Meta nagħlaq għajnejja, nara n-nar.
4 ta’ Mejju 2024
In-nanna tidher għajjiena, għajnejha ħomor u miksurin bħal stilla li għadha kif splodiet. Nistaqsiha jekk hix tħossha tajba. Tgħidli li qed tbati mid-deni tal-ħuxlief, hekk kif toħroġ tissue mitwija mill-clutch bag tagħha biex timsaħ imneħirha minn ġenb għall-ieħor.
5 ta’ Mejju 2024
F’messaġġ, J jgħiduli li raw gremxula u farfett abjad. Niltaqa’ ma’ C u L il-Belt għall-ħabta tal-16h. It-temp huwa sabiħ. Is-sema huwa superblù u l-arja hija pjuttost sħuna. Immorru għal kafè fil-post tas-soltu. C iwaqqgħu nofs il-kafè tagħhom mal-mejda kollha u fuq sieq L. Iktar tard, L jixtri ġelat u nistaqsih jekk il-ġelat huwiex vegan. Jgħid li ma tantx jimpurtah jekk il-ġelat għandux ħalib fih. R iċċemplilna, kienet fil-Lukanda Phoenicia mal-familja tagħha għat-te. Niltaqgħu magħha quddiem il-lukanda. Insuqu lejn il-Bajja ta’ San Tumas. Nimteddu ħdejn il-baħar. Għaddew iktar minn tmien sigħat minn meta tkellimna l-aħħar. Jibgħatli hello għall-ħabta tal-22h u jkollna konverżazzjoni qasira.
13 ta’ Mejju 2024
Inqum madwar is-7h minħabba l-istorbju li ġej mill-kostruzzjoni tat-toroq. Ir-raġel bil-flokk bil-kliem “Croatia Forever” jistaqsi lill-wejter x’forma hi l-pizza. Mhijiex tonda, jispjega l-wejter billi juża s-suba’ l-kbir u l-werrej ta’ kull id biex jurih. Hija tipo ovali, xi ħaġa hekk. Imbagħad, ir-raġel irid ikun jaf id-daqs, jekk hijiex żgħira, kbira jew tan-nofs, u l-wejter jerġa’ jifrex idejh din id-darba jipprova juri daqs, anki jekk jibqa’ jkabbar il-forma inviżibbli li hija maħsuba biex turi d-daqs tal-pizza u jibqa’ jkabbar u xi kultant iċekken.
16 ta’ Mejju 2024
Tifel bilqiegħda m’ommu fuq is-seat ta’ quddiemi jaqbad jirremetti imma ommu tpoġġi jdejha fuq ħalqu biex tipprova tikkontrolla r-remettar u minflok jispara kullimkien. Filgħaxija, S jibgħatli xi disinji oħra li ilu jaħdem fuqhom illum. Huwa kien qatta’ l-ġurnata kollha bilqiegħda fuq l-iskrivanija tiegħu jagħmel renders ta’ żraben fuq il-Photoshop għal Ushatava. Isemmi wkoll li waħda mill-klijenti tiegħu hija tant mitlufa. Nistaqsih jekk hux ifisser li ma tafx x’qed tagħmel u jekk hux moħħha fuq mitt ħaġa. Le, qisha diżorganizzata ħafna, iwieġeb. Milli jidher tmur ħafna parties u m’għandhiex kwiet, tħobb tixxala. Imma veru ħelwa minn daqshekk. Ngħidlu li m’għandi l-ebda idea kif ċerti nies għandhom tant stamina u enerġija, li jien tajjeb ħafna li noqgħod bilqiegħda qisni blata mejta. Imma hawn tant nies li huma lesti biex jieħdu gost. Imma tħobb tkun miġnun ukoll. Lol, clown. Dejjem taqra fis-sodda tiegħek, jgħidli. Iva imma m’iniex miġnun sexy, niktiblu. Dan xi jfisser? jistaqsi. Ngħidlu li m’iniex Julia Fox.
17 ta’ Mejju 2024
Jidher li x-xogħol tat-triq qed joqrob lejn it-tmiem, imma jien inqum kmieni għal darb’oħra. Filgħodu, immur il-ħanut tal-annimali domestiċi biex nixtri xi ikel għall-kelba. Ommi bagħtitli messaġġ biex tgħidli li għandi nagħmel hekk kemm jista’ jkun malajr, peress li l-kelba ilha ma tiekol mill-bieraħ filgħaxija għax spiċċalna l-ikel tal-klieb. Kienet ħallietli karta ta’ 50€ fuq il-bank tal-kċina. Infurmatni wkoll li fil-lift ħalliet tote bag mimli bi fliexken tal-plastik vojta li għandi nirritorna l-ħanut tal-ħaxix u nixtri żewġt ifliexken luminata, u li jekk irrid, nixtri xi frott. Inqatta’ filgħodu u waranofsinhar naqra, niekol toast bl-avokado — li ommi qaltli li għandi nikolha u mhux inħalliha hemm sa meta tiħżien kif nagħmel is-soltu — u bil-bajd, nagħmel xi sit-ups u push-ups, u nipprova naħseb dwar il-kitba.
