw meta jaslu u taparsi qegħdin waħedhom għax l-irġiel straight—“normali”—li jinżlu jħufu kienu jitkexkxu jekk jaraw roqgħa sinjorini jħufu flimkien, u allura ma jazzardawx jersqu viċin.
-
- Poddata 31.08.2023
Noti Editorjali #1
ma’
Niltaqgħu ma’ Warren Bartolo, it-traduttur tal-Frammenti ta’ Saffo (EDE Books, 2023) għal taħdita dwar l-imħabba tiegħu għal Saffo u l-lirika tagħha, u dwar il-proċess tat-traduzzjoni mill-Grieg Antik għall-Malti u t-taqbida mal-lingwi l-oħrajn li jinfilsaw bejniethom. F'din il-poddata nsemmu wkoll traduzzjoni oħra ta’ Warren, Kif Tisraq il-Kotba ta’ David Horovitz (Sendb00ks Edition Taube, 2020), kif ukoll Idylle Saphique ta’ Liane de Pougy. Loranne Vella tiddiskuti l-esej tagħha fuq Aphroconfuso, “Il-Lanza, il-Labra, il-Qoffa, l-Azzarin”, li tieħu bħala spunt it-traduzzjoni ta’ Warren.
Abbona