Opportunità Mitlufa

André Vella

F’din l-istorja huma diskussi d-dettalji ta’ mġiba awtodistruttiva.

Nispera li t-tifla liebsa s-seatbelt fuq wara. Mhux jien daħħaltha fil-karozza u ma tajtx kas meta tlajt.

Niżlin in-niżla lejn ir-roundabout, it-triq taħt l-Imdina, viċin is-Saqqajja. Triq rurali, f’nofs l-għelieqi. Ġurnata sħuna t’Awwissu. Ma kien hemm ħadd fit-triq, u mnalla. L-oħra qed taqleb mil-lane leminija għal-lane xellugija, ta’ barra. X’inhi tagħmel? U bla indicator, is-soltu. Mhux induru mar-roundabout suppost? Biex immorru d-dar irridu nieħdu t-tieni exit lejn Ħaż-Żebbuġ. Dik raqdet. Żgur raqdet! Ma kellix għalfejn inħares lejha, kont naf. Raqdet hi u ssuq. Kont ipparalizzat bil-biża, ma stajtx inħares lejha. Għajjatt, “Mar!” Xejn. Iċċassajt lejn il-ħajt tas-sejjieħ li kien qed joqrob. Erġajt għajjatt isimha. Xejn. Għollejt aktar leħni, “Marie!”

Qamet. “U hawn, ostja!” weġbitni bl-herra. Hekk sirna nitkellmu ma’ xulxin. B’ċertu ton belliġerenti, sarkastiku, dispreġġattiv. Imbagħad indunat x’qed jiġri, jew aħjar x’se jiġri. Se naħbtu. Kien tard wisq biex iddawwar l-isteering wheel…

Ġieni ħsieb. Idea meskina, krudili. Xi nies forsi saħansitra jemmnu li kien ħsieb frott ix-xitan. Ma nafx, għax ma nemminx. Idi marret fuq is-seatbelt tiegħi. Is-sebal-boċċu fuq il-buttuna l-ħamra. Ħarist ’l isfel. Buttuna ħamra, kbira. ’Qas naf kemm-il darba għafastha biex noħroġ mill-karozza. Min jaf intirx minn ġol-windscreen bħal tal-films? Tgħid veru hekk jiġri? Ridt nagħfasha imma subgħajja ma ridux jobdu. Bżajt. Ridt immut, xtaqt nispiċċa. Imma ma kellix biżżejjed kuraġġ. Ġietni opportunità tad-deheb. Li mewti ma tkunx suwiċidju, iżda omiċidju minn dik il-mara li poġġietni fi stat mentali li rrid intemm ħajti. Tgħid nimlieha l-knisja fil-funeral? Naħseb li iva. Naħdem fil-politika, u l-politikanti jħobbu jidhru. Imma trid tkun knisja żgħira, bħal ta’ Ħal Balzan, pereżempju. Fejn iżżewwiġna. Però qabel il-ħajt tas-sejjieħ hemm il-bankina. Bankina pjuttost għolja. Mhux biżżejjed biex twaqqaf il-karozza, imma biżżejjed biex tnaqqas il-veloċità. Ma kontx żgur li kien se jirnexxili. Ma rridx nispiċċa meqrud l-isptar. Jew mewt jew xejn. Tgħid għalhekk subgħajja ma ridux jiċċaqalqu, għax kienu jafu li l-karozza miexja bil-mod wisq?

Kienet qiegħda ssuq marti. Fil-verità, ma kienet marti xejn. Konna ilna tnax-il sena flimkien, miżżewġin kważi sebgħa minnhom. Imma sitt xhur qabel konna fl-aktar belt romantika tad-dinja, Pariġi, niġġieldu bħas-soltu. Hemmhekk iddeċidejna li l-ħajja miżżewġa mhix tajba għalina. Relazzjoni kkumplikata minħabba li tfal ma kellniex. Minħabba fija. Sperma batuta. Ma kontx naf qabel iż-żwieġ. Naħlef li ma kontx naf! Kulma kelli nagħmel, biex nevita dak kollu li ġara, kien li nġerrih ġo tazza fil-laboratorju tal-Capua f’Tas-Sliema, qabel ma tlabtha tqatta’ ħajjitha miegħi. Dak iż-żmien ħamsin euro kollox. Ġimgħa wara jkollok ir-riżultat. Imma bħal ħafna rġiel oħra ma ġitnix f’moħħi niċċekkja, anke jekk kont naf li hi riedet it-tfal.

Issa hawn qegħdin. Iddeċidejna li niddivorzjaw avolja mħabbti lejha kienet għadha b’saħħitha. Qaltli li mingħajri ma tgħixx, imma ż-żwieġ kien mażżra m’għonqha. Żgur nibqgħu koppja, qaltli. Żgur! Imma niddivorzjaw biex inneħħu ċ-ċurkett. Quddiem il-familja nerġgħu nilbsuh, għax m’aħniex se ngħidulhom għalissa. Dawk mhux se jifhmu. Għadu kmieni. Sitt xhur wara, għadhom ma jafux. Mhux talli ffirmajna l-karti għand l-avukat, talli ġew ipproċessati wkoll. Issa uffiċjali, koppja moderna li ċaħdet iż-żwieġ għax huwa simbolu t’oppressjoni.