24 ta’ Mejju 2024
Burdata ħażina l-ġurnata kollha għax S bilkemm jibgħat messaġġi. Acupuncture tard waranofsinhar. Ngħid lit-tabiba tiegħi li għalissa din se tkun l-aħħar sessjoni tagħna għax se nitlaq il-ġimgħa d-dieħla. Inħossni mdejjaq li se jkollna nieqfu għax tant ħassejtni kuntent li kienet qiegħda tieħu ħsiebi. Hi tagħtini xi eżerċizzji ġodda x’nagħmel biex insaħħaħ il-muskoli. Filgħaxija S imur għat-tnedija tal-All-In tas-seba’ rivista tagħhom. Għandi żewġ Heinekens u stikek tal-mozzarella quddiemi, waħdi f’bar Tal-Pietà u nħossni totalment stupidu. Il-ħin kollu nistaqsi lili nnifsi jekk hux se nirċievi messaġġ mingħand S li jgħidli li se jiltaqa’ ma’ xi wieħed. Nieħu taxi d-dar għax inħossni mdejjaq wisq biex inqatta’ siegħa fuq il-karozza tal-linja. Nasal id-dar f’għaxar minuti u jiddispjaċini li nfaqt il-flus fuq taxi. Norqod f’23h45.
25 ta’ Mejju 2024
Imbagħad nibdel is-suġġett billi nibgħatlu meme ta’ cardboard cut-out ta’ Ariana Grande mitfugħa fix-xmara qisha Ophelia. Immur Café Riche biex niltaqa’ ma’ L u S. S u jien nordnaw ftira bil-bacon u l-bajd u cappuccino bil-ħalib tal-ħafur u L jordna omelette tal-faqqiegħ u cappuccino bil-ħalib tal-ħafur ukoll. Nitkellmu dwar affarijiet li ma nħobbux dwar xulxin jew li naħsbu li huma d-difetti ewlenin tagħna. S jgħid li ma jħobbx li jien nisparixxi għal perjodu twil ta’ żmien jew inqatta’ żmien twil ma nitkellem ma’ ħadd. Ngħidlu li dak li jikkonċernani dwaru huwa li qatt ma jkun waħdu u jqatta’ wisq ħin madwar in-nies u nistaqsi jekk dan hux se jkun ta’ ħsara għalih fit-tul jew f’xi punt fil-futur. Imbagħad inħossni ħażin li għedt hekk. Nixtri brazzuletta taż-żibeġ tal-kwarz roża għal S u oħra għalija imma b’żibeġ iżgħar u iktar ċatti. Suppost din il-brazzuletta se tgħinni nkun iktar miftuħ għall-imħabba, kemm biex nirċiviha kif ukoll biex nuriha. Inġiblu wkoll shot glass li għandha par żejżiet ħerġin minnha u kalamita tal-friġġ bi stampa tal-orizzont tal-Belt Valletta bil-logħob tan-nar fis-sema. Nispiċċa The New Me ta’ Halle Butler. Kont qrajtu l-ewwel darba meta kont qed nistudja f’Kent. Naqrah mill-ġdid issa, inħossni eqreb lejn il-karattru prinċipali u l-mod tal-kitba tagħha.
30 ta’ Mejju 2024
Nispiċċa mmur il-bar kmieni għax ma ridtx ikolli nħallas kafè ieħor xi mkien ieħor biss biex inkun nista’ noqgħod bilqiegħda. Għal xi raġuni, hekk kif nidħol, nimxi lejn mejda fil-kantuniera. Il-wejter jitlobni biex ma noqgħodx fuq dik il-mejda jekk se nkun waħdi għax dik il-mejda hija maħsuba għal sitt persuni. Kien hemm tlett imwejjed tondi żgħar ħdejn xulxin, għalhekk assumejt li dak huwa biss it-tqassim tat-terrazzin, kif spiss ikun, imwejjed miġbura flimkien u maħkuka ma’ xulxin. Għalhekk noqgħod fuq mejda oħra b’erba’ siġġijiet għax għedtlu li qed nistenna żewġ persuni oħra. Naqra ftit paġni u nordna birra. Mejjet għal sigarett imma nsejt inġib lighter. Ma nħossx li nista’ nitlob lin-nies li qegħdin bilqiegħda warajja għax jidhru impenjati ħafna f’konverżazzjoni taħraq. Nibgħat messaġġ lil C biex nitlobhom iġibu lighter magħhom iżda jgħidu li diġà telqu mid-dar. Nibgħat messaġġ lil M biex nara jekk diġà telqitx u twieġeb iva, skużani .