•  

Proċess editorjali

 

It-tfassil ta’ kull biċċa xogħol jibda minn xhur qabel. Il-proċess huwa wieħed kollaborattiv b’involviment editorjali qawwi bejn Aphroconfuso u l-kittieba. Dan normalment jibda minn stedina min-naħa tagħna biex niftħu konverżazzjoni dwar xogħol letterarju li ż-żewġ naħat huma interessati jipproduċu. Wara l-ewwel darba li nitkellmu, infasslu skeda għall-abbozzi u nipproponu data tal-pubblikazzjoni. Fil-proċess ta’ kitba aħna nkunu involuti bħala edituri. Nixtiequ li x-xogħol isir b’ritmu komdu u sostenibbli għaż-żewġ naħat, bi skadenzi ġenerużi. Irridu li bħala edituri nkunu ta’ appoġġ kbir għall-kittieba.

Minkejja li ma nagħmlux għajta ġenerali għal sottomissjonijiet, kittieba interessati xorta huma mistiedna jikkuntattjawna. Madankollu, ma nippubblikawx xogħlijiet lesti li ma jkunux għaddew mill-proċess editorjali msemmi hawn fuq. Nemmnu li d-direzzjoni editorjali hija iktar kruċjali f’ġurnal online, peress li m’hemmx kontenitur materjali biex jagħti forma estetika lill-kitba. Bħala edituri aħna nkunu involuti iktar milli forsi huwa soltu f’bosta ġurnali letterarji. Dan għal diversi raġunijiet, fosthom biex il-ġurnal ikun sostenibbli. Minflok ma nużaw l-enerġija tagħna ngħarblu ammont kbir ta’ sottomissjonijiet, nużawha biex noħolqu spazju għal xogħol li kieku ma jinkitibx. L-għan tagħna mhuwiex li l-ġurnal ikun vetrina għal kitba li diġà qiegħda tistenna fil-kxaxen imma li niġġeneraw xogħol — u ħsieb — letterarju ġdid ma’ kittieba li nħossu affinità mal-kitba tagħhom.

Aħna interessati li jkollna taħlita tajba ta’ kittieba stabbiliti u kittieba ġodda, b’enfasi kbira fuq kittieba ġodda, jiġifieri dawk li mhumiex diġà fix-xena letterarja, iżda forsi ġejjin minn oqsma oħrajn, minn fergħat oħrajn tal-arti (jiġifieri mhux kittieba biss imma anki artisti, attivisti, eċċ.). Ix-xogħol finali huwa dejjem ta’ livell letterarju, jew li għandu post f’ġurnal letterarju.

Il-ġurnal huwa b’xejn għall-qarrejja kollha u għalhekk m’hemmx dħul minnu. Meta nkunu stabbiliti nibdew naħsbu biex nistampaw ġabriet u xogħlijiet oħrajn li jkunu dehru online. Għal dawn il-pubblikazzjonijiet se nfittxu fondi (pubbliċi, crowdfunding, eċċ.) u f’dak il-każ inkunu nistgħu nħallsu lill-kontributuri

Internament għandna r-riżorsi biex nipproduċu preżenza online (sit, podcasts, socials, eċċ.). Dan xogħol li għandna esperjenza twila fih. Ħadna d-deċiżjoni li fl-ewwel sena naħdmu bir-riżorsi li għandna u nagħtu prijorità lix-xogħol letterarju nnifsu mingħajr ma jkun hemm indħil minn barra li jista’ jikkomprometti l-kwalità, l-istruttura u l-kontenut. Nemmnu li huwa importanti li t-tfassil u l-bini ta’ dal-proġett isiru qabel ma tinħoloq xi dipendenza fuq sorsi ta’ fondi jew korpi pubbliċi.

Id-drittijiet fuq kull xogħol li jidher fuq aphroconfuso.mt, jew li nippubblikaw b’xi mezz ieħor, huma miżmumin mill-awtur. Il-ftehim isir b’mod ċar permezz ta’ email li tinkludi b’mod sempliċi t-termini li naqblu fuqhom. Aħna jkollna d-dritt li nippubblikaw ix-xogħol online għal perjodu indefinit u l-għażla li nippubblikawh darba f’forma stampata. Kif għedna, ix-xogħol jibqa’ tal-awtur li tista’ tagħmel bih li trid. Naturalment, nistgħu niftiehmu mal-kittieba dwar xi eċċezzjonijiet. Aħna naraw l-involviment tagħna fil-kitba nnifisha tul dal-proċess bħala wieħed editorjali u mhux ta’ sjieda.

Irridu li l-ġurnal ikollu stil distintiv. Naturalment, speċjalment fil-każ tax-xogħol letterarju, dan ikollu jilgħab b’mod kreattiv mal-istil tal-kittieba nnifishom. Il-proċess editorjali se jkun intensiv ma’ kulħadd. Ovvjament, mhux se jkun l-istess f’kull każ peress li kull xogħol ikollu bżonn il-proċess partikolari tiegħu.

Dekorazzjoni art-nouveau