Kemm hi tagħna
Din hija l-kitba ppubblikata dax-xahar:
-
- Ottubru 2023
Żerriegħa
Fil-ħarifa tal-2020, fil-bidu tat-tieni lockdown, żrajt żerriegħa għall-ewwel darba f’ħajti, u r-raħs ta’ idea rabba l-għeruq. Dak iż-żmien konna f’nofs il-pandemija: in-numri—l-infezzjonijiet, il-pazjenti l-ICU, u l-imwiet—kienu telgħin, u konna qegħdin niffaċċjaw xitwa twila u kiefra. Malta kienet tinħass ’il bogħod ’il bogħod—’il bogħod wisq minn dan l-appartament żgħir f’Londra. Iż-żmien kien għaddej b’pass illajmat imma goff, ma jċedi xejn. Ħassejt in-nuqqas ta’ familti, kont ili xhur twal ma narahom, u l-ivvjaġġar kien għadu perikoluż. Kien għad ma kellniex vaċċin biex itaffi l-periklu ta’ dan il-virus li kien qiegħed jeqred tant nies. Bl-ansjetà ttextex f’żaqqi, kont qisni għasfur b’qalbi tgħaġġel, kollni ttikazzjoni u enerġija bla skop.
-
- Ottubru 2023
Bur Mgħeż #2
Dfintha
fil-libsa li mietet fihaFl-immaġinarju Malti, l-esproprjazzjoni tal-art minħabba sejbiet arkeoloġiċi għandha post kurjuż ħafna u tqanqal emozzjonijiet ambigwi. Waqt li qed nimxu fl-Isqaq tal-Isqof, infittxu bit-tromba l-fdalijiet tat-toqob tal-Għar ta’ Bur Mgħeż fil-ħitan tal-barriera tal-armata maġenb l-ajruport, Frans qalli li missieru kien jiftaħar li taħt id-dar tagħhom kien kollu oqbra: il-kuntrattur kien radam kollox bis-siment u ma qal xejn għax jiġu tal-Gvern u jwaqqfulek ix-xogħol. Imma Frans kien ambivalenti dwar dan. Ta’ ġuvni kien jaħdem fil-barrieri imma wara li spiċċa l-iskola kompla l-Università. Studja, qara, u llum jagħmel repliki żgħar tal-figurini Neolitiċi ta’ Malta għall-gost. Meta jmur jistad matul il-lejl ma’ xatt il-baħar taħt l-irdum tal-Imtaħleb, inaqqax uċuħ fuq iċ-ċagħaq lixx biex ma jkunx waħdu. Darba nżilt miegħu u wrieni l-uċuħ ta’ dawk li miegħu jgħaddu l-lejl jistennew li r-ril tal-qasba jiġbed. Qalli li oqbra hawn biżżejjed; m’hemmx għalfejn nossessjonaw bil-passat. Kampjun żgħir biżżejjed. Kellimni fuq l-idea li tordom il-qedem, u li miegħu terġa’ tidfen il-midfun. Ħadd ma jiftaħar li kisser xi sejba; it-tifrik m’hemmx ġustifikazzjoni għalih. Imma li terġa’ tordom kollox iva. Wara kollox, mirdum kien, u billi noħorġuh ma jfissirx li qed nistudjawh sew, jew li għandna l-apparat biex neżaminawh u nerġgħu npoġġuh lura f’postu. L-iskavi wkoll huma selħiet f’laħmet l-art, ftuq tal-materja tal-passat li laħqet tfarrket, tmermret, tbielet u saret ħaġa waħda mal-konglomerat ta’ madwarha. Qalli li kif jaħsibha hu, għalkemm il-Gvern jesproprja sit biex jieħu ħsieb il-qedem ta’ ġo fih, biex jipproteġih, biex tiġi studjata s-sejba u b’hekk jikber l-għarfien tagħna tal-passat, fil-verità f’dan id-diskors jiġu fuq quddiem il-bżonnijiet elitisti tax-xjenza. Ħafna drabi dan jiġi ġġustifikat bħala wirt nazzjonali, lokali, jew anki universali u minħabba f’hekk jitwarrbu kemm il-bżonnijiet tal-komunità kif ukoll ir-rabtiet li l-komunità eżistenti għandha mal-lokalità.
