Ilu biss ftit eluf ta’ snin li
Din hija l-kitba ppubblikata dax-xahar:
-
- Settembru 2024
Il-Magna
tal-Qari Għal żmien twil, il-magni se jkomplu jipproduċu testi banali. Għal żmien twil se jkunu tajbin biss biex jiktbu r-rapporti finanzjarji u d-deskrizzjonijiet tat-tqassim tal-kmamar tad-djar għall-bejgħ. Imbagħad bil-mod il-mod jibdew jipproduċu testi li kapaċi jsibu posthom fit-truf medjokri tal-finzjoni tal-ġeneru, u għad ikun hemm bosta qarrejja li jsibu żvog u forsi anki faraġ fil-proża mhux wisq impenjattiva tagħhom. Biż-żmien, jibdew jitfaċċaw l-opinjonijiet fuq il-websites tal-gazzetti, jgħidulna li fil-fatt dawn it-testi l-ġodda mhumiex ħżiena daqskemm taħseb eh, li fil-fatt dejjem qed isiru aħjar. Xorta waħda mhux se naqbdu u naċċettawhom hekk, f’daqqa waħda. Kultant ikun hemm pass ’il quddiem u tnejn lura. Forsi t-testi awtomatizzati jkunu moda għal xi żmien, imbagħad wara l-voga għall-awtomazzjoni letterarja, inkunu rridu nerġgħu lura għall-kitba maħduma bl-id; bħalma kien ġralna bin-Nescafé. L-esperimentazzjoni u l-innovazzjoni jkunu ppreġjati aktar minn qatt qabel għax jitqiesu kapaċitajiet unikament umani. Imma eventwalment anki dan se jitgħallmu l-magni. Xi darba se jitgħallmu jinterzjaw l-innovazzjoni mal-patrimonju, se jkunu jafu jużaw il-lingwa ta’ kuljum u l-idjoma letterarja u jikkuntrarjawhom biżżejjed biex jibnu xogħlijiet fil-lingwa li joħolqulna dinjiet ġodda fiex ngħammru, toroq ġodda fejn jimraħ moħħna, modi ġodda kif naqsmu qalbna u kif nippruvaw nikkunslawha. Jgħallmuna nixxennqu għal affarijiet li qatt u qatt ma jista’ jkollna għax ikunu xewqat ifformati fuq il-pjan metafiżiku tagħhom. Forsi dan kollu se jieħu ħafna żmien. Forsi se jieħu ħamsin sena, jew mitt sena, jew elf; imma xi darba żgur se jkollna magna, intelliġenza artifiċjali, li tkun kapaċi tikteb rumanzi u esejs u bijografiji u poeżiji u tagħmel traduzzjonijiet li jkollhom dik il-kwalità misterjuża li aħna nagħrfu bħala letteratura, u dan tagħmlu fuq livell li qatt ma nkunu rajna qabel.
-
- Djarju 24.06.2024
Bħal mera maħlula f’għadira mfawra
Ħarisna ’l fuq u smajna l-għajta ta’ Nakiryu, id-dragun impitter fuq is-saqaf tat-tempju fil-maqdes ta’ Toshogu, tidwi mad-daqqa tal-klavi minn dak li kien qed jispjegalna dwar il-gwardjani Ċiniżi abbinati mas-snin—il-ġurdien, is-serduq, id-dragun… Meta ħriġna mit-tempju, imxejna fil-kwiet—xi ftit mgħaġġlin biex illaħħqu qabel jibda jidlam—lejn ix-xmara. Hemmhekk qsamna l-pont biex immorru nfittxu l-Jizo, dawk il-mijiet ta’ statwi u ġebliet bil-kappun u l-vavalor aħmar skjerati maġenb xulxin tul it-trejqa qalb il-ħdura selvaġġa tal-foresta, bl-ilmijiet imqanqla faċċata tagħhom. Jgħidu li jekk tgħodd l-istatwi int u dieħel u terġa’ tgħoddhom int u ħiereġ, in-numri ma jaqblux. Bdejt ngħodd imma kien hemm wisq minnhom u waqaft. Emmint li l-għajdut huwa minnu għax stħajjilthom qed jieqfu jiċċaqalqu biss xħin inkun qed inħares lejhom jien; kull wiċċ b’ħarsa differenti minn tal-ieħor, se jibdluha malli nitlaq minn quddiemhom. L-ilma jkompli jitqanqal u, f’dak il-punt magħruf bħala l-Abbissi, tant isir feroċi li jtarraxlek widnejk. Kalma fuq naħa, qilla fuq l-oħra. Kont ilni s-snin nistennieh il-mument li nerġa’ nkun f’dal-post imsaħħar f’Nikko.
