Djarju #2
Warren Bartolo

Marlboro Gold, il-favoriti tiegħi, jgħidli

Warren Bartolo

Malli nqum nara fuq l-Instagram story ta’ xi ħadd li nieżla l-borra Pariġi u għalhekk niġri lejn it-tieqa biex nara. Nieżla ħafifa ħafifa. Qisha l-brija tal-ġar ta’ fuq, jgħidu B (li huma mdorrija jaraw borra iktar qalila), meta mmur naqbeż fuq is-sodda tagħhom biex nagħtihom l-aħbar. Għall-ħabta tal-12h15 tibda nieżla aktar qawwija. Mis-sodda tiegħi nħares mit-tieqa u naraha nieżla qisha ftit trabijiet bojod jitbandlu f’nofs l-ajru, li mbagħad jiġu interrotti minn daqqa ta’ ħarta tikek aktar animati. Ninnota l-veloċità li qiegħda tinżel biha. Din tinbidel kull ftit sekondi. Id-direzzjoni tinbidel ukoll sabiex raġġ wieħed ta’ borra spiss jinterċetta ieħor. Nilbes il-headphones u ndoqq “Madam Butterfly (Un Bel Di Vedremo)” ta’ Malcolm McLaren, li hija l-kanzunetta li Guillaume Dustan qed jisma’ u jiżfen għaliha f’wieħed mill-films tiegħu. Nagħfas rasi mat-tieqa waqt li noqgħod bilqiegħda fuq l-iskrivanija bajda tiegħi. Imbagħad nisma’ lil P.J. Harvey. S jerġa’ jgħidli kemm għoġbu l-film Anatomy of a Fall (2023) li rajna lbieraħ. Ngħinu jaqta’ xagħru fil-kamra tal-banju. Qatgħu pjuttost qasir u kellu bżonn l-għajnuna biex jagħmel il-biċċa ta’ wara. Niddeċiedi li mmur mixja għall-ħabta tal-16h. Waqt li miexi ħdejn l-istazzjon Marcadet Poissonier, mir-rokna t’għajnejja nilmaħ wieħed li tkellimt miegħu fuq Instagram xi ftit drabi. Imma nibqa’ miexi. Kantuniera wara, jibgħatli messaġġ biex jgħidli li rani. Se mmur passiġġata, ngħidlu. Jistaqsini jekk irridx immur miegħu biex jagħmel qadja. Għandu jiġbor xi ħaġa minn kumpanija tal-istampar f’Saint-Germain. Allura naqbad il-linja 4 u niltaqa’ miegħu barra Odeon. Jibda jgħidli dwar l-intervisti tax-xogħol li għandu. Waħda Antwerp u oħra Pariġi. Immorru għal kafè f’boulangerie fil-qrib. Nordna noisette u brioche biz-zokkor u hu jieħu Americano u pain perdu. Meta noqogħdu bilqiegħda, ineħħi l-kowt tiegħu u nara li liebes blazer. Kważi jiskuża ruħu talli liebes blazer. Jgħidli li raqad għand sieħbu dawn il-jumejn u ssellfu mingħandu. Mugler, jgħidli. Jibqa’ jgħidli dwar l-intervista tiegħu, li jkun tajjeb jekk jirnexxilu jġib ix-xogħol għax mid-dehra kumpanija tajba, is-sid ħabib ta’ Julianne Moore. Jistaqsini jekk studjajtx il-ġurnaliżmu u ngħidlu le, il-letteratura. Jurini ftit mill-portafoll tiegħu li għadu kif ġie stampat. B’mod attent, biex ma jtebbax il-paġni b’subgħajh li huma maħmuġin bil-pain perdu. Ngħidlu li għandi bżonn immur għax għandi niltaqa’ ma’ ħabibti. Fi triqitna lejn l-istazzjon ta’ Saint-Germain jitlobni sigarett ieħor. Marlboro Gold, il-favoriti tiegħi, jgħidli. B’nofs iż-żarbuna nirfes it-tarf ta’ rimettar li kien imxerred fuq il-bankina.


