“Ma nistax nieħu nifs”,
Din hija l-kitba ppubblikata dax-xahar:
-
- Ġunju 2024
Nifs: Kaos u Poeżija
(tr Karl Baldacchino)
Introduzzjoni
F’dal-ktieb il-ġdid, li hu ddedikat lill-kundizzjoni ta’ qtugħ ta’ nifs kontemporanja tagħna, nirritorna għall-metafora tal-poeżija bħala l-unika triq għall-ħarba mis-soffokazzjoni. Illum il-poter hu bbażat fuq relazzjonijiet astratti bejn entitajiet numeriċi. Filwaqt li l-isfera finanzjarja hija ggvernata mill-algoritmi li jgħaqqdu l-frattalji ta’ xogħol prekarju, l-isfera tal-ħajja hija invaduta minn flussi ta’ kaos li jipparalizzaw il-ġisem soċjali u joħonqu n-nifs u jifgawh. M’hemm l-ebda ħarba politika minn din in-nassa: il-poeżija biss, bħala l-eċċess ta’ skambju semjotiku, tista’ terġa’ tattiva n-nifs. Il-poeżija biss tgħinna fl-apokalissi li diġà qed tifferoċja taħt l-effett ta’ deċennji ta’ assolutiżmu finanzjarju. Il-poeżija biss se ttaffi t-tbatija ta’ moħħ l-inġinier u ta’ moħħ il-poeta, u se tkun qed taġixxi biex treġġa’ lura l-ħakma tal-isfera finanzjarja fuq il-lingwa. The Uprising kien esej fil-ġenealoġija tal-qawwa finanzjarja, mil-lat tal-lingwa u partikolarment mil-lat “tal-emanċipazzjoni tas-sinifikat mir-realtà”, li antiċipat l-emanċipazzjoni tal-flus mill-ekonomija reali u l-kobba sħiħa ta’ astrazzjoni preżenti fl-aħħar seklu. The Uprising kien dijanjosi ġenealoġika. Nifs huwa esej fuq it-terapija. Kif ser naġixxu bis-soffokazzjoni li pproduċiet l-astrazzjoni tul l-istorja umana? Jeżisti ħruġ mill-katavru tal-kapitaliżmu finanzjarju.
-
- Ġunju 2024
Nifs: Kaos u Poeżija #1
(tr Karl Baldacchino)
Ma nistax nieħu nifs
Il-kaos u r-ritmu huma l-linja ta’ ħsieb ewlenija ta’ dan il-ktieb, li jterraq fl-apokalissi ta’ żmienna: fit-tieni deċennju tas-seklu wieħed u għoxrin, il-pajsaġġ mentali u x-xena soċjali huma mgħarrqa minn flussi ta’ skuntentizza u vjolenza. Fil-poeżija tiegħu, Hölderlin jipprevedi l-kaos tal-modernità u n-nuqqas ta’ nifs li ġej. Hija problema ta’ kejl, jgħid hu. M’hemm l-ebda kejl f’din l-art, għalhekk is-sens ta’ kejl tagħna (ir-ritmu) huwa biss projezzjoni tan-nifs tagħna: il-poeżija. Huwa għalhekk li l-bniedem jgħix poetikament, għalkemm “jistħoqqlu” mod ieħor. Hölderlin: “Jista’ bniedem iħares ’il fuq / Mit-tbatija totali ta’ ħajtu / U jgħid: Ħa nkun ukoll / Bħal dawn [allat]? Iva. Sakemm iddum it-tjubija, / Safja, ġewwa qalbu, jista’ jkejjel lilu nnifsu bil-ferħ / Kontra d-divin.”
-
- Ġunju 2024
Il-Kastell
Minn fuq is-swar tal-belt tara għoljiet imwieġ iħaddru— Irħula bojod u arbli ta’ knejjes ibaħħru. Minn fuq il-fortizza tilmaħ armati sofor ta’ lellux, ġarġir; Fit-toroq qodma l-bizzilla minsuġa tal-belt; Fi rkejjen, kull lewn tal-gżira jixxerred fuq tila. Mat-turġien dojoq taċ-Ċittadella żgħożitna ħolmot f’qarn qamar jitferra’; ħelsienna ttajjar maż-żifef sal-baħar; imħabbitna tnaqqxet mal-ħitan, daħket fil-ħemda.
-
- 05.06.2024
- Il-Kliem fit-Teorija
abjad
Sibt diffikultà nuża l-kliem “raġel abjad” biex ngħid “white male” bil-Malti. Bl-Ingliż, meta jintuża dal-kliem, dejjem hemm is-sens ta’ deskrizzjoni legali/ġuridika jew deskrizzjonijiet ta’ suspettati u kriminali fil-gazzetti u l-films; u allura l-kritika mibnija ġewwa t-terminu minnu nnifsu diġà. Bil-Malti m’hemmx dik l-użanza li “raġel abjad” hija kollokazzjoni li ġġorr dan is-sinifikat. Meta użajtha, ħassejt li tlift ftit minn dak li kont qed nipprova ngħid. L-istess għall-kliem assoċjat, eżempju “suġġett abjad”, “suġġett abjad tal-Punent”, “privileġġ abjad” jew l-iktar xieraq “vantaġġ abjad”.
-
- Djarju 13.03.2024
L-ewwel kitba dik kulma hi, tafal
Nixtieq inżomm djarju, biex forsi nsib irkaptu ta’ ħsibijieti u nġiegħel lil dawn l-ideat għażżenin jieħdu forma. Xtrajt ktieb ġdid apposta. Iswed u rqiq, jidħol fil-basket, bil-karti bojod bil-linji griżi. Hawn nikteb xi ħaġa ġdida, u bil-Malti. Ġieli nemmen li jien m’għandix xi ngħid; li m’għandix x’nikteb. Ngħid, jien min jien biex nistenna li xi ħadd ħa jaqra kliemi? Tifhmunix ħażin—dan mhux xi sinjal ta’ kemm jien dħulija. Dan sintomu nevrotiku. Din skuża, għax il-kitba diffiċli, taqlagħlek fwiedek, tirrikjedi ħafna xogħol. U jekk m’għandix xi ngħid, mela ’qas ħaqq il-battikata. Imma jekk int kittieba, tikteb trid. M’hemmx x’tagħmel. Forsi f’ħajja oħra niġi għasfur, dawk dejjem isibu xi jgħidu. Ili s-snin nikteb. Dawn l-iskużi mhumiex ġodda. Suppost ili li tgħallimt u aċċettajt li meta tibda tikteb xi ħaġa, mhix se tkun perfetta mill-ewwel. Jaf ma tkun perfetta qatt, anzi. Imma fil-bidu, l-importanti li jirnexxilek tniżżel xi ħaġa fuq il-paġna. Anki jekk tkun xi ftit tan-nejk. Il-kitba ġieli nimmaġinaha bħall-iskultura: irid ikollok biċċa tafal biex tibda tagħtiha forma. Ħa taħdimha u tarmi minnha mhux ħażin sakemm toħroġ il-figura li taqbel ma’ dik li kellek f’moħħok meta ġietek l-idea. U l-ewwel kitba dik kulma hi, tafal.
Abbona