-
- Ottubru 2023
Kontra Tagħna Għaliex Magħna
Meta wara sentejn f’idejn il-Franċiżi, fl-1800 l-ġżejjer Maltin sabu ruħhom taħt il-ħakma Ingliża, skont it-Trattat ta’ Amiens kellhom jerġgħu jgħaddu lura għand il-Kavallieri biex ikomplu jmexxuha huma bħala pajjiż “newtrali”. Il-qassisin, in-nutara, l-avukati u l-kummerċjanti Maltin tal-“Congresso”, li sa ftit qabel kienu qed imexxu l-insurrezzjoni kontra l-Franċiżi, beżgħu li dan kien ifisser li malajr jerġgħu jiġu taħthom għax l-Ordni kienet iddgħajfet sew u żgur ma kinitx tiflaħ għal Napuljun. Għalhekk, il-104 membri ta’ dan il-kungress kitbu “Dichiarazione dei Diritti degli Abitanti delle Isole di Malta e Gozo”. Ma kinitx dikjarazzjoni radikali bħal dik tal-Indipendenza ta’ Haiti ta’ sentejn wara, li abolixxiet l-iskjavitù, ċaħdet kull rabta mal-kolonjalisti Ewropej u ħalfet il-libertà jew il-mewt. Dik Maltija kienet dikjarazzjoni liberali bl-eku Illuminista ta’ dik tal-Indipendenza tal-Istati Uniti fl-1776 u tad-“Dikjarazzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u ċ-Ċittadin” fi Franza, tlettax-il sena wara. F’disa’ punti, id-dikjarazzjoni elenkat speċi ta’ kuntratt. Iktar milli stqarrija ta’ drittijiet indirizzata lejn l-ispirtu etern tal-Bniedem, kien quid pro quo ċar u pragmatiku indirizzat lir-Re tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda u d-dixxendenti tiegħu bħala sovrani fuq il-gżejjer “għal dejjem”. Dan in-nisel nobbli, min-naħa tiegħu, kellu jagħti lill-pajjiż kostituzzjoni li biha kunsill elett mill-“poplu” ikollu dritt jiġbor it-taxxi u jmexxi ’l-pajjiż. Ir-Re ma kellu jindaħal la fit-tmexxija interna tal-pajjiż u lanqas fil-ħajja reliġjuża tiegħu. In-nies—insomma, “gli uomini liberi”—kellhom id-dritt josservaw liema reliġjon riedu, igawdu l-proprjetà tagħhom u jkunu suġġetti biss għal-Liġi. U għar-Re, li kien il-protettur tar-reliġjon. U għall-Papa, li kellu jkun l-uniku referenza fejn jidħlu affarijiet spiritwali; hu u l-ġenerali tal-ordnijiet monastiċi. Intbagħtet lir-Re Ġorġ III, imma nafu biha għax baqgħu kopji tagħha Malta. Fl-arkivji impekkabbli tal-Gran Brittanja m’hemm ebda ħjiel tagħha. Jekk lir-Re waslitlu, ma nafux x’għamel biha. L-Ingliżi bdew imexxu l-gżejjer bħala dittatorjat militari. Fost l-uffiċjali Ingliżi, li ma taw kas la ta’ din id-dikjarazzjoni u lanqas ta’ appelli oħrajn għall-awtonomija, kien hemm l-ewwel Duka ta’ Wellington li jgħidu li qal: Kieku allura nistgħu nagħtu kostituzzjoni lil bastiment tal-gwerra!
Abbona