1.
Magna ta’ tifel qaddis
ġwienaħ tal-kromju
ħaddejn roża.
Tifel ħelu, snien jaqtgħu.
Tifel ħelu ma jaħraqx.
L-aktar ħaġa ratba li qatt rajt.
Emo-
zzjonali wisq biex jiddomina.
Ħadd ma għallem
lil din il-ħaġa tkanta.
Dmugħ tal-kromju
biżgħat blu tat-trabi.
Farfett tal-body shop
tifel qaddis
ġugarell imħassar.
Magħmul biex jibki
magħmul biex itir.
L-anġlu jasal
mid-duħħan tal-egżost.
Ġwienaħ ikaxkru x-xrar
fuq bankina tal-konkrit
jaħbu l-ġrieħi.
Subien sbieħ, weqfin
l-anġli għadhom jaqgħu.
Metall artab
petala tqila.
Tifel dragun
ħoss delikat.
Is-subien l-aktar rotob ikabbru
l-aktar ġwienaħ jaqtgħu.
Dan il-ġisem
irid jittrasforma.
2.
Ġisem magħmul mill-ilma
imma fejn inbattlu m’għandix.
L-ebda loki
ma jaċċettani.
Imma nibża’ ma rridx.
Għomejt ġol-ibħra
mal-mewġ u l-ħut aggressiv
imma mhux daqs il-bnedmin.
Bil-jetski għamilt 360 degrees
bqajt indur qisni fis sakra
bl-inbid.
Jien ġismi ma jbidx.
Lanqas itir.
Imma fl-immaġinazzjoni għandi
tfal u ġwienaħ kemm trid.
Irrid nogħdos fil-fond
imma rrid nikteb dil-kelma bl-Ingliż.
Irrid nogħdos DEEP.
Ma nismax iktar
taħwid u tgħajjir.
Widnejja bblukkati
juġgħuni imma mhux
daqs il-kummenti ta’ madwari.
Nintilef minn sensija.
Insib tip t’armonija.
Niekol biċċa ħaxixa
u ngħid l-ave marija.
Il-pipì sħun ċarċar ma’
sieqi pjuttost sufija
u l-borża battaltha
mill-agunija.
3.
Mgħaġġel mingħajr ħsieb
saħħa u veloċità.
Inħares lejn il-mera ma naħsibhiex.
Ma naħsibhiex darbtejn ninżel fuq l-erba’ saqajn tiegħi
u tal-annimal li jien nagħmel tletin push up.
Inqum il-mera ma nħarsilhiex.
Niftaħ il-fridge nixrob belgħ’ilma minn ġol-flixkun.
Iċarċar ma’ geddumi u ma’ sidri fuq is-swaba’ ta’ saqajja
jsib postu mal-art.
Inġib biċċa xotta u nimsħu dritt.
Mużika m’għandix qiegħed fil-kwiet
imma m’għandix kwiet.
Il-kostruzzjoni drajtha wisq.
Storbju ta’ sikwit nitfixklu
mal-ħsibijiet.
Ħsibijiet li naħrab minnhom bħat-tiġieġ
it-tiġieġ li niekol ta’ spiss
ilni żmien ma mmur tieġ
iż-żwieġ mhux madwari ta’ sikwit.
U taf meta nkun kwiet?
Meta noħroġ barra mal-ġiex fekruniet
u kalma kbira taqa’ fuqi qisni raġel li nbdilt.
It-togħma ta’ ħalqi tajba daqs il-bettieħ
għajnejja qishom ġiex lewżiet.
Il-muskoli rtab bħal dak ir-rix li jtir mar-riħ.
4.
Nilgħab bil-kliem.
Mal-ħoss tal-werżieq
l-għaraq inħossu jċarċar
mal-qalziet
ta’ taħt.
Nitqalleb mal-friex
qisna tajnieha għall-ġlied.
Imma aħna għadna ħbieb.
Qed niġġieldu fl-imkien
kontra l-għadu li suppost ilu li tilef
żmien.
Biki u tgħeżżiż tas-snien
jimxu id f’id bħan-namrati.
Id-dwejjaq tas-subien
għadu jrid isib xi forma ta’ ħelsien.
Imma mhux fil-carwash jew fiż-żipp
jew mingħajr kliem.
5.
Dik iż-żiffa ta’ filgħaxija
naħseb ma’ min ħa ngawdiha.
Mal-ħoss tal-magna
u dawk il-ftit weraq tas-siġar
li għandhom ftit nixfa
bħal xufftejja u griżmejja
meta ninsa nisqihom
għax għadha lejla xitwija.
Insuqu fit-triq u fil-ħsieb
lejn triq li għadha ma eżistietx.
Emozzjonijiet jinħassu iktar
milli viżjonijiet.
Baħħ aħjar minn dawk
l-agunijiet.
Il-laguna nista’ naraha
fit-tarf tat-triq.
Tegħmiżli u tpespisli
tittantani sexy.
Ma nafx jekk tridnix
nisparixxi jew nibda npinġi
mappa.
Mappa li tilqa’ lil kulħadd
fuq vjaġġ ta’ sigurtà.
U hemm nieqaf f’salt.
Minflok nibki u nogħxa
nfaqqa’ d-daħk.
Daħk li jbeżżgħek
jikkundannak.
Xi ż-żobb għadek tagħmel
hawn ja iblah indannat?
6.
U dik il-vina ġo nofs moħħi
li b’kull kedda u b’kull qabża
naraha tippompja qisha ħa tixpakka.
Meta tidħol tistaħba
qalbi tħossha.
Għax vini maskili,
għalkemm hemm ħafna minnhom femminili,
narahom sbieħ daqs pereżempju
d-denfili eleganti u aggressivi.
U meta jiħdulek id-demm
mal-ewwel darba l-labra
tidħol bħal ċavetta
ġo dik is-serratura
li tkun għadek kif dortha
bid-WD40.
Jew bħas-sikkina taqta’
ġol-butir li tkun ħallejt barra
li kważi jkun iktar ħalib.
U hekk wara ftit
tistenna mingħand it-tabib
li r-riżultati mhux moħxijin
u għad għadek biċ-ċans
li tkompli tilgħab dil-logħba
tat-tajjeb u l-ħażin.
7.
U bħal funtana
b’ħalqi miftuħ
iggargarizzajt l-ilma.
Ġol-istonku
ħafna ħut.
Ix-xewk kibirli
u sirt qanfud.
Tinduna li mbeżża’
għax iqumli aħrax
issa s-suf.
Mhux artab imma
jniggeż bħal meta
toħroġ il-mus.
Ma tridx toqtol
imma tipproteġi lilek
minn dawk li qed
jistennewk biex joqtluk.
8.
Erba’ ħitan
bla pjan
ħela bla rażan.
L-ikel saħan.
Ir-raġel saħan.
It-temp saħan.
U bħal blokka
silġ qasam
it-triq biex
biex ifittex
bieb.
Qalulu hemm
ġew se tfiq.
Ġewwa kien mimli tfief.
Ma kienx hemm elufijiet.
Malajr tgħallem
li ma tantx kien
baqagħlu żmien.
Ħataf dak li sab
u tefgħu fil-karus.
Talb, tfief, ġirien
gremxuliet.
Il-bieb forsi
ġablu ftit ħelsien.