10 ta’ Jannar 2024

Waqt li jien għadni fis-sodda, S qiegħed fil-kamra tal-banju jisma’ diska li kont inħobb nisma’ xi sentejn ilu, però ma nistax niftakar eżatt x’inhi. Inqum u nistaqsih. Jgħidli li hi “Andromeda” ta’ Weyes Blood. Inqum u nnaddaf il-kċina, niħħuverja, u naħsel l-art. Nieħu shower. Nirċievi telefonata m’għand tad-delivery biex jgħidli li għandi pakkett jistennieni isfel. Ninżel għalih. Huwa ktieb — il-memoir ta’ Lucia Berlin. Għall-ħabta tas-19h, hekk kif se nitlaq mill-appartament biex immur niltaqa’ ma’ C, R, I u M għall-ikel, u waqt li S qiegħed fil-banju jipprepara biex joħroġ, B jiġu lura d-dar ma’ E u l-kelb tiegħu, Bruno. Kienu l-gym aktar kmieni llum u nassumi li wara baqgħu barra. Nimxiha sar-restorant fejn qalu li se nieklu. It-temperatura -1°C, imma lbist ħafna layers u leggings tat-thermal u għandi wkoll balaklava madwar għonqi. Ma nistax nilbisha kif suppost għax fuq rasi għandi l-headphones. Meta nasal, nordnaw immedjatament, l-ikel jiġi mill-ewwel u nitilqu madwar għaxar minuti wara li kulħadd ikun lest. Waqt l-ikel, b’xi mod, nitkellmu dwar il-Green Goblin minn Spider Man, u villains oħra bħall-Penguin, minn Batman. C ripetutament jirrimarkaw kemm kienu jibżgħu mill-Green Goblin meta kienu żgħar: Willem Dafoe just għandu wiċċ tal-biża. Imxejnieha sa La Fontaine għal drink. Ordnajt te tal-ġiżimin għax ma rridx nixrob alkoħol. Nitkellmu dwar il-pain perdu (għax C ordnaw waħda), Gypsy Rose Blanchard, u xi suġġetti oħra trivjali. R tgħidli li togħġobha ħafna l-hoodie ħamra li liebes jien. Ngħidilha li xtrajtha għal tliet ewro minn Guerrisol. Imbagħad tistaqsini jekk hux Slazenger u ngħidilha, mhux Puma? C jaqbżu u jgħidu, le ta, dik Slazenger u jien ngħidilhom li qatt ma ndunajt, dejjem assumejt li kienet tal-Puma. Il-konverżazzjoni tibqa’ dwar il-Puma u s-Slazenger u jien ninsisti li l-logos tagħhom huma tant simili li huwa faċli ħafna titħawwad liema hija liema (barra minn hekk, jien veru ma nagħtix kas). C jinsistu li mhux veru, li huwa ovvju ħafna u faċli biex tagħmel distinzjoni. Jgħidu li l-annimal fil-logo ta’ Slazenger qed jisprintja, u dak tal-Puma qed jaqbeż biss. Nilgħab max-xemgħa tat-tealight f’nofs il-mejda. Qed iżżomm f’wiċċ l-ilma f’tazza żgħira, iżda qiegħda mxaqilba għax għandha l-piż fuq naħa minnhom minħabba x-xama’ li nġabret u bbieset. Lura d-dar. Meta kienet għadha tifla u tgħix f’Mullan, Idaho, Lucia Berlin kienet timtedd taħt is-siġar tal-lelà u tieħu n-nifs. Għaliha, dan kien mument ta’ tqanqil. Is-siġar tal-lelà kienu l-ewwel vizzju tagħha, tgħidilna fil-memoir. Ninnota kif hi dejjem tagħti attenzjoni kbira lill-irwejjaħ: ħwejjeġ maħmuġin imxarrbin, imsiemer tal-qronfol, ikel li jkun mar. Nieħu nofs Xanax u nagħmel ftit minuti fuq TikTok qabel tmur għajni bija.