Qattajna l-ġurnata l-waterpark man-neputija tagħha. In-neputija tgħix mal-ġenituri l-Ingilterra, u kull sajf jibagħtuha Malta man-nanniet, u saret tradizzjoni li tagħmel weekend għandna wkoll. Kieku oħt il-mara (xorta l-mara kont insejħilha), omm it-tifla, kienet taf li m’għadniex miżżewġin ma kinitx se tafdana, żgur l-ostja. Forsi għalhekk il-mara ma riditx li ngħidulhom lill-familji tagħna. S’issa ħadd ma jaf. Jien, il-mara u l-avukat biss jafu. Kienet ikkonvinċietni nżomm is-sigriet. Hi kellha sigrieti wkoll (imma dik storja għal darb’oħra). Ejja ngħidu biss li tfaċċa ħabib u kollega f’ħajjitha. Kont injorant u baħnan. Injorant għax il-verità ma kontx nafha, u baħnan għax nafda wisq. Forsi anki jien ridt inżomm is-sigriet tad-divorzju. Jekk jibqa’ sigriet, qisna għadna miżżewġin. Qisna għadna familja.

Kieku kelli t-tfal, xtaqthom ikunu bħan-neputija. Kellha viċin l-għaxar snin. Fuq tagħha, intelliġenti, dejjem tistaqsi. Tippreferi r-rota mit-televixin u mobile ma kellhiex. Kont inħobbha wisq. Kull darba li kont ngħannaqha kont ngħolliha u meta nerġa’ nniżżilha kont nimmaġina lili nnifsi bit-tfal tiegħi. Imma tfal ma kellix u qatt m’jien se jkolli. Hi kienet l-aktar ħaġa viċin tal-fantasija. Allura aktar inħobbha.

Konna qed insuqu lura lejn id-dar. Kien għadu waranofsinhar imma konna għajjenin mejta. Marie qaltli biex inkellimha għax se torqod. Kien fadal forsi għaxar minuti biex naslu Ħaż-Żebbuġ. In-neputija rieqda fuq wara. Wara xemxata kont għajjien jien ukoll. It-twieqi miftuħin, il-mużika għaddejja, u bdejt nipprova noħloq diskursata. Ma niftakarx fuq xiex bdejt nitkellem, imma xejn intelliġenti żgur. Il-gwerra Russa? Il-protesti biex isalvaw is-siġar? Onestament insejt. Wara ftit ma komplietx tweġibni. Kemm se ndum nitkellem waħdi? Skitt u komplejt ingawdi r-raba’ u l-ftit siġar li fadal Malta. Wisq probabbli din kienet se tkun l-aħħar darba li kont se nqatta’ weekend man-neputija. Kelli dwejjaq kbar.

Għalhekk kont naf li Marie raqdet. Għax kienet avżatni ħames minuti qabel.

Il-bankina għenet biex tnaqqas il-veloċità tal-karozza, imma mhux biżżejjed biex twaqqafha. Dik il-liba bankina għolja. Kieku mhux għall-bankina naħseb kont nagħfasha l-buttuna u nneħħi s-seatbelt. It-tajers ta’ quddiem mifqugħin u l-karozza tixkana mal-art, riesqa lejn il-ħajt…

Kont naf li għamlet sagrifiċċji kbar minħabba fija. L-IVF mhux ċajta. Jekk illum ma tħobbnix, xi darba kienet. Kont naf li l-ħabib il-ġdid, li kien għadu kemm ħassar minn mat-tfajla wara għaxar snin, seta’ joffrilha l-ħajja li riedet. Diġà kellu wild. Din is-sitwazzjoni ġibtha b’idejja. Ma ridtx immut eżatt, imma ma ridtx nibqa’ ħaj lanqas. Ħajti maqsuma fi tnejn, l-ewwel parti ngħix mal-ġenituri, it-tieni parti miżżewweġ. Ma nafx ħajja oħra. Kif se nkompli mingħajrha? Mewta f’aċċident hekk kienet perfetta. Jien nitlaq, u nħallilha ġidi kollu biex ikollha biex tieħu ħsieb it-tfal li se jkollha. Mhux għax hi bżonn il-flus, imma għall-inqas il-memorja tiegħi tibqa’ safja.

Imm’ostja madonna rġajt bżajt.

Nispera li t-tifla liebsa s-seatbelt fuq wara. Mhux jien daħħaltha fil-karozza u ma tajtx kas meta tlajt .

Dekorazzjoni art-nouveau