-
- Settembru 2024
Nifs: Kaos u Poeżija #3
(tr Karl Baldacchino)
Il-kaos u
l-barokk Fis-seklu sittax, il-kultura Spanjola kienet speċi ta’ teatru ta’ proliferazzjoni vertiġinuża ta’ perspettivi li José Antonio Maravall sejjaħ “kosmoviżjoni barokka”. Folol taʼ nies ġejjin mill-kampanja ħakmu l-ispazji urbani, u r-riefnu ta’ esperjenza urbana li segwiet ipprovokat inflazzjoni ta’ tifsir u speċi ta’ splużjoni tal-identità. Fl-istess sena li Kristofru Kolombu niżel fuq l-art Amerikana, il-ħakkiema Spanjoli ordnaw it-tkeċċija tal-infidili. Il-pajjiż kien għadu ħiereġ minn tliet sekli ta’ gwerra reliġjuża: l-identità reliġjuża, l-identità etnika u l-identità soċjali issa daħlu fit-taqlib tal-modernità. L-interrogazzjoni bażika kellha x’taqsam mal-fidi reliġjuża u l-appartenenza etnika: f’kelma waħda, mal-identità, kunċett bla sens u nassa psikoloġika. Fil-kuntest Spanjol tal-aħħar tas-seklu ħmistax, “Int min int?” kienet mistoqsija doppja. Kienet tfisser, x’inhi l-oriġini tiegħek? Inti Nisrani pur jew l-antenati tiegħek tħalltu mal-infidili? Fl-istess ħin kienet tfisser ukoll, x’pożizzjoni soċjali għandek?
-
- Djarju 09.08.2024
Żewġ xjaten
bil-qrun ubil-ġwienaħ bluNgħum f’parti iktar ċara, iktar qrib l-irdum. Missier juri lil bintu bebbuxu li kien għadu kif qabad minn qiegħ il-baħar. It-tifla tistagħġeb u tgħid kemm hu sabiħ u tistaqsih jekk jistax joħroġ il-bebbux biex iżżomm il-qoxra imma hu jgħidilha le. Ngħum daqsxejn aktar ’il bogħod. Tliet subien qed jaqbżu mill-blat u kulħadd iħares lejhom. Ngħir għalihom għax jien qatt ma kont naf naqbeż hekk, la dritt wisq u lanqas nagħmel kutrumbajsi jew xi qbiż elaborat ieħor. Qatt ma kont hekk. Meta ndur, il-ġenituri li rajt qabel qed jitkellmu ma’ anzjana fil-baħar, snienha sofor-oranġjo u bla ħuġbejn. Jgħidu xi ħaġa dwar ġmiel momentanju b’sentenza li tispiċċa bil-kelma “għalissa”. Xi nies iħobbu l-qerda u l-vjolenza, tgħid l-omm, binti talbitna iktar kmieni biex noqtlu bebbuxu għaliha. Imma għaliex għandna nagħmlu hekk? tistaqsi l-omm b’mod retoriku. Jekk huwa ħaj, nistgħu nerġgħu npoġġuh fil-baħar, jgħid il-missier, u napprezzaw il-ġmiel tiegħu biss. Kollox jiġri fil-baħar.
Abbona