11 ta’ Jannar 2024

Għal xi raġuni qomt għall-ħabta tat-3h30 (forsi kienet spiċċat ħolma, jew forsi għax kienet tant kesħa). Nerġa’ norqod u nerġa’ nqum fid-9h30 u mmur dritt fil-kċina biex nagħmel kafè. Inkompli Welcome Home (2019) ta’ Lucia Berlin. B u S iqumu madwar l-istess ħin. S idoqq “Hello Darlin’” ta’ Loretta Lynn, kanzunetta li qed idoqq pjuttost ta’ spiss dan l-aħħar waqt li jkun għadu fis-sodda. Xi drabi jkantaha, drabi oħra jkantaha minn taħt l-ilsien. L-ewwel darba li r-raġel ta’ Lucia Berlin raha għarwiena, kien sorpriż meta ra l-iskoljożi tagħha, li hi sejħet id-difett ewlieni tagħha, “Illallu — kemm int asimmetrika. Fil-memoir tikteb, “Meta konna nkunu bilqiegħda fil-bars u r-restoranti, jew anki mal-mejda moderna tagħna tat-tik u fuq is-siġġijiet ibsin tat-tik, kien jippustjali l-partijiet ta’ ġismi. Jgħollili geddumi, jew idawru ftit lejn ix-xellug, ineħħili jdejja minn fuq il-mejda, iqegħedni nserraħ fuq minkeb b’id waħda miftuħa. F’nofsinhar niġi l-gym waħdi għax S għandu xi xogħol x’jagħmel. Din il-ġimgħa vera kienet kesħa. Kważi -1°C tul il-ġurnata kollha. Jien u miexi barra, wiċċi ma nħossux. V jistidinni għandu, f’Avenue du Docteur-Arnold-Netter, biex naraw film. Nitilgħu fil-kamra tiegħu u noqogħdu bilqiegħda fuq il-fitted carpet. Nitkellmu waqt li nieklu ċikkulata tal-Kinder fingers li xtrajtlu għax naf li hija ċ-ċikkulata favorita tiegħu. Jgħidli li ġurnata minnhom il-ġimgħa li għaddiet qam kmieni filgħodu u l-appartament tiegħu tant kien kiesaħ li ddeċieda li aħjar imur iċ-ċinema u jkompli jorqod hemm fis-sala fejn ikun aktar sħun. Għalhekk mar f’MK2 viċin tad-dar tiegħu u għażel film bl-addoċċ. Imbagħad, ħareġ miċ-ċinema għall-ikel u wara mxieha lejn Les Halles fejn ra tliet films oħra. Kien qed joħroġ miċ-ċinema wara kull film u jagħmel dawra madwar Les Halles. Għedtlu li meta kien bagħatli messaġġ biex jgħidli li ra erba’ films fiċ-ċinema f’ġurnata waħda ħsibt li kien ra erba’ films wieħed wara l-ieħor. Għamel abbonament u jħallas għoxrin ewro fix-xahar u jista’ jara ammont illimitat ta’ films f’MK2 jew UGC mal-belt kollha. Staqsejtu jekk għoġbux jew le Priscilla (2023), il-film il-ġdid ta’ Sofia Coppola — l-aħħar film li kien ra dakinhar. Jgħidli li jaħseb li hi storja tajba biex tagħmel film dwarha, u li kien hemm ħafna tfajliet fiċ-ċinema jirreaġixxu (u għalhekk ħa pjaċir u beda jagħmel bħalhom) għal dak kollu li kien qed jagħmel Elvis jew għal meta kien qed ikun verament asshole allura jaħseb li tajjeb li nuru stejjer bħal dawn u għalhekk nipprattikaw ir-reazzjoni f’ġesti żgħar tipo “maaa kemm hu asshole, Madonna, ma nistax nemmen li veru għamel hekk! Litteralment talabha biex tiżżewġu billi kemm qal, OK, issa se niżżewġu. Ikompli jgħidli li għoġbu iżda b’mod ġenerali sabu daqsxejn boring u stenna film aktar stil Sofia Coppola. Jgħidli Lost in Translation (2003) kien l-aqwa tagħha. Jaħseb li f’dak il-film u films bħal The Virgin Suicides (1999) stajna nħossu sens femminili tad-dinja li fiha rribellat kontra l-estetika ta’ missierha, iżda fi Priscilla spiċċat waqgħet fl-estetika tiegħu. Jgħidli li minkejja dan kollu m’hemm l-ebda mod wieħed kif għandna niġġudikaw il-films. Ukoll, Priscilla kien ir-raba’ film li kien ra dakinhar allura forsi kien għajjien. Min-naħa l-oħra, jgħidli, hemm films boring bħal A Single Man (2009), li fih hemm xena fejn Colin Firth u Julianne Moore jibdew jiżfnu fis-salott, u minkejja li huwa film boring, dik ix-xena tat tifsira lill-film sħiħ għalih u għadu jiftakar ix-xena u ħajritu jiżfen bħalhom fis-salott. Għalhekk, fi Priscilla, missu kien hemm ħames sekondi li fihom hi kienet tilgħabha tal-miġnuna d-dar, forsi tisma’ l-kanzunetta ta’ Elvis u tiżżuffjetta bih waqt li tagħmel uċuħ koroh u tgħajjeb, jew ġesti redikoli mal-mużika tiegħu. Ċjoè, hu ried xi ħaġa biex tkisser ir-rutina tal-film. V għandu heater portabbli tal-elettriku li qed jaħbi mill-flatmate għax hi t-tip ta’ persuna li ma tridx tuża l-heater minħabba l-kontijiet tad-dawl. Għalhekk xtara wieħed żgħir u meta ma jkunx qed jużah, jgħattih b’totebag tal-Mubi u jpoġġih ġewwa kaxxa u jimlieha bl-affarijiet S&M tiegħu. Iktar tard jgħidli li se jkun hemm retrospettiva ta’ wieħed mid-diretturi favoriti tiegħu, Wong Kar-wai, u għalhekk forsi se jagħmel ġurnata oħra fiċ-ċinema jara l-films tiegħu. Jgħid li l-films tajbin tiegħu huma dawk tal-aħħar tas-snin tmenin. Id-disgħinijiet kienu l-qofol tiegħu, imbagħad fl-2004 kellu film tajjeb ħafna u wara l-2004 beda jaħdem ma’ Hollywood u sar pjuttost kummerċjali. Jiddeskrivi l-films tiegħu u jgħid xi ħaġa bħal kuluri tan-neon, kuluri taż-żfin, postijiet skuri, żgħar ħafna, angoli stretti fejn jiltaqgħu u jagħmlu xi ħaġa. Għandu film bi storja romantika bejn żewġ gays li jemigraw lejn Buenos Aires u jgħidli li fil-music video ta’ Troye Sivan ta’ “Got Me Started”, hemm żewġt irġiel jiżfnu t-tango fil-kamra tal-banju u din hija referenza għal Happy Together (1997) ta’ Wong Kar-wai (il-film gay). Jgħid li l-irġiel gay ta’ ħamsin sena jħobbu lil Wong Kar-wai minħabba dix-xena tat-tango li kienet ħaġa kbira fis-snin disgħin, u rebaħ il-premju għall-aqwa direttur f’Cannes. Ikompli jitkellem dwar films iċċentrati fuq ir-rutina, bħal Perfect Days (2023) u jqabblu ma’ Jeanne Dielman, 23 quai du Commerce, 1080 Bruxelles (1975) ta’ Chantal Ackerman. Naraw film jismu Afire (2023), ta’ direttur li V iħobb ħafna wkoll. Huwa dwar żewġt iħbieb li jmorru f’dar ta’ missier wieħed minnhom fil-kampanja. Wieħed minnhom qed jipprova jlesti l-manuskritt għall-ktieb tiegħu u l-ieħor qed jaħdem fuq il-portafoll tal-fotografija tiegħu. Jogħġobni, imma mhux wisq. Jien u V kważi nispiċċaw kaxxa sħiħa ta’ sittax-il ċikkulata Kinder fingers waqt li qed naraw il-film (inħallu tnejn). Wara li nlestuh, immorru mixja minn Nation. Il-kesħa hija tant intensa li widnejja jibdew juġgħuni u V jaqbadhom u jgħattihom b’idu u nimxu hekk sakemm naslu fl-istazzjon tal-linja 9 u mmur id-dar. S u B qegħdin il-philarmonie ma’ E u I. Insajjar l-orzo bil-bajd u z-zucchini (l-uniċi affarijiet li għandi fil-kċina) imbagħad dritt għas-sodda. S jasal lura d-dar waħdu għall-ħabta tal-23h u naraw Raging Grace (2023) fuq it-televixin, li beda bħala film mill-aqwa u mbagħad b’xi mod ħa xejra mhux daqshekk eċitanti.


24 ta’ Jannar 2024

J jgħiduli li lbieraħ filgħaxija ħallew xi ħwejjeġ li kienu għadhom kif xtraw fil-gallarija u dalgħodu ndunaw li kienu taru fuq is-silġ imdewweb fit-triq matul il-lejl. Nagħmel kafè għal S u B, imbagħad nibda naqra About Ed (2023) ta’ Robert Glück, li xtrajt għal S, iżda naf li mhux se jibda jaqrah dalwaqt.


25 ta’ Jannar 2024

Ilbieraħ filgħaxija ħlomt li mort fuq date ma’ wieħed li kont nafu ftit meta kont iżgħar. Fil-ħolma, hu kien ġentili ħafna miegħi. Morna f’post imsejjaħ Għajn ix-Xitan (li naħseb li ivvintajtu f’moħħi jien) u li kien post bil-ħaxix xi mkien rurali f’Malta .

Dekorazzjoni art-